Għaliex l-Ewropa għad għandha bżonn il-flus kontanti

Kitba ta’ Yves Mersch, Membru tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE, għal Project Syndicate

Is-sistemi ta’ ħlas fl-Ewropa jinsabu f’nofs taqliba kbira. Hekk kif ir-rivoluzzjoni diġitali kulma tmur qiegħda toffri mezzi eħfef u iżjed konvenjenti biex isiru tranżazzjonijiet, jidher li l-flus kontanti m’għandhomx ġejjieni. Iżda m’għandniex nagħmlu l-iżball li narmu s-sehem tal-karti tal-flus u l-muniti fl-ekonomija.

F’dawn l-aħħar snin kotru metodi differenti ta’ pagamenti mingħajr flus kontanti. Il-karti tal-kreditu, it-trasferimenti bl-internet u l-ħlasijiet b’debitu dirett ilhom stabbiliti sew. Issa jmiss id-daqqa tas-soluzzjonijiet tal-ħlas diġitali u kartieri mobbli permezz tas-smartfowns. Il-ħruġ ta’ innovazzjonijiet kumplessi bħat-teknoloġija tad-distributed ledger jindika li fix-xefaq qiegħed ifiġġ tibdil ieħor li jista’ jkun fundamentali.

Apparti dawn l-għażliet ġodda li qegħdin ifaqqsu, saru għadd ta’ studji li qegħdin irewħu biex il-flus kontanti jinqatgħu għalkollox. Dawk li jridu soċjetà bla flus kontanti jinqasmu fi tliet kategoriji ewlenin.

L-ewwel kategorija, l-‘alkemisti’, trid taqbeż ir-restrizzjonijiet li timponi fuq il-politika monetarja dik magħrufa bħala ż-zero lower bound (ZLB), li tillimita l-kapaċità ta’ bank ċentrali li jistimula t-tkabbir ekonomiku. It-tieni kategorija, dik ‘tal-liġi u l-ordni’, trid tħassar il-mezz ewlieni ta’ ħlas bl-iskuża tal-attivitajiet illegali. It-tielet kategorija, l-‘alleanza tat-teknoloġija finanzjarja’, qiegħda tantiċipa opportunitajiet ġodda ta’ negozju minħabba li jgħosfru l-ispejjeż kbar ta’ ħżin, ħruġ u proċessar tal-flus kontanti li għandha bħalissa l-industrija finanzjarja.

Iżda l-argumenti kontra l-flus kontanti mhumiex sodi. Ejja nibdew bil-każ tal-alkemisti. Tassew li, f’ambjent ta’ rati tal-imgħax baxxi ħafna, it-tmexxija tal-politika monetarja ssir diffiċli.

Iżda l-esperjenza wriet li l-effective lower bound hija differenti miż-ZLB. Ir-rati tal-imgħax negattivi ħadmu, bla ma n-nies ġrew għall-flus kontanti, speċjalment meta saru flimkien max-xiri dirett ta’ assi, l-operazzjonijiet ta’ kreditu fit-tul (fosthom il-varjanti “b’rata fissa u allokazzjoni sħiħa” u dawk “speċifiċi”) u l-gwida għall-ġejjieni. Ir-rati tal-imgħax negattivi għandhom jinftiehmu bħala strument straordinarju speċifiku tal-politika monetarja li huwa differenti mir-rati tal-imgħax baxxi.

Il-każ tal-kategorija ‘tal-liġi u l-ordni’ biex jintemmu l-flus kontanti wkoll ma jreġix. Billi jservu ta’ ħażna ta’ valur u mezz ta’ ħlas, il-flus kontanti jaqdu funzjoni soċjali importanti għaċ-ċittadini li josservaw il-liġi. Allura sewwa nissuġġerixxu li ħadd ma jista’ jkollu karozzi lussużi jew ġojjelli minħabba li hawn il-kriminali? Jekk inweġġgħu l-maġġoranza li tobdi l-liġi biex nikkastigaw minoranza li tiksirha, inkunu qisna qegħdin nużaw mazza biex inkissru ġellewża – u magħha nkissru wkoll il-mejda ta’ taħtha.

Fl-aħħar, l-‘alleanza tat-teknoloġija finanzjarja’ twiegħed li, bis-saħħa tas-soluzzjonijiet innovattivi tal-ħlas diġitali, tista’ tħaffef it-tranżazzjonijiet finanzjarji. Il-klijenti ma jkollhomx għalfejn iġorru mazzi ta’ karti tal-flus jew ifittxu ATM. Iżda għad hemm dubji kbar jekk is-settur tal-ħlas diġitali, li għadu frammentat sew, ikunx jista’ jgħin lill-klijenti iktar mill-kumpaniji li joffru s-soluzzjonijiet ta’ ħlas.

Hemm problema kbira oħra għall-argument favur soċjetà bla flus kontanti: bosta nies, għallinqas fiż-żona tal-euro, ma jriduhiex. Skont stħarriġ li għadu ma ġiex pubblikat li sar mill-Bank Ċentrali Ewropew fost 65,000 resident taż-żona tal-euro, kważi 80% tat-tranżazzjonijiet fil-ħwienet isiru bi flus kontanti. F’termini ta’ valur, iżjed minn nofs il-ħlasijiet isiru bil-kontanti.

Kif sikwit jiġri fl-Ewropa, id-differenzi fost l-Istati Membri huma kbar: is-sehem tat-tranżazzjonijiet bil-kontanti jvarja minn 42% fil-Finlandja għal 92% f’Malta. Iżda, kollox ma’ kollox, l-impenn tal-pubbliku favur il-flus kontanti għadu qawwi – u qiegħed ikompli jissaħħaħ.

Il-fatt huwa li ż-żieda fid-domanda ġenerali għall-flus kontanti hija akbar mit-tkabbir nominali tal-PDG. Fl-aħħar ħames snin, ir-rata medja ta’ żieda annwali tal-karti tal-euro kienet 4.9% fil-valur u 6.2% fl-għadd. Din iż-żieda tinkludi d-denominazzjonijiet li jintużaw l-iżjed għat-tranżazzjonijiet, iktar milli għat-tfaddil.

Dawn il-konklużjonijiet jikkonfermaw kemm hija f’lokha l-qagħda newtrali tal-BĊE fuq il-ħlasijiet, li ma tagħżilx bejn ħlasijiet bi flus kontanti u mingħajrhom. Din ix-xejra tissejjes fuq erba’ prinċipji: (1) sigurtà teknoloġika, (2) effiċjenza, (3) newtralità teknoloġika, u (4) libertà għal min juża l-flus li jagħżel il-mezz ta’ ħlas li jrid.

L-għan suprem tal-BĊE huwa li jiżgura l-istabbiltà tal-prezzijiet. Biex isostni dan l-għan, huwa jipprovdi kemm likwidità sigura ta’ bank ċentrali fis-sura ta’ riżervi tal-banek ċentrali miżmumin fil-banek kif ukoll karti tal-flus (dawn huma l-uniċi karti tal-flus bi status ta’ valuta legali fiż-żona tal-euro).

Kieku l-Ewropa kellha tabolixxi l-flus kontanti, tkun qiegħda taqta’ l-unika rabta diretta tal-poplu mal-flus tal-banek ċentrali. F’demokrazija, rabta bħal din tgħin biex il-pubbliku jkompli jaċċetta l-indipendenza tal-banek ċentrali billi ssaħħaħ il-fiduċja u l-appoġġ tan-nies għal tmexxija ta’ politika monetarja effikaċi.

Il-BĊE se jkompli jipprovdi l-karti tal-flus. Se nkomplu wkoll inħaffu l-iżvilupp ta’ suq integrat, innovattiv u kompetittiv għal soluzzjonijiet ta’ ħlas bl-imnut fiż-żona tal-euro. Jekk xi darba l-mezzi elettroniċi ta’ ħlas jieħdu post il-flus kontanti, dik id-deċiżjoni għandha tkun tirrifletti r-rieda tal-poplu, mhux is-saħħa tal-gruppi interessati.

Speaking engagements

Kuntatti midja