European Central Bank - eurosystem
Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
  • STQARRIJA INTRODUTTORJA

KONFERENZA STAMPA

Mario Draghi, President tal-BĊE,
Luis de Guindos, Viċi President tal-BĊE,
Frankfurt am Main, 25 ta’ Diċembru 2019

Sinjuri, hu pjaċir kbir tal-Viċi President u tiegħi nilqgħukom għal din il-konferenza stampa. Issa se ngħidulkom x'ħareġ mil-laqgħa tal-lum tal-Kunsill Governattiv, fejn kien preżenti wkoll il-Viċi President tal-Kummissjoni, Is-Sur Dombrovskis.

Wara l-analiżijiet regolari tagħna tas-sitwazzjoni ekonomika u monetarja, ħadna d-deċiżjoni li nżommu r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE kif inhuma. Għadna nistennew li dawn se jibqgħu fil-livelli preżenti tagħhom jew jonqsu għall-inqas matul l-ewwel sitt xhur tal-2020, u fi kwalunkwe każ, sakemm ikun meħtieġ biex niżguraw konverġenza kontinwa u sostnuta tal-inflazzjoni mal-mira tagħna matul perijodu ta’ żmien medju.

Fiħsiebna nkomplu ninvestu mill-ġdid, għalkollox, il-pagamenti ewlenin minn titoli li jimmaturaw mixtrija taħt il-programm tax-xiri ta’ assi għal perijodu estiż ta’ żmien wara d-data meta nibdew ngħollu r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE, u fi kwalunkwe każ sakemm ikun meħtieġ biex jinżammu kundizzjonijiet ta’ likwidità favorevoli u grad wiesa’ ta’ akkomodament monetarju.

Il-Kunsill Governattiv enfasizza wkoll il-ħtieġa għal pożizzjoni ta’ akkomodament għolja tal-politika monetarja għal perijodu estiż ta’ żmien, billi r-rati tal-inflazzjoni, kemm imwettqa kif ukoll ipproġettati, kienu persistentement taħt il-livelli li huma konformi mal-mira tiegħu. Għaldaqstant, jekk il-prospetti dwar l-inflazzjoni fuq perijodu ta’ żmien medju ma jikkonformax mal-mira tagħna, il-Kunsill Governattiv huwa ddeterminat li jaġixxi, skont l-impenn tiegħu għas-simetrija fil-mira tal-inflazzjoni. Għalhekk huwa lest li jaġġusta l-istrumenti kollha tiegħu, kif xieraq, biex jiżgura li l-inflazzjoni tibqa’ miexja lejn il-mira tiegħu għall-inflazzjoni b’mod sostnut.

F'dan il-kuntest, inkarigajna lill-Kumitati tal-Eurosistema rilevanti biex jeżaminaw l-għażliet, inklużi modi biex insaħħu l-gwida għall-ġejjieni tagħna dwar ir-rati tal-politika, miżuri ta’ mitigazzjoni, bħad-disinn ta’ sistema fi gradi għal remunerazzjoni ta’ riserva, u għażliet għad-daqs u l-kompożizzjoni ta’ xiri ta’ assi nett ġdid.

Informazzjoni li daħlet mill-aħħar laqgħa tal-Kunsill Governattiv fil-bidu ta’ Ġunju tindika li, filwaqt li aktar żidiet fl-impjiegi u żieda fil-pagi jkomplu jirfdu r-reżiljenza tal-ekonomija, it-tnaqqis fid-dinamiċi tat-tkabbir globali u kummerċ dgħajjef internazzjonali għadhom qed jaffettwaw sew il-prospetti taż-żona tal-euro. Barra minn hekk, il-preżenza fit-tul ta’ inċertezzi, relatati ma' fatturi ġeopolitiċi, it-theddida dejjem tikber tal-protezzjoniżmu, u l-vulnerabbiltajiet fis-swieq emerġenti, qed tnaqqas is-sentiment ekonomiku, partikolarment fis-settur tal-manifattura. F'dan l-ambjent, il-pressjonijiet inflazzjonarji jibqgħu żgħar u l-indikaturi tal-aspettattivi tal-inflazzjoni naqsu. Għalhekk, grad sinifikanti ta’ stimolu monetarju jibqa' meħtieġ biex jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet finanzjarji jibqgħu favorevoli ħafna u jappoġġjaw l-espansjoni taż-żona tal-euro, ż-żieda kontinwa tal-pressjonijiet tal-prezzijiet domestiċi u, għalhekk, l-iżviluppi ewlenin tal-inflazzjoni ġenerali fuq żmien medju.

Issa se nispjega l-valutazzjoni tagħna b’iżjed reqqa, u nibda bl-analiżi ekonomika. Wara żieda ta’ 0.2% fir-raba' trimestru tal-2018, il-PDG reali taż-żona tal-euro żdied b'0.4%, minn trimestru għal ieħor, fl-ewwel trimestru tal-2019. Dejta ekonomika u informazzjoni dwar l-istħarriġ irċevuti jkomplu jindikaw tkabbir kemmxejn aktar kajman fit-tieni u t-tielet trimestri ta’ din is-sena. Dan jirrifletti l-aktar id-dgħufija kontinwa fil-kummerċ internazzjonali f'ambjent ta’ inċertezzi globali fit-tul, li partikolarment qed jaffettwaw is-settur tal-manifattura taż-żona tal-euro. Fl-istess ħin, il-livelli ta’ attività fis-setturi tas-servizzi u tal-kostruzzjoni huma reżiljenti u s-suq tax-xogħol għadu qed jitjieb. B’ħarsa ‘l quddiem, l-espansjoni taż-żona tal-euro ser tkompli tkun appoġġata minn kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli, aktar impjiegi u żieda fil-pagi, il-pożizzjoni fiskali taż-żona tal-euro kemxejn espansiva u t-tkabbir – għalkemm xi ftit aktar kajman – fl-attività globali.

Ir-riskji madwar il-prospetti tat-tkabbir taż-żona tal-euro jibqgħu inklinati għan-negattiv, li jirrifletti l-preżenza fit-tul ta’ inċertezzi, relatati ma’ fatturi ġeopolitiċi, it-theddida dejjem tikber tal-protezzjoniżmu u l-vulnerabbiltajiet fis-swieq emerġenti.

L-inflazzjoni annwali tal-HICP taż-żona tal-euro żdiedet għal 1.3% f’Ġunju 2019, minn 1.2% f’Mejju, hekk kif inflazzjoni HICP ogħla bl-esklużjoni tal-ikel u l-enerġija iktar milli kkumpensat l-inflazzjoni aktar baxxa fil-prezz tal-enerġija. Fuq il-bażi tal-prezzijiet attwali tal-kuntratti future taż-żejt, l-inflazzjoni ġenerali x’aktarx li tonqos fix-xhur li ġejjin, qabel ma terġa’ togħla lejn l-aħħar tas-sena. Meta wieħed iħares lejn il-volatilità riċenti minħabba fatturi temporanji, il-miżuri tal-inflazzjoni sottostanti jibqgħu ġeneralment żgħar. L-indikaturi tal-aspettattivi inflazzjonarji naqqsu. Filwaqt li l-pressjonijiet tal-ispiża tax-xogħol issaħħu u twessgħu fost livelli għolja ta’ utilizzazzjoni tal-kapaċità u ssikkaw is-swieq tax-xogħol, il-passaġġ tal-pressjonijiet tal-ispejjeż għall-inflazzjoni qed jieħu iktar ħin milli kien antiċipat qabel. Fuq perijodu ta’ żmien medju l-inflazzjoni sottostanti hija mistennija li tiżdied, appoġġata mill-miżuri tal-politika monetarja tagħna, l-espansjoni ekonomika li għaddejja u tkabbir aktar b'saħħtu fil-pagi.

Dwar l-analiżi monetarja: it-tkabbir tal-aggregat monetarju wiesa’ (M3) kien ta’ 4.5% f’Ġunju 2019, wara li f’Mejju kien ta’ 4.8%. Rati sostnuti ta’ tkabbir tal-aggregat monetarju wiesa’ jirriflettu l-ħolqien kontinwu ta' kreditu bankarju għas-settur privat u spejjeż baxxi ta’ opportunità biex wieħed iżomm M3. L-aggregat monetarju ristrett M1 jibqa’ l-kontributur ewlieni għat-tkabbir tal-aggregat monetarju wiesa’ fuq in-naħa tal-komponenti.

Ir-rata ta’ tkabbir annwali tas-self lill-korporazzjonijiet mhux finanzjarji wkoll baqgħet stabbli, 3.8% f’Ġunju 2019. Minkejja xi moderazzjoni mill-quċċata rreġistrata f'Settembru 2018, ir-rata tat-tkabbir annwali tas-self lil korporazzjonijiet mhux finanzjarji għadha robusta. Ir-rata ta’ tkabbir annwali tas-self lill-individwi wkoll baqgħet stabbli, 3.3% f’Ġunju, u kompla t-titjib gradwali tagħha. Inġenerali, it-tkabbir tas-self għadu qed jibbenefika minn rati ta’ self bankarji storikament baxxi. L-istħarriġ dwar is-self bankarju fiż-żona tal-euro għat-tieni trimestru tal-2019 jindika li t-tkabbir tas-self baqa’ jiġi sostnut b’domanda dejjem tiżdied għall-kategoriji kollha tas-self. Fl-istess ħin, l-istandards tal-kreditu għal self lil impriżi ssikkaw fit-tieni trimestu fost it-tħassib dwar il-prospetti ekonomiċi, filwaqt li baqgħu ġeneralment ma nbidlux għal self għal xiri ta’ djar.

Il-miżuri tal-politika monetarja tagħna, inkluża s-sensiela l-ġdida ta’ operazzjonijiet speċifiċi ta' rifinanzjament għal żmien itwal (TLTRO III) li ġejja, se jgħinu biex jissalvagwardjaw il-kundizzjonijiet favorevoli ta’ self bankarju u se jkomplu jappoġġaw l-aċċess għall-finanzjament, partikolarment għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju.

Fil-qosor, kontroverifika tal-eżitu tal-analiżi ekonomika mal-indikazzjonijiet li joħorġu mill-analiżi monetarja kkonfermat li għadu meħtieġ livell abbondanti ta’ akkomodament monetarju għall-konverġenza kontinwa u sostnuta tal-inflazzjoni ma’ livelli li huma taħt, imma qrib it-2% fuq żmien medju.

Biex jitgawdew il-benefiċċji kollha li jirriżultaw mill-miżuri tal-politika monetarja li ħadna, oqsma oħra ta’ politika għandhom jikkontribwixxu b’mod deċiżiv biex isaħħu l-potenzjal ta’ tkabbir fuq żmien twil u jnaqqsu l-vulnerabbiltajiet. L-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali fil-pajjiżi taż-żona tal-euro teħtieġ li tirranka iżjed b'mod sostanzjali biex issaħħaħ il-produttività u l-potenzjal tat-tkabbir taż-żona tal-euro, tnaqqas il-qgħad strutturali u żżid ir-reżiljenza. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tal-2019 għandhom iservu bħala s-sinjal rilevanti. Rigward il-politiki fiskali, il-pożizzjoni fiskali fiż-żona tal-euro kemxejn espansiva qed jipprovdu appoġġ għall-attività ekonomika. Fl-istess ħin, pajjiżi fejn id-dejn tal-gvern huwa għoli jeħtieġ li jkomplu jibnu mill-ġdid il-bafers fiskali. Il-pajjiżi kollha għandhom isaħħu l-isforzi tagħhom biex jiksbu kompożizzjoni aktar favorevoli għat-tkabbir tal-finanzi pubbliċi. Bl-istess mod, l-implimentazzjoni trasparenti u konsistenti tal-qafas ta’ governanza fiskali u ekonomika tal-Unjoni Ewropea tul iż-żmien u fil-pajjiżi kollha tibqa’ essenzjali biex issaħħaħ ir-reżiljenza tal-ekonomija taż-żona tal-euro. It-tisħiħ tal-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja għadu prijorità. Il-Kunsill Governattiv jilqa’ x-xogħol li għadu għaddej u jħeġġeġ passi speċifiċi u deċiżivi biex titlesta l-unjoni bankarja u l-unjoni tas-swieq tal-kapital.

Issa ninsabu lesti biex inwieġbu l-mistoqsijiet tagħkom.

Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja