STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Deċiżjonijiet tal-politika monetarja

10 ta' Marzu 2016

Fil-laqgħa tal-lum il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ħa dawn id-deċiżjonijiet tal-politika monetarja:

(1) Ir-rata tal-imgħax tal-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema se tonqos b’5 punti bażi għal 0.00% mill-operazzjoni li għandha tiġi konkluża fis-16 ta’ Marzu 2016.

(2) Ir-rata tal-imgħax tal-faċilità tas-self marġinali se tonqos b’5 punti bażi għal 0.25% b’seħħ mis-16 ta’ Marzu 2016.

(3) Ir-rata tal-imgħax tal-faċilità tad-depożitu se tonqos b’10 punti bażi għal -0.40% b’seħħ mis-16 ta’ Marzu 2016.

(4) L-akkwisti ta’ kull xahar fil-programm ta’ xiri ta’ assi se jiġu estiżi għal €80 biljun minn April li ġej.

(5) Bonds denominati f’euro bi grad ta’ investiment maħruġin minn korporazzjonijiet mhux bankarji stabbiliti fiż-żona tal-euro se jiġu inklużi fil-lista ta’ assi li huma eliġibbli għal akkwist regolari.

(6) Se titnieda sensiela ġdida ta’ erba’ operazzjonijiet speċifiċi ta’ rifinanzjament għal żmien itwal (TLTRO II), kull waħda b’maturità ta’ erba’ snin, minn Ġunju 2016. Il-kundizzjonijiet tas-self f’dawn l-operazzjonijiet jistgħu jkunu baxxi daqs ir-rata tal-imgħax tal-faċilità tad-depożitu.

Il-President tal-BĊE se jagħti l-fehmiet tiegħu fuq ir-raġunijiet li wasslu għal dawn id-deċiżjonijiet f’konferenza stampa li tibda fis-14:30 CET illum.

Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.

Kuntatti midja