STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Kontijiet annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2009

4 ta' Marzu 2010

Il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) illum approva l-Kontijiet Annwali verifikati tal-BĊE għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2009.

Il-BĊE kellu bilanċ pożittiv ta’ €2,218 miljun fl-2009, meta mqabbel ma’ bilanċ pożittiv ta’ €2,661 miljun fl-2008. Wara aġġustament tekniku fil-provvediment tiegħu kontra r-riskji, il-BĊE ddikjara qligħ nett għall-2009 li ammonta għal €2,253 miljun. [1]

Wara li ġie stabbilit il-programm għax-xiri tal-bonds garantiti, bħala kwistjoni ta’ prudenza il-Kunsill Governattiv iddeċieda wkoll li jestendi l-iskop tal-provvediment biex ikopri r-riskju tal-kreditu, flimkien mar-riskji tar-rata tal-kambju barrani, tar-rata tal-imgħax u tal-prezz tad-deheb. L-ammont ta’ dan il-provvediment jiġi rivedut kull sena.

Wara deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv, mir-riżultat nett għall-2009, fil-5 ta’ Jannar 2010 tqassam lill-banek ċentrali nazzjonali (BĊN) ammont ta’ €787 miljun li jinkludi d-dħul kollu tal-BĊE fuq il-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni. Fl-4 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jqassam l-ammont ta’ €1,466 miljun li baqa’ lill-BĊN.

Id-dħul regolari tal-BĊE jirriżulta primarjament minn qligħ fuq l-investimenti tal-assi tar-riżervi barranin tiegħu u l-kapital imħallas tiegħu, u minn dħul ta’ imgħax fuq is-sehem tiegħu ta’ 8% tat-total tal-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni. Fl-2009, id-dħul mill-imgħax ġie affettwat minn rati tal-imgħax medji iżjed baxxi fuq assi denominati f’dollari Amerikani, kif ukoll minn rata marġinali iżjed baxxa għall-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema meta mqabbla ma’ dawk tal-2008.

Il-BĊE kellu dħul totali nett mill-imgħax ta’ €1,547 miljun mis-sorsi kollha, imqabbel ma’ €2,381 miljun fl-2008. Minbarra d-dħul mill-imgħax ta’ €787 miljun fuq is-sehem tal-karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni, id-dħul nett mill-imgħax ammonta għal €760 miljun, meta mqabbel ma’ €151 miljun fl-2008. Il-BĊE ħallas remunerazzjoni ta’ €443 miljun lill-BĊN fuq il-klejms tagħhom fir-rigward tal-assi tar-riżervi barranin li ttrasferew lill-BĊE, ammont li hu €957 miljun inqas minn dak tal-2008, waqt li d-dħul mill-imgħax fuq l-assi tar-riżervi barranin ammonta għal €700 miljun fl-2009, meta mqabbel ma’ €1,036 miljun fis-sena ta’ qabel.

Qligħ realizzat li rriżulta minn operazzjonijiet finanzjarji żdied b’€440 miljun, għal €1,103 miljun. Din iż-żieda kienet dovuta l-iżjed għal (a) qligħ ogħla ġġenerat minn bejgħ ta’ titoli, u (b) qligħ ogħla mill-bejgħ ta’ deheb, minħabba ż-żieda sinifikanti fil-prezz tad-deheb fl-2009, kombinat mal-volum akbar ta’ deheb mibjugħ f’dik is-sena.

L-ispejjeż amministrattivi tal-BĊE għall-istaff, kera tal-bini, drittijiet professjonali u prodotti u servizzi oħra ammontaw għal €380 miljun (€364 miljun fl-2008). Spejjeż ta’ deprezzament fuq assi fissi ammontaw għal €21 miljun.

Il-Kontijiet Annwali, flimkien mar-rapport tal-amministrazzjoni għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2009 se jiġu ppubblikati fid-19 ta’ April 2010 fir-Rapport Annwali tal-BĊE.

Noti għall-edituri

  1. Politika tal-kontabilità tal-BĊE: Il-Kunsill Governattiv stabbilixxa politika komuni tal-kontabilità għall-Eurosistema, inkluż il-BĊE, skond l-Artikolu 26.4 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (Statut tas-SEBĊ), li ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. [2] Għalkemm ibbażata ġeneralment fuq prassi tal-kontabilità aċċettata internazzjonalment, din il-politika tfasslet speċjalment fir-rigward taċ-ċirkostanzi uniċi tal-banek ċentrali tal-Eurosistema. Tagħti attenzjoni partikolari lill-kwistjoni tal-prudenza minħabba l-iskoperturi kbar tal-kambju barrani tal-biċċa l-kbira ta’ dawn il-banek ċentrali. Dan l-atteġġament prudenti japplika b’mod partikolari għat-trattament differenti ta’ qligħ u telf mhux realizzati biex jiġi rikonoxxut id-dħul, u għall-projbizzjoni kontra l-innettjar ta’ telf mhux realizzat fuq wieħed mill-assi kontra qligħ mhux realizzat fuq ass ieħor. Qligħ mhux realizzat jiġi trasferit direttament fil-kontijiet tar-rivalutazzjoni, waqt li telf mhux realizzat fi tmiem is-sena li jkun ikbar mill-bilanċi tal-kont tar-rivalutazzjoni jitqies bħala spiża. Il-BĊN kollha huma meħtieġa jimxu fuq din il-politika biex jirrappurtaw l-operazzjonijiet tagħhom bħala parti mill-Eurosistema, li huma inklużi fir-rapporti finanzjarji konsolidati tal-Eurosistema ta’ kull ġimgħa. B’mod volontarju, il-BĊN kollha japplikaw bejn wieħed u ieħor l-istess politika bħal dik tal-BĊE, meta jħejju r-rapporti finanzjarji annwali tagħhom.
  2. Remunerazzjoni tal-assi tar-riżervi barranin trasferiti lill-BĊE: Meta ttrasferixxa assi ta’ riżervi barranin lill-BĊE mas-sħubija fl-Eurosistema, kull BĊN akkwista kreditu remunerat kontra l-BĊE ekwivalenti għall-ammont li ttrasferixxa. Il-Kunsill Governattiv iddeċieda li dawn il-krediti għandhom ikunu denominati f’euro, u għandhom jiġu remunerati fuq bażi ta’ kull jum bl-aħħar rata marġinali disponibbli għall-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema, aġġustata biex titqies ir-rata ta’ qligħ żero fuq il-komponent tad-deheb. Fl-2009, din ir-remunerazzjoni rriżultat fi spiża tal-imgħax ta’ €443 miljun.
  3. Distribuzzjoni tad-dħul tal-BĊE fuq il-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni: Il-Kunsill Governattiv iddeċieda li, mill-2006, dan id-dħul għandu jitħallas lill-BĊN fis-sena finanzjarja meta jkun dovut, iżda għandu jitqassam fit-tieni jum tax-xogħol tas-sena ta’ wara. [3] Dan jitqassam kollu minbarra jekk il-qligħ nett tal-BĊE għas-sena jkun inqas mid-dħul tiegħu fuq il-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni u soġġett għal deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv qabel tmiem is-sena finanzjarja li jittrasferixxi parti minn dan id-dħul, jew dan id-dħul kollu, lill-provvediment kontra r-riskji tal-kambju barrani, tar-rata tal-imgħax, tal-kreditu u tal-prezz tad-deheb. Il-qligħ kollu għall-2009 fuq il-karti tal-flus tal-euro, li ammonta għal €787 miljun tqassam lill-BĊN fil-5 ta’ Jannar 2010.


[1]L-aġġustament ta’ €35 miljun fil-provvediment kontra r-riskji jirriżulta mill-fluttwazzjonijiet fl-ishma tal-banek ċentrali fil-kapital tal-BĊE u mill-fatt li l-provvediment kontra r-riskji ma jistax jaqbeż l-ammont tal-kapital tiegħu.

[2]Deċiżjoni tal-BĊE/2006/17 tal-10 ta’ Novembru 2006 dwar il-kontijiet annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew, ĠU L 348, 11.12.2006, p.38, kif emendata.

[3]Deċiżjoni BĊE/2005/11 tas-17 ta’ Novembru 2005 dwar id-distribuzzjoni tad-dħul tal-Bank Ċentrali Ewropew fuq karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni lill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri parteċipanti, ĠU L 311, 26.11.2005, p.41.

Publications

Kuntatti midja