Decizjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BCE (Minbarra d-decizjonijiet li jistabbilixxu r-rati ta' l-imghax)
Lulju 2008
Kwistjonijiet operazzjonali
Linja Gwida tal-BĊE dwar il-maniġġ ta’ l-assi tar-riżervi barranin
Fl-20 ta’ Ġunju 2008, il-Kunsill Governattiv adotta Linja Gwida dwar il-maniġġ ta’ l-assi tar-riżervi barranin tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-banek ċentrali nazzjonali u d-dokumentazzjoni legali għall-operazzjonijiet li jinvolvu assi tali (miktuba mill-ġdid) (BĊE/2008/5). Il-Linja Gwida se tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-UE fid-19 ta’ Lulju 2008 u se tkun disponibbli wkoll fis-sit elettroniku tal-BĊE.
Sistemi ta’ Pagament u Infrastruttura tas-Suq
It-tieni konsultazzjoni pubblika dwar is-CCBM2 (Collateral Central Bank Management)
Fl-10 ta’ Lulju 2008, il-Kunsill Governattiv awtorizza l-pubblikazzjoni tar-riżultat tat-tieni konsultazzjoni pubblika dwar l-abbozz tal-Rekwiżiti għall-Utenti tas-CCBM2.
TARGET2-Titoli – tnedija tal-proġett
Fis-17 ta’ Lulju 2008, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jniedi l-proġett tat-TARGET2-Titoli u li jipprovdi r-riżorsi meħtieġa sa ma jitlesta. Dan hu r-riżultat tat-tagħrif li rċieva bi tweġiba għall-istedina li ħareġ il-Kunsill Governattiv lid-depożitarji ċentrali Ewropej kollha tat-titoli biex jissieħbu ma’ l-inizjattiva dwar it-TARGET2-Titoli. Il-Kunsill Governattiv iddeċieda wkoll li jassenja l-iżvilupp u l-operat tat-TARGET2-Titoli lid-Deutsche Bundesbank, lill-Banco de España, lill-Banque de France u lill-Banca d’Italia. Ilbieraħ ġiet ippubblikata stqarrija għall-istampa fis-sit elettroniku tal-BĊE.
CCBM2 – tnedija tal-proġett
Fis-17 ta’ Lulju 2008, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jniedi l-proġett CCBM2. Assenja wkoll l-iżvilupp u l-operat tas-CCBM2 lin-Nationale Bank van België/Banque Nationale de Belgique u lin-Nederlandsche Bank, bil-ħsieb li jibda t-tħaddim attiv qabel – jew flimkien ma’, iżda mhux wara – t-TARGET2-Titoli, u dan ikun soġġett għar-riżultat ta’ analiżi iżjed dettaljata tas-sinerġiji mat-TARGET2-Titoli. Il-Kunsill Governattiv approva wkoll ir-Rekwiżiti għall-Utenti tas-CCBM2 kif riveduti, u awtorizza l-pubblikazzjoni tagħhom fis-sit elettroniku tal-BĊE. Din il-verżjoni tar-Rekwiżiti għall-Utenti tqis it-tagħrif li nkiseb fil-kuntest tat-tieni konsultazzjoni pubblika dwar is-CCBM2 u se tkun il-bażi għall-abbozz ta’ l-ispeċifikazzjonijiet dettaljati għas-CCBM2. Ilbieraħ ġiet ippubblikata stqarrija għall-istampa fis-sit elettroniku tal-BĊE.
Opinjonijiet dwar Leġiżlazzjoni
Opinjoni tal-BĊE dwar il-leġiżlazzjoni Slovakka relatata mal-wiri taż-żewġ prezzijiet f’daqqa u r-regoli dwar iż-żieda/tnaqqis sa l-eqreb numru sħiħ
Fl-1 ta’ Lulju 2008, fuq talba tal-Ministeru Slovakk għax-Xogħol, is-Sigurtà Soċjali u l-Familja, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar il-wiri taż-żewġ prezzijiet f’daqqa u r-regoli dwar iż-żieda/tnaqqis sa l-eqreb numru sħiħ fis-setturi tax-xogħol u tas-sigurtà soċjali (CON/2008/27). Din l-Opinjoni hi disponibbli fis-sit elettroniku tal-BĊE.
Opinjoni tal-BĊE dwar l-introduzzjoni ta’ l-euro fis-Slovakja
Fit-3 ta’ Lulju 2008, fuq talba tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar l-introduzzjoni ta’ l-euro fis-Slovakja u dwar ir-rata tal-konverżjoni tal-koruna Slovakka għall-euro (CON/2008/28). Din l-Opinjoni ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-UE fis-17 ta’ Lulju 2008 u hi disponibbli wkoll fis-sit elettroniku tal-BĊE.
Opinjoni tal-BĊE fir-rigwad ta’ leġiżlazzjoni Bulgara dwar l-istatistika
Fid-9 ta’ Lulju 2008, fuq talba tal-Prim Ministru Bulgaru, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar l-emendi għall-liġi relatata ma’ l-istatistika (CON/2008/29). Din l-Opinjoni hi disponibbli fis-sit elettroniku tal-BĊE.
Governanza Korporattiva
Parteċipazzjoni tan-Národná banka Slovenska fil-laqgħat tal-Kunsill Governattiv qabel l-1 ta’ Jannar 2009.
Skond il-prassi ta’ l-imgħoddi, il-Kunsill Governattiv stieden lill-Gvernatur tan-Národná banka Slovenska biex jieħu sehem fil-laqgħat tiegħu bħala osservatur. Iddeċieda wkoll li jagħti status ta’ osservatur lill-esperti tan-Národná banka Slovenska fir-rigward tal-kumitati kollha ta’ l-Eurosistema/SEBĊ u s-sotto strutturi tagħhom kull meta dawn jiltaqgħu fil-kompożizzjoni ta’ l-Eurosistema. Din id-deċiżjoni daħlet fis-seħħ wara d-deċiżjoni tal-Kunsill ta’ l-UE tat-8 ta’ Lulju 2008 li jirrevoka d-deroga tas-Slovakja.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja