Għażliet għat-Tiftix
Home Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika monetarja L-euro Pagamenti u swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
  • STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Il-falsifikazzjoni tal-karti tal-Euro niżlet fl-aktar livell baxx storiku fl-2020

22 ta’ Jannar 2021

  • 460,000 karta tal-flus tal-euro foloz irtirati miċ-ċirkolazzjoni fl-2020, livell storikament baxx fi proporzjon mal-karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni
  • Madwar żewġ terzi ta' dawk il-karti tal-flus foloz kienu tal-€20 u l-€50
  • Il-karti tal-euro jibqgħu mezz ta’ ħlas fdat u sigur
  • Il-karti kollha tal-euro jistgħu jiġu ċċekkjati bil-metodu “ħoss, ħares u mejjel”

Madwar 460,000 karta tal-flus tal-euro foloz ġew irtirati miċ-ċirkolazzjoni fl-2020, (220,000 fit-tieni nofs tas-sena), tnaqqis ta’ 17.7% meta mqabbel mal-2019. Il-karti tal-€20 u l-€50 baqgħu l-aktar denominazzjonijiet falsifikati li flimkien jammontaw għal madwar żewġ terzi tat-total. 94.5% tal-karti tal-flus foloz instabu f’pajjiżi taż-żona tal-euro, filwaqt li 2.8% instabu fi Stati Membri tal-UE li mhumiex fiż-żona tal-euro u 2.7% instabu f’partijiet oħra tad-dinja.

Il-probabbiltà li tirċievi flus foloz hija żgħira ħafna, peress li n-numru tagħhom jibqa’ baxx ħafna meta mqabbel ma’ aktar minn 25 biljun karta tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni. Fl-2020, instabu 17-il karta tal-flus foloz għal kull miljun karta tal-flus ġenwina fiċ-ċirkolazzjoni, li hu f’livell baxx storiku (ara t-tabella hawn taħt)

Riproduzzjonijiet ta’ kwalità baxxa kontinwament jiġu rtirati miċ-ċirkolazzjoni. Kollha tagħrafhom faċilment billi m’għandhom l-ebda karatteristiċi tas-sigurtà, jew imitazzjonijiet inferjuri ħafna tagħhom. Minn kemm ilha li ħarġet l-ewwel sensiela ta’ karti tal-euro, l-Eurosistema – i.e. il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u d-19-il bank ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro – ħeġġet lill-pubbliku joqgħod attent meta jirċievi karti tal-flus. Tista’ tiċċekkja l-karti tal-flus tiegħek bil-metodu sempliċi “ħoss, ħares u mejjel” imfisser fit-taqsima “L-euro” fil-websajt tal-BĊE u l-websajts tal-banek ċentrali nazzjonali. L-Eurosistema tgħin ukoll lil kaxxiera professjonali biex jiżguraw li l-magni li jimmaniġġjaw u jipproċessaw il-karti tal-flus jistgħu jidentifikawhom b'mod affidabbli u jirtirawhom miċ-ċirkolazzjoni.

L-użu ta’ karti tal-flus foloz għall-ħlasijiet hu reat kriminali li jista’ jwassal għall-prosekuzzjoni. Jekk tirċievi karta tal-flus li tqajjem suspett, għandek tqabbilha ma’ waħda li tkun taf li hi ġenwina. Jekk is-suspetti tiegħek jiġu kkonfermati, jekk jogħġbok ikkuntattja lill-pulizija, jew lill-bank ċentrali ta’ pajjiżek jew lill-bank tiegħek jew lill-bank kummerċjali tiegħek, skont il-prattika nazzjonali. L-Eurosistema tappoġġa lill-aġenziji li jinfurzaw il-liġi fil-ġlieda tagħhom kontra l-falsifikazzjoni tal-flus.

L-Eurosistema għandha dmir li tħares l-integrità tal-karti tal-euro u li tkompli ttejjeb it-teknoloġija tal-produzzjoni tal-karti tal-flus. It-tieni sensiela tal-karti tal-flus – is-sensiela Europa – hi aktar sigura u qed tgħin lill-pubbliku jżomm il-fiduċja tiegħu fil-munita.

Għadd ta’ karti tal-flus foloz misjuba kull sena għal kull miljun karta tal-flus tal-euro ġenwina fiċ-ċirkolazzjoni

Ċifri ta’ kull sitt xhur:

Perjodu

H2 2017

H1 2018

H2 2018

H1 2019

H2 2019

H1 2020

H2 2020

Għadd ta’ karti tal-flus foloz

363,000

301,000

262,000

251,000

308,000

240,000

220,000.

Analiżi skont id-denominazzjoni fl-2020:

Denominazzjoni

€5

€10

€20

€50

€100

€200

€500

Perċentwal tat-total

2.3%

16.0%

36.3%

30.9%

10.3%

3.0%

1.2%

Għall-mistoqsijiet mill-midja, jekk jogħġbok ikkuntattja lil Esther Tejedor, tel.: +49 69 1344 95596

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja