STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Tagħrif ta' kull sitt xhur dwar l-iffalsifikar tal-karti tal-flus tal-euro

17 ta' Jannar 2011

Fit-tieni sitt xhur tal-2010, ġie rtirat miċ-ċirkolazzjoni total ta’ 364,102 karti tal-flus tal-euro foloz. Dan hu tnaqqis ta’ madwar 5.9% fuq il-kwantità rkuprata fis-sitt xhur ta’ qabel. It-tabella ta’ hawn taħt tindika l-għadd ta’ karti tal-flus foloz irkuprati fuq medda ta’ sitt xhur.

Perijodu 2007/2 2008/1 2008/2 2009/1 2009/2 2010/1 2010/2
Għadd ta’ karti tal-flus foloz 296,000 312,000 354,000 413,000 447,000 387,000 364,000

Meta jitqabbel mal-għadd dejjem jiżdied ta’ karti tal-flus tal-euro ġenwini fiċ-ċirkolazzjoni (medja ta’ 13.6 biljuni fit-tieni sitt xhur tal-2010), il-proporzjon tal-karti tal-flus foloz għadu baxx ħafna.

Madankollu, l-Eurosistema - jiġifieri l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u s-17-il bank ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro - jibqgħu jwissu lill-pubbliku biex joqgħod attent fir-rigward tal-karti tal-flus li jirċievi waqt transazzjonijiet bil-flus kontanti. Il-karti tal-flus ġenwini jingħarfu faċilment bl-użu tat-test “ĦOSS-ĦARES-MEJJEL” imfisser fil-paġni dwar l-euro fil-websajt tal-BĊE u fil-websajts tal-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema. Madankollu, f’każ ta’ dubju, karta tal-flus li tqajjem suspett għandha titqabbel direttament ma’ waħda li żgur hi ġenwina. Kull min jissuspetta li jista’ jkun irċieva karta tal-flus falza għandu jikkuntattja jew lill-pulizija jew – fejn il-prassi nazzjonali tippermetti – lill-bank ċentrali nazzjonali rilevanti.

It-tabella ta’ hawn taħt tagħti analiżi perċentwali, skond id-denominazzjoni, tal-għadd totali tal-karti tal-flus foloz irtirati miċ-ċirkolazzjoni fit-tieni sitt xhur tal-2010.

Denominazzjoni €5 €10 €20 €50 €100 €200 €500
Analiżi perċentwali 0.5% 1.5% 38.0% 43.5% 13.5% 1.5% 1.5%

Id-denominazzjonijiet tal-€20 u l-€50 għadhom l-iżjed karti tal-flus iffalsifikati. Tul l-aħħar sitt xhur, il-proporzjon tal-karti tal-flus foloz tal-€20 naqas u dak tal-karti tal-flus foloz tal-€50 żdied. L-iżjed żewġ denominazzjoniet iffalsifikati flimkien ammontaw għal 81.5% tat-total tul it-tieni sitt xhur tal-2010. Il-karta tal-flus tal-€100 hi t-tielet l-iżjed iffalsifikata bi13.5% tat-total. Il-proporzjon tad-denominazzjonijiet l-oħra (€5, €10, €200 u €500) hu baxx ħafna.

Il-biċċa l-kbira (97%) tal-karti tal-flus foloz irkuprati fit-tieni sitt xhur tal-2010 instabu f’pajjiżi taż-żona tal-euro, waqt li madwar 1.5% biss instabu fi Stati Membri tal-UE barra ż-żona tal-euro, u 1.5% instabu f’partijiet oħra tad-dinja.

L-Eurosistema tagħmel sforz kbir biex tiżgura li l-pubbliku jkun infurmat sew dwar kif jagħraf karta tal-flus falza u, fil-każ tal-professjonisti fil-maniġġ tal-flus kontanti, li l-magni li jimmaniġġaw u jipproċessaw il-karti tal-flus ikunu jistgħu, b’mod affidabbli, jagħrfu u jirtiraw il-karti tal-flus foloz miċ-ċirkolazzjoni.

Kuntatti midja