European Central Bank - eurosystem
Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (Minbarra d-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati ta' l-imgħax)

April 2008

Kwistjonijiet Operazzjonali

L-inizjattiva għal Kitbiet Ewropej fuq Żmien Qasir (STEP) – Estensjoni ta’ l-involviment tas-SEBĊ

Fuq talba tal-Federazzjoni Bankarja Ewropea, fl-24 ta’ April 2008 il-Kunsill Governattiv approva l-estensjoni ta’ l-involviment tas-SEBĊ fil-proċess deskrittiv ta’ l-iSTEP (li l-Kunsill Governattiv approva f’April 2006) għal sentejn oħra sa l-aħħar ta’ Ġunju 2010.

IS-SITWAZZJONI EKONOMIKA, MONETARJA U FINANZJARJA

Id-Disa’ Rapport dwar Kwistjonijiet Strutturali

Fl-24 ta’ April 2008 il-Kunsill Governattiv approva d-Disa’ Rapport dwar Kwistjonijiet Strutturali, li kien tħejja mill-Kumitat għall-Politika Monetarja (wieħed mill-kumitati ta’ l-Eurosistema/SEBĊ). Ir-Rapport jiddeskrivi fil-qosor iż-żewġ żviluppi ewlenin fil-provvista tal-ħaddiema u l-fatturi determinanti tagħha fiż-żona ta’ l-euro tul il-perijodu 1996-2007 u jidentifika l-isfidi tal-ġejjieni għal dawk li jfasslu l-politika. Ir-Rapport se jintbagħat lill-Parlament Ewropew u se jiġi ppubblikat fis-sit elettroniku tal-BĊE fil-25 ta’ Ġunju 2008.

Sistemi ta’ Pagament u Infrastruttura tas-Suq

Konformità ta’ l-infrastrutturi fiż-Żona Unika ta' Pagamenti f'Euro (SEPA)

Fl-24 ta’ April 2008 il-Kunsill Governattiv approva t-termini ta’ referenza dettaljati li għandhom jikkomplementaw l-erba’ kriterji tal-konformità SEPA li l-Eurosistema adottat f’Lulju 2007. Dawn it-termini ta’ referenza se jiġu ppubblikati fis-sit elettroniku tal-BĊE fit-28 ta’ April 2008.

Governanza T2S għall-fażi ta' l-ispeċifikazzjoni

Fl-24 ta’ April 2008 il-Kunsill Governattiv approva l-arranġamenti dettaljati għall-governanza T2S tul il-fażi ta’ l-ispeċifikazzjoni tal-proġett li mistennija ttul sa tmiem l-2009. Għalkemm se jibqa' japplika l-arranġament ġenerali tal-governanza għall-fażi kurrenti tar-rekwiżiti ta’ l-utenti, ġew introdotti bidliet żgħar. Permezz ta’ waħda minn dawn il-bidliet is-CSDs u l-utenti li jsostnu t-T2S espliċitament se jkunu huma biss parti mill-governanza T2S futura, waqt li fil-fażi kurrenti, il-parteċipanti tas-suq huma rappreżentati kemm jekk isostnu l-proġett kemm jekk le.

Stabbiltà Finanzjarja u Sorveljanza

Valutazzjoni tal-Memorandum ta’ Ftehim fir-rigward tal-kooperazzjoni ta’ l-UE dwar l-istabbiltà finanzjarja trans-konfini

Fil-31 ta’ Marzu 2008, il-Kunsill Governattiv approva t-test ta’ l-abbozz tal-Memorandum ta’ Ftehim dwar il-kooperazzjoni bejn l-Awtoritajiet għas-Sorveljanza Finanzjarja, il-Banek Ċentrali u l-Ministeri tal-Finanzi ta’ l-Unjoni Ewropea dwar l-istabbiltà finanzjarja trans-konfini, li wara ġie ffirmat mill-Gvernaturi tas-27 bank ċentrali nazzjonali tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali, kif ukoll mill-President tal-BĊE, waqt il-laqgħa informali ta’ l-Ecofin fi Brdo pri Kranju fl-4 ta’ April 2008.

Rapport dwar l-isfidi għall-istabbiltà finanzjarja fil-pajjiżi kandidati

Fit-3 ta’ April 2008 il-Kunsill Governattiv approva t-tielet edizzjoni tar-Rapport dwar l-isfidi għall-istabbiltà finanzjarja fil-pajjiżi kandidati, bil-ħsieb li jittrasmettih lid-Djalogu Ekonomiku Għoli mal-pajjiżi kandidati ta’ l-Unjoni Ewropea fl-14 ta’ Mejju 2008. Dan ir-Rapport, li tħejja mill-Kumitat għar-Relazzjonijiet Internazzjonali (wieħed mill-kumitati ta' l-Eurosistema/SEBĊ), jiffoka fuq l-isfidi fir-rigward ta’ l-amministrazzjoni tat-transizzjoni għal sistemi finanzjarji iżjed sodi u iżjed orjentati lejn is-suq. Dan se jiġi ppubblikat dalwaqt bħala Ktiba Okkażjonali tal-BĊE.

Komunikazzjoni Esterna

Ġabra ta’ tagħrif dwar l-istabbiltà tal-prezzijiet

Fl-24 ta’ April 2008 il-Kunsill Governattiv qies it-tagħrif pożittiv li taw l-utenti ta’ l-azzjoni dwar il-komunikazzjoni, li tnediet f’Diċembru 2005, u li kienet maħsuba għall-għalliema u t-tfal ta’ l-iskejjel sekondarji biex il-ġenerazzjoni żagħżugħa ssir iżjed konxja ta' l-importanza u l-benefiċċji ta' l-istabbiltà tal-prezzijiet. Din il-ġabra ta’ tagħrif tikkonsisti f’film animat ta' tmien minuti, fuljett għat-tfal ta' l-iskola u ktejjeb għall-għalliema. Din hi disponibbli bil-lingwi uffiċjali kollha ta’ l-Unjoni Ewropea u hi aċċessibbli mis-sit elettroniku tal-BĊE.

Opinjonijiet dwar Leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar il-kodifikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill fir-rigward ta’ l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tad-defiċit eċċessiv

Fuq talba tal-Kunsill ta’ l-UE, fit-3 ta’ April 2008 il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar il-kodifikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill fir-rigward ta’ l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tad-defiċit eċċessiv (CON/2008/15). Din l-Opinjoni hi disponibbli fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar leġiżlazzjoni Finlandiża fir-rigward ta’ l-integrazzjoni tas-superviżjon finanzjarja u ta’ l-assigurazzjoni.

Fl-4 ta' April 2008, fuq talba tal-Ministeru tal-Finanzi Finlandiż, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar l-integrazzjoni tas-superviżjoni finanzjarja u ta’ l-assigurazzjoni (CON/2008/16). Din l-Opinjoni hi disponibbli fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar leġiżlazzjoni Lussemburgiża relatata mal-modernizzazzjoni tas-settur finanzjarju u ma' l-iskema tal-pensjoni statutorja

Fil-15 ta’ April 2008, fuq talba tal-Ministru Lussemburgiż għat-Teżor u l-Baġit, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar is-setgħat tal-Banque centrale du Luxembourg u dwar l-iskema ta’ pensjoni ta’ l-aġenti tiegħu (CON/2008/17). Din l-Opinjoni hi disponibbli fis-sit elettroniku tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja