Il-BĊE jagħmel qligħ?

16 ta' Frar 2017

Meta taħseb fil-Bank Ċentrali Ewropew, tarah bħala bank bi skop ta’ qligħ? Tassew li jippubblika l-kontijiet annwali, u l-qligħ qiegħed hemm u jidher. Iżda l-BĊE jaħdem sewwasew għal għan differenti għalkollox – li jżomm il-prezzijiet stabbli fiż-żona tal-euro. Xi drabi l-qligħ li jagħmel ikun effett sekondarju tal-attivitajiet tiegħu – u billi l-BĊE huwa istituzzjoni pubblika, int ukoll tista’ tgawdi minnu.

Mela kif inhuma l-affarijiet?

Bħal banek ċentrali oħra, il-BĊE jdaħħal introjtu minn għadd ta’ sorsi. Fost dawn hemm id-dħul mill-imgħax li għandu x’jaqsam mal-ħruġ ta’ karti tal-flus, magħruf bħala seigniorage, u d-dħul mill-imgħax fuq riżervi barranin, investimenti u bonds akkwistati fil-programm tal-akkwist ta’ assi.

Il-BĊE juża parti minn dan id-dħul biex ikun jista’ jagħmel xogħlu, i.e. l-attivitajiet li jwettaq biex iżomm il-prezzijiet stabbli fiż-żona tal-euro. Fost dawn hemm it-tmexxija tal-uffiċċji tiegħu u s-salarji tal-istaff. Ix-xogħol marbut mas-sehem tal-BĊE fis-superviżjoni bankarja jitħallas mill-banek kummerċjali stess.

X’jiġri mill-bqija tal-flus?

Xi flus għandhom mnejn jitwarrbu biex ikopru telf li jista’ jkun hemm fis-snin ta’ wara. Imbagħad, il-qligħ tal-BĊE li jifdal jgħaddi għand il-banek ċentrali tal-pajjiżi taż-żona tal-euro, li huma l-azzjonisti tal-BĊE.

Il-banek ċentrali jistgħu jfaddlu xi ħaġa minn dawn il-flus jew jużawhom għall-attivitajiet tagħhom, iżda l-qligħ normalment jgħaddi għand il-gvern tal-pajjiż bħala kontribuzzjoni għall-baġit tiegħu. B’hekk igawdu dawk li jħallsu t-taxxi fiż-żona tal-euro.

Il-BĊE jagħmel qligħ? Il-BĊE jagħmel qligħ?

U x’jiġri jekk il-BĊE jagħmel telf?

Kważi kull sena minn meta twaqqaf, il-BĊE rrapporta qligħ nett iżda jista’ jiġri wkoll li l-bank ċentrali jagħmel telf. Fil-każ li jirreġistra telf, il-BĊE l-ewwel juża l-flus li jkun warrab fis-snin ta’ qabel. Jekk dawn ma jkunux biżżejjed, il-BĊE jista’ jitlob lill-banek ċentrali tal-pajjiżi taż-żona tal-euro jagħmlu tajjeb għall-bqija tat-telf bid-dħul mill-operazzjonijiet tal-politika monetarja li jagħmlu. Jekk jibqa’ ammonti oħra, dawn jidħlu fil-karta tal-bilanċ tal-BĊE u jiġu paċuti meta jiġi reġistrat dħul nett fis-snin ta’ wara.