Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (minbarra d-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati ta’ l-imgħax)

Marzu 2008

Politika monetarja

Konformità tal-bank ċentrali mal-projbizzjonijiet fuq finanzjament monetarju u aċċess ipprivileġġat

Fis-27 ta' Marzu 2008, skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jagħti lill-BĊE ix-xogħol ta’ monitoraġġ tal-konformità tal-banek ċentrali mal-projbizzjonijiet msemmijin fl-Artikoli 101 u 102 tiegħu u r-Regolamenti relatati, il-Kunsill Governattiv approva r-rapport li jkopri s-sena 2007. Aktar informazzjoni fuq din l-kwistjoni ser tingħata f’taqsima ddedikata tar-Rapport Annwali tal-BĊE ta’ l-2007 li ser isir pubbliku fil-21 ta’ April 2008.

Kwistjonijiet operazzjonali

Miżuri speċifiċi biex jiġu indirizzati pressjonijiet ta’ likwidità fis-swieq ta’ finanzjament

Fil-11 ta’ Marzu 2008, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jieħu azzjoni konġunta mal-Federal Reserve System taħt it-Term Auction facility billi joffri finanzjament f’dollari US lil kontropartijiet ta’ l-Eurosistema biex tirrispondi għall-pressjonijiet ġodda fis-swieq ta’ finanzjament għal żmien qasir, kif kien ġara f’Diċembru 2007 u Jannar 2008. Ġiet ippubblikata stqarrija għall-istampa fuq l-azzjoni konġunta mħabbra mill-Bank of Canada, il-Bank of England, il-BĊE, il-Federal Reserve System u l-iSwiss National Bank fil-websajt tal-BĊE fil-11 ta’ Marzu 2008.

Operazzjonijiet ta’ rifinanzjament supplimentari ta’ sitt xhur fuq żmien itwal u t-tkomplija ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament supplimentari ta’ tliet xhur fuq żmien itwal

Fis-27 ta’ Marzu 2008 il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jagħmel operazzjoni ta’ rifinanzjament supplimentari fuq żmien itwal (LTROs) b’maturità ta’ sitt xhur. Barra minn dan, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jagħmel aktar LTROs supplimentari b’maturità ta’ tliet xhur. L-LTROs regolari ta’ kull xahar baqgħu mhux affettwati. Dawn l-LTROs supplimentari ta’ tliet xhur u ta’ sitt xhur huma mmirati biex jappoġġaw n-normalizzazzjoni tal-funzjonament tas-suq tal-flus ta’ l-euro. Ġiet ippubblikata llum stqarrija għall-istampa fil-websajt tal-BĊE.

Sistemi ta’ Pagament u Infrastruttura tas-Suq

Kjarifikazzjonijiet ta’ l-istqarrija fuq il-politika ta’ l-Eurosistema fuq il-konsolidazzjoni fl-ikklerjar tal-kontroparti ċentrali

Fis-27 ta’ Marzu 2008 il-Kunsill Governattiv adotta kjarifikazzjonijiet fl-“Istqarrija ta’ politika ta’ l-Eurosistema fuq il-konsolidazzjoni fl-ikklerjar tal-kontroparti ċentrali fir-rigward tal-Kodiċi ta’ Kondotta għall-ikklerjar u regolament” li ser ikunu disponibbli dalwaqt fil-websajt tal-BĊE. Il-Kunsill Governattiv ikkjarifika li l-istqarrija tal-politika ta’ l-Eurosistema ma tistax tiġi interpretata bħala impediment jew ostakolu għal xi inizjattiva speċifika tas-suq, inkluż ir-rabtiet ta’ interoperabbiltà li qed jiġu implimentati fil-qafas tal-Kodiċi ta’ Kondotta. Il-Kunsill Governattiv sostna mill-ġdid ukoll, fost l-oħrajn, il-fehma tiegħu li l-istandards għall-immaniġjar tar-riskji għall-kontropartijiet ċentrali għandhom jiġu stabbiliti, li hemm ħtieġa għal infrastruttura “domestika” li tinsab fiż-żona ta’ l-euro, u li l-proċess ta’ konsolidazzjoni għandha b’mod ġenerali titmexxa mis-settur pubbliku sakemm jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ aċċess liberu u ġust.

Stabbiltà Finanzjarja u Superviżjoni

Rapport tal-BĊE fuq Integrazzjoni Finanzjarja 2008

It-tieni edzzjoni fuq r-rapport tal-BĊE fuq integrazzjoni finanzjarja ser tinħareġ f’April 2008. Din l-edizzjoni tar-rapport tippreżenta l-istat ta’ integrazzjoni finanzjarja fiż-żona ta’ l-euro u l-attivitajiet ta’ l-Eurosistema fir-rigward ta’ l-integrazzjoni finanzjarja, kif ukoll erba’ karatteristiċi magħżulin li jinkludu l-integrazzjoni u l-iżvilupp tas-swieq ta’ l-ipoteki fiż-żona ta’ l-euro. Ir-rapport ser ikun disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Opinjonijiet dwar Leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE fuq is-superviżjoni ta’ l-awdituri fil-Portugall

Fis-26 ta’ Frar 2008, fuq talba tal-Ministeru Portugiż tal-Finanzi u ta’ l-Amministrazzjoni Pubblika, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar is-superviżjoni ta’ awdituri u r-rwol tal-Banco de Portugal f’dan ir-rigward (CON/2008/11). L-Opinjoni hija disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-istatistika tal-kummerċ barrani tal-Komunità

Fit-3 ta’ Marzu 2008, fuq talba tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni fuq l-istatistika tal-Komunità dwar il-kummerċ barrani ma' pajjiżi li mhumiex membri (CON/2008/12). L-opinjoni ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-UE fil-15 ta’ Marzu 2008 u hija disponibbli wkoll fil-websajt tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-riforma tas-sistema tas-sigurtà soċjali Ġriega fir-rigward tal-Bank tal-Ġreċja

Fid-19 ta’ Marzu 2008, fuq inizjattiva tiegħu, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni fuq ir-riforma tas-sistema tas-sigurtà soċjali fir-rigward tal-Bank tal-Greċja (CON/2008/13). L-Opinjoni hija disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE fuq il-kwalifiki akkademiċi tal-membri tal-Bord ta’ Superviżjoni, aċċess għall-informazzjoni u awdituri esterni fl-Eesti Pank

Fil-25 ta’ Marzu 2008, fuq talba tar-Riigikogu, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni fuq emendi amministrattivi fil-Liġi fuq Eesti Pank (CON/2008/14). L-Opinjoni hija disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Statistika

Rapporti tal-kwalità fuq l-istatistika għaż-żona ta’ l-euro 2007

Fid-19 ta’ Marzu 2008 il-Kunsill Governattiv qies l-valutazzjoni ta’ kull sena tad-disponibbiltà u l-kwalità ta’ l-istatistika taż-żona ta’ l-euro li jkunu meħtieġa mill-BĊE. Ir-rapport fuq il-kwalità ta’ l-istatistika tal-bilanċ ta’ pagamenti u l-pożizzjoni ta’ l-investiment taż-żona ta’ l-euro, li tinkludi indikaturi tal-kwalità kwantitattivi, ser jiġi ppubblikat dalwaqt fil-websajt tal-BĊE.

Kooperazzjoni Internazzjonali u Ewropea

Fis-17 ta’ Marzu 2008 il-Kunsill Governattiv approva programm ta’ kooperazzjoni ta’ l-Eurosistema fuq is-superviżjoni bankarja u verifika interna mal-Bank tar-Russja. Dan il-programm ġdid ma’ l-Eurosistema kollha ta’ assistenza teknika ġie nnegozjat mad-Delegazzjoni UE fir-Russja u l-Bank tar-Russja. F’ċerimonja pubblika il-Viċi President tal-BĊE ffirma ftehim f’isem l-Eurosistema fl-20 ta’ Marzu 2008 f’Moska. Stqarrija għall-istampa relatata ġiet ippubblikata fil-websajt tal-BĊE ta’ dakinhar.

Governanza korporattiva

Kontijiet Annwali tal-BĊE 2007

Fis-6 ta’ Frar 2008 il-Kunsill Governattiv approva l-Kontijiet Annwali vverifikati tal-BĊE għas-sena finanzjarja 2007. Il-kontijiet, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa relatata, ġew ippubblikati fil-websajt tal-BĊE ta' dakinhar.

Karti tal-flus

Programm ta’ inventarju tal-kustodja estiż tliet snin (ECI) fl-Ażja

Fis-27 ta’ Marzu 2008 il-Kunsill Governattiv approva t-tnedija ta’ programm ECI għal tliet snin għall-karti tal-flus ta’ l-euro fl-Ażja u, bħall-proġett pilota ECI mwettaq għal sena f’Marzu 2007, iddeċieda li d- Deutsche Bundesbank ikun il-kontroparti loġistiku għall-banek ECI. ECI huwa intiż biex jiffaċilita t-tqassim internazzjonali ta’ karti tal-flus euro u biex jipprovdi informazzjoni fuq is-suq fuq iċ-ċirkolazzjoni tagħhom barra ż-żona ta’ l-euro. Wara din id-deċiżjoni, ikun hemm proċedura formali għax-xiri u l-ftehim preżenti bejn il-BĊE, id- Deutsche Bundesbank u l-banek ECI pilota jiġi estiż biex ikopri l-fażi tax-xiri biex ma jkunx hemm tħarbit fl-operazzjonijiet magħulin skond il-proġett pilota.

Kuntatti midja