STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Tagħrif ta’ kull sitt xhur dwar l-iffalsifikar ta’ l-euro

13 ta' Jannar 2005

Fl-aħħar sitt xhur ta’ l-2004, total ta’ 287,000 karti foloz ta’ l-euro ġew irtirati miċ-ċirkolazzjoni, f’pajjiżi kemm taż-żona ta’ l-euro u kemm barra minnha. Din iċ-ċifra għandha tiġi mqabbla ma’ dik ta’ l-ewwel sitt xhur tas-sena, meta nġabru madwar 307,000 karti tal-flus foloz. Għalhekk, it-total għas-sena 2004 kollha kien ta’ madwar 594,000 karti tal-flus foloz. Għalkemm din hija żieda ta’ madwar 8% fuq iċ-ċifra tas-sena 2003, it-tendenza reċenti hi lejn tnaqqis.

L-analiżi skond id-denominazzjoni hi kif ġej:

€5 €10 €20 €50 €100 €200 €500 Total
Analiżi skond id-denominazzjoni (f’%) 1 5 24 48 17 4 1 100%

Wieħed għandu jara dawn iċ-ċifri fil-kuntest ta' l-għadd ta' karti tal-flus ġenwini fiċ-ċirkolazzjoni (madwar 9 biljuni).

Il-pubbliku għandu jkollu fiduċja fil-kwalità tal-karti tal-flus ta’ l-euro u fil-karatteristiċi ta’ sigurtà tagħhom. Madankollu, l-Eurosistema, jiġifieri l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u t-12-il bank ċentrali nazzjonali taż-żona ta’ l-euro, tkompli twissi lill-pubbliku biex joqgħod attent għall-possibiltà li jista’ jirċievi xi karta tal-flus falza. Il-biċċa l-kbira tal-karti tal-flus foloz ta’ l-euro jistgħu jingħarfu faċilment minn dawk li huma genwini meta wieħed juża l-prova ĦOSS-ĦARES-MEJJEL imfisser fil-materjal ta’ tagħrif ta’ l-Eurosistema. Tifsira dwar din il-prova tinstab fuq il-website tal-BĊE[1]. Saħansitra l-karti ta’ flus foloz magħmulin tajjeb jistgħu jingħarfu meta wieħed jagħmel din il-prova. F’każijiet ta’ dubju, karta tal-flus li jkun hemm suspett dwarha għandha titqabbel ma’ waħda li żgur hi ġenwina.

L-Eurosistema tikkoopera mill-qrib ma’ l-Europol, l-Interpol, il-Kummissjoni Ewropea (li hi responsabbli għat-tixrid ta’ tagħrif dwar muniti ta’ l-euro foloz ) u forzi nazzjonali tal-pulizija fil-ġlieda kontra l-iffalsifikar tal-flus. Kull min jirċievi xi flus foloz hu mħeġġeġ jikkunsinnahom jew lill-pulizija, waqt li jagħti kemm jista’ jkun dettalji dwar l-oriġini tagħhom, jew lill-bank ċentrali nazzjonali rispettiv, fejn dan hu permess mill-prassi nazzjonali.

Kuntatti midja