X’inhuma l-flus?
24 ta’ Novembru 2015 (aġġornat fid-19 ta’ Ġunju 2024)
Inti tuża l-karti tal-flus u l-muniti tal-euro u x'aktarx għandek ukoll kont bankarju. Imma fil-fatt x'inhuma l-flus? Kif jinħolqu u xi rwol għandhom il-banek ċentrali bħall-BĊE?
Kemm taf dwar flusek?
Il-flus evolvew maż-żmien
Il-muniti birkin normalment kienu jkunu flus fil-forma ta’ komoditá – magħmula minn xi ħaġa ta’ valur, bħad-deheb. Aktar tard, il-flus kienu jikkonsistu f'karti tal-flus li setgħu jissarrfu f'deheb jew fidda. L-ekonomiji moderni, bħaż-żona tal-euro, jużaw il-flus fiat, li bl-ebda mod ma huma marbuta ma’ komodità.
L-euro bħala flus fiat
Il-flus fiat huma ddikjarati bħala valuta legali u jinħarġu minn bank ċentrali. Ma jistgħux jinqelbu direttament, pereżempju, f’deheb. Il-karta użata għall-karti tal-flus ma tiswiex wisq, iżda hija aċċettata minħabba li tista’ tintuża b’mod wiesa’ u l-banek ċentrali jaħdmu biex iżommu l-valur tal-flus stabbli.
Flus f’forom differenti
L-euro tagħna jista' jieħu l-forma ta' karti tal-flus u muniti, iżda jista' jeżisti wkoll f'kont bankarju bħala entrata f'kompjuter jew jinżamm f'kont tat-tfaddil. Biex niżguraw li l-munita tagħna tibqa’ tajba għall-futur, qed naħdmu wkoll fuq karti tal-flus futuri u fuq il-possibbiltà ta’ euro diġitali biex jikkomplementa l-flus kontanti.
Karti tal-flus
Il-karti tal-flus tal-euro jiġu prodotti b'mod konġunt mill-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro. Il-BĊE huwa responsabbli għall-ġestjoni tal-kwantità ta' karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni u għas-sorveljanza tal-attivitajiet tal-banek ċentrali nazzjonali.
Sir af aktar dwar il-karti tal-flus tal-euro:Il-muniti
Filwaqt li l-BĊE huwa responsabbli għall-approvazzjoni tal-volum ta' muniti tal-euro li jistgħu jinħarġu, il-pajjiżi taż-żona tal-euro jibqgħu l-uniċi emittenti legali. Il-Kummissjoni Ewropea tikkoordina kwistjonijiet relatati mal-muniti.
Sir af aktar dwar il-muniti kommemorattiviKarti tal-flus futuri
Qed inħejju għal sensiela ġdida ta' karti tal-flus tal-euro biex nagħmluhom aktar siguri u sostenibbli. Għall-ewwel darba, il-karti tal-flus tal-euro se jkollhom ukoll disinn kompletament ġdid.
Skopri aktar dwar il-karti tal-flus tal-euro futuriEuro diġitali
Qed inħejju għall-introduzzjoni possibbli ta’ euro diġitali biex niżguraw li n-nies ikollhom aċċess dirett għall-flus tal-bank ċentrali f’forma diġitali. L-euro diġitali għandu jippermetti lin-nies iħallsu fi kwalunkwe ħin u fi kwalunkwe post fiż-żona tal-euro – bħall-karti tal-flus tal-lum, iżda b’mod diġitali.
Skopri għaliex qed inħarsu lejn euro diġitaliKif jinħolqu l-flus?
Biex wieħed jifhem kif isiru l-flus, huwa importanti li ssir distinzjoni bejn żewġ tipi ta’ flus.
- Il-flus tal-bank ċentrali huma ggarantiti minn istituzzjoni pubblika, bħall-BĊE. Fiż-żona tal-euro, il-banek ċentrali nazzjonali jistgħu joħolqu dan it-tip ta' flus. Huwa l-aktar viżibbli għaċ-ċittadini fil-forma ta' karti tal-flus. Tip ieħor ta’ flus tal-bank ċentrali huwa d-depożiti li l-banek kummerċjali għandhom mal-bank ċentrali – magħrufa bħala r-riżervi tal-bank ċentrali. Dawn jinħolqu b’mod elettroniku permezz tal-operazzjonijiet tas-suq miftuħ tagħna.
- Il-flus tal-banek kummerċjali jirrappreżentaw il-biċċa l-kbira tal-flus li n-nies fil-fatt jużaw. Huma ggarantiti u bbilanċjati bl-assi miżmuma mill-banek kummerċjali. Għalhekk jinħolqu mill-banek li jespandu l-karti tal-bilanċ tagħhom. Pereżempju, jekk bank kummerċjali jagħtik self biex tixtri karozza, ikun qiegħed joħloq il-flus b'dan il-mod. U meta tħallas lura s-self, il-flus maħluqa jisparixxu.
Kemm hemm flus fl-ekonomija?
Il-BĊE jiddefinixxi l-aggregati monetarji biex ikejjel l-ammont ta’ flus fiż-żona tal-euro u jipprovdi informazzjoni dwar l-istat tal-ekonomija: minn aggregat monetarju ristrett (M1) ta’ karti tal-flus, muniti u depożiti bankarji li l-klijenti jistgħu jiġbdu malajr, għal aggregat monetarju wiesa’ (M3) li jinkludi wkoll depożiti għal żmien itwal u assi simili oħrajn.
Ara kemm tgħallimt!
Ara kemm taf dwar il-flus b’dan il-kwiżż interattiv. Lest(a) għall-isfida?
ARA WKOLL