STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

L-Eurosistema tippreżenta l-€20 ġdida u tgħin lill-manifatturi u l-fornituri tal-apparat tal-karti tal-flus

19 ta' Diċembru 2014

EMBARGO

M’għandhiex tixxandar qabel l-10 a.m. CET tal-Ġimgħa 19 ta’ Diċembru 2014
  • L-Eurosistema se tippreżenta l-karta l-ġdida tal-€20 tas-sensiela Europa fl-24 ta’ Frar 2015. Il-karta l-ġdida se jkollha karatteristiċi ta’ sigurtà ġodda.
  • Il-manifatturi u l-fornituri tal-apparat li jipproċessa l-karti tal-flus se jkomplu jsibu l-għajnuna tal-Eurosistema biex jadattaw il-magni u t-tagħmir ta’ verifika.

L-€20 il-ġdida hija t-tielet karta tal-flus mis-sensiela Europa li se tidħol fiċ-ċirkolazzjoni wara l-€5 u l-€10. Fl-24 ta’ Frar 2015 il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali – l-Eurosistema – se jippreżentaw il-karta tal-flus u jħabbru d-data eżatta meta se toħroġ. Is-sensiela Europa qiegħda tiġi introdotta biex tkompli ttejjeb l-integrità tal-karti tal-euro u tagħmilha aktar diffiċli għall-falsifikaturi.

L-Eurosistema qiegħda tieħu bosta miżuri biex tgħin lill-manifatturi u l-fornituri ta’ apparat li jipproċessa l-karti tal-flus kif ukoll lis-sidien ta’ magni u tagħmir ta’ verifika.

  • Il-karta l-ġdida tal-flus se tkun disponibbli għalihom fil-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro ħafna qabel ma toħroġ sabiex ikunu jistgħu jittestjaw u jadattaw il-magni u t-tagħmir tagħhom. Wara l-preżentazzjoni uffiċjali, il-karta l-ġdida tal-€20 tkun tista’ tiġi ttestjata barra l-banek ċentrali.
  • L-Eurosistema qiegħda torganizza sensiela ta’ avvenimenti u attivitajiet bi tħejjija għall-introduzzjoni tal-karta l-ġdida tal-€20. L-ewwel avveniment se jkun seminar tal-Eurosistema għall-organizzazzjonijiet rilevanti li se jsir fil-Banca d’Italia f’Ruma fis-6 ta’ Frar 2015.
  • L-Eurosistema qiegħda tipprovdi għadd ta’ għodod u materjal b’tagħrif biex tgħin lil kull min huwa kkonċernat iħejji ruħu għall-introduzzjoni tal-karta l-ġdida tal-flus.

“Il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro qegħdin jistennew bil-ħerqa biex jaħdmu flimkien, għal darb’oħra, mal-manifatturi, il-fornituri, l-operaturi u s-sidien ta’ apparat li jipproċessa l-karti tal-flus. Wara kollox, huma jħejju l-magni u t-tagħmir biex ikunu adattati għall-karta l-ġdida qabel ma toħroġ,” qal Yves Mersch, Membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew.

Għal aktar tagħrif tista’ ċċempel lil William Lelieveldt (+49 69 1344 7316).

Related information

Kuntatti midja