Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (flimkien mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Jannar 2024

26 ta' Jannar 2024

Il-politika monetarja

Miżuri korrettivi għal tranżazzjonijiet tal-banek ċentrali nazzjonali li jmorru kontra l-projbizzjoni tal-finanzjament monetarju

Fit-18 ta’ Diċembru 2023 il-Kunsill Governattiv iddeċieda li l-irkupru tal-imgħax ikun miżura korrettiva xierqa biex tiġi proposta lil bank ċentrali nazzjonali (BĊN) f’każ ta’ ksur tal-projbizzjoni tal-finanzjament monetarju stabbilita fl-Artikolu 123(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Tali ksur jew vjolazzjonijiet jistgħu jseħħu meta BĊN ikun iffinanzja tranżazzjonijiet li kellhom jiġu ffinanzjati minn awtoritajiet jew korpi pubbliċi oħrajn. Qabel, l-azzjonijiet korrettivi kienu jieħdu biss il-forma ta’ rimborżi mill-gvern tal-fondi inkwistjoni lill-BĊN. Sa mill-1 ta’ Jannar 2024, dawn jinkludu wkoll l-imgħax fuq l-ammont tar-rimborż. Ir-rata tal-imgħax relevanti se tkun ir-redditu sovran ta’ għaxar snin tal-Istat Membru kkonċernat jew, jekk dan ma jkunx disponibbli, ir-rata tal-imgħax skont il-metodoloġija applikata mill-Kummissjoni Ewropea f’każijiet ta’ għajnuna mill-istat illeċita, it-tnejn soġġetti għal limitu minimu ta’ żero.

Operazzjonijiet tas-suq

Emendi għad-Deċiżjoni dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta' xiri mis-settur korporattiv

Fil-15 ta’ Diċembru 2023 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2023/38 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2016/948 dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta' xiri mis-settur korporattiv (BĊE/2016/16). L-att legali emendatorju jimplimenta d-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv tal-5 ta’ Ottubru 2023 biex jiġu emendati ċerti elementi tal-metodoloġija għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni klimatika tal-emittenti, fi ħdan il-qafas tax-xaqlib tal-parametru referenzjarju għax-xiri ta’ bonds korporattivi lejn emittenti bi prestazzjoni klimatika aħjar.

Pubblikazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ sanzjoni għan-nonkonformità mar-rekwiżiti ta’ riżerva minima

Fid-29 ta’ Diċembru 2023 il-Kunsill Governattiv, b’mod konformi mal-qafas legali applikabbli, għamel rieżami ta’ deċiżjoni ta’ sanzjoni meħuda mill-Bord Eżekuttiv f’Ottubru 2023 u kkonferma li l-ebda eċċezzjoni ma tapplika fir-rigward tal-pubblikazzjoni mhux anonimizzata tas-sanzjoni inkwistjoni, li hija relatata ma’ ksur minn istituzzjoni ta’ kreditu fiż-żona tal-euro tar-rekwiżit tagħha li żżomm riżervi minimi. Wara li ġie emendat bir-Regolament BĊE/2023/13, l-Artikolu 9(1) tar-Regolament BĊE/1999/4 jipprovdi li l-BĊE jrid jippubblika kwalunkwe deċiżjoni li timponi sanzjonijiet għal ksur tar-regolamenti jew deċiżjonijiet tiegħu. Il-pubblikazzjoni ssir fuq is-sit web tal-BĊE malli d-deċiżjoni tkun saret finali.

Infrastruttura tas-suq u ħlasijiet

Eżitu tal-eżerċizzju ta’ klassifikazzjoni tas-sistema ta’ ħlas tal-2022

Fil-15 ta’ Diċembru 2023 il-Kunsill Governattiv approva l-eżitu tal-eżerċizzju annwali għall-klassifikazzjoni tas-sistemi ta’ ħlas, abbażi ta’ data għas-sena ta’ referenza 2022. B’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-BĊE dwar rekwiżiti ta’ sorveljanza għal sistemi ta’ ħlas sistemikament importanti (Regolament SIPS) u tal-qafas ta’ sorveljanza rivedut għas-sistemi ta’ ħlas bl-imnut, dan l-eżerċizzju regolari jippermetti lill-BĊE biex jikklassifika s-sistemi ta’ ħlas ta’ importanza sistemika (SIPS), sistemi ta’ ħlas mhux ta’ importanza sistemika ta’ valur kbir (LVPS), sistemi ta’ ħlas bl-imnut ta’ importanza prominenti (PIRPS), jew sistemi oħra ta’ ħlas bl-imnut (ORPS). L-eżitu tal-eżerċizzju jinsab fis-sit web tal-BĊE.

Ħatra tal-eżaminatur estern tat-TARGET2-Securities (T2S)

Fil-21 ta’ Diċembru 2023 il-Kunsill Governattiv ħatar lil PricewaterhouseCoopers GmbH Wirtschaftsprüfungsgesellschaft bħala l-eżaminatur estern ġdid tat-T2S, wara l-iskadenza tal-mandat ta’ Deloitte GmbH Wirtschaftsprüfungsgesellschaft. L-eżaminatur estern se jagħti, inter alia, opinjoni annwali dwar l-effettività tal-kontrolli mwettqa mill-Eurosistema bħala parti mill-iżvilupp u l-operat kontinwi tat-T2S.

Parir dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar rimedju ġudizzjarju mogħti lil dawk li qabel kellhom kreditu tal-bank kwalifikat

Fil-15 ta’ Diċembru 2023 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2023/44 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tas-Slovenja.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-impożizzjoni ta' taxxa fuq l-istituzzjonijiet ta' kreditu

Fil-15 ta’ Diċembru 2023 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2023/45 fuq talba tal-Ministeru tal-Finanzi tan-Netherlands.

Opinjoni tal-BĊE dwar is-sospensjoni tal-ħlas lura ta’ self ipotekarju

Fid-19 ta’ Diċembru 2023 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2023/46 wara t-talba tal-Marixxall tal-Parlament Pollakk.

Opinjoni tal-BĊE dwar pakkett leġiżlattiv dwar il-ġestjoni tal-kriżijiet fis-settur bankarju

Fid-29 ta’ Diċembru 2023 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2023/47 wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi tar-Repubblika ta’ Ċipru.

Opinjoni tal-BĊE dwar liġi kostituzzjonali dwar il-flus kontanti bħala valuta legali u aċċess għall-flus kontanti

Fil-11 ta’ Jannar 2024 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2024/1 mħejjija b’inizjattiva proprja tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-eliminazzjoni gradwali tal-karta tal-flus ta’ 1 000 kroner Daniż u t-tnaqqis tal-limitu tal-projbizzjoni tal-flus kontanti

Fit-12 ta’ Jannar 2024 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2024/2 fuq talba tal-Ministeru tan-Negozju Daniż (Erhvervsministeriet).

Governanza korporattiva

Ħolqien ta’ direttorat temporanju għall-proġett tal-euro diġitali

Fil-15 ta’ Diċembru 2023 il-Kunsill Governattiv ħa nota ta’ riorganizzazzjoni tad-Direttorat Ġenerali tal-BĊE għall-Infrastruttura tas-Suq u l-Ħlasijiet (DĠ/MIP), proposta mill-Bord Eżekuttiv. Din ir-riorganizzazzjoni tistabbilixxi unità operatorja ddedikata, id-Direttorat għall-Euro Diġitali, mill-1 ta’ Frar 2024 sal-31 ta’ Jannar 2026.

Allokazzjoni tar-responsabbiltajiet tar-rappreżentanti tal-BĊE fuq il-Bord Superviżorju

Fit-28 ta’ Diċembru 2023 il-Kunsill Governattiv ħa nota tar-riallokazzjoni tar-responsabbiltajiet ta’ Anneli Tuominen u Elizabeth McCaul, rappreżentanti tal-BĊE fuq il-Bord Superviżorju, fir-rigward tar-riskju ċibernetiku u l-aġenda diġitali, kif rifless fit-taqsima “oqsma ta’ interess” tas-CVs rispettivi tagħhom.

Statistika

Linja Gwida emendata dwar ir-rata tal-euro fuq żmien qasir (€STR)

Fit-18 ta’Jannar 2024 il-Kunsill Governattiv adotta Linja Gwida BĊE/2024/1 li temenda l-Linja Gwida (UE) 2019/1265 dwar ir-rata tal-euro fuq żmien qasir (€STR). Dan l-att legali emendatorju jimplimenta d-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv tal-5 ta’ April 2023 biex jestendi l-popolazzjoni li tirrapporta għar-Rappurtar Statistiku dwar is-Suq Monetarju (MMSR) billi jżid 24 istituzzjoni finanzjarja monetarja (IFM) ġodda, li għandhom jibdew jirrapportaw fl-1 ta’ Lulju 2024. L-emendi huma relatati wkoll ma’ arranġament intern ta’ kondiviżjoni tal-ħidma tal-Eurosistema li permezz tiegħu l-BĊE jista’ jwettaq kompiti u responsabbiltajiet ta’ assigurazzjoni tal-kwalità ta’ €STR f’isem il-BĊNi li ma joperawx pjattaforma ta’ ġbir lokali (local collection platform - LCP). Il-Linja Gwida se tiġi ppubbikata fuq EUR-Lex aktar ’il quddiem.

Superviżjoni Bankarja tal-BĊE

Divulgazzjoni tal-valutazzjoni tal-mudell tan-negozju u metodoloġiji għall-governanza interna u l-ġestjoni tar-riskju

Fit-18 ta’ Diċembru 2023 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju li jippubblika l-valutazzjoni tal-mudell tan-negozju u l-metodoloġiji tal-governanza interna u ġestjoni tar-riskju użati fil-Proċess Superviżorju ta’ Rieżami u Evalwazzjoni (SREP). Iż-żewġ dokumenti huma disponibbli fuq is-sit web tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

Manwal Superviżorju Aġġornat

Fit-28 ta’ Diċembru 2023 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jippubblika aġġornament tal-Manwal Superviżorju. Il-Manwal Superviżorju jiddeskrivi l-istruttura organizzattiva tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU), jiddefinixxi l-metodoloġiji, proċessi u proċeduri għas-superviżjoni bankarja fiż-żona tal-euro, u jispjega kif l-MSU jikkoopera ma’ awtoritajiet oħrajn fil-qafas istituzzjonali usa’. Il-manwal aġġornat huwa disponibbli fis-sit web tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

Pubblikazzjoni tal-lista ta’ istituzzjonijiet inqas sinifikanti b’impatt għoli għall-2024

Fit-2 ta’ Jannar 2024 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jippubblika l-lista ta’ istituzzjonijiet inqas sinifikanti b’impatt għoli għall-2024. Il-lista se tkun disponibbli fuq is-sit web tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE aktar ’il quddiem.

Rapport dwar riskji minn allinjament ħażin tal-finanzjament tal-banek mal-objettivi klimatiċi tal-UE

Fl-10 ta’ Jannar 2024 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jippubblika, fuq is-sit web tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE, rapport dwar ir-riskji minn allinjament ħażin tal-finanzjament tal-banek mal-objettivi klimatiċi tal-UE. Ir-rapport jikkonkludi, abbażi ta’ data kkumpilata bl-użu tal-metodoloġija ta’ sors miftuħ tal-Valutazzjoni tat-Tranżizzjoni tal-Kapital skont il-Ftehim ta’ Pariġi (PACTA), illi s-settur bankarju taż-żona tal-euro juri allinjament ħażin sostanzjali f’dan ir-rigward u għalhekk jista’ jkun soġġett għal riskji ta’ tranżizzjoni akbar.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja