Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (flimkien mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)
Mejju 2026
22 ta’ Mejju 2026
Politika makroprudenzjali u stabbiltà finanzjarja
Rapport dwar l-Istabbiltà Finanzjarja – Mejju 2026
Fl-20 ta’ Mejju 2026, il-Kunsill Governattiv kellu skambju ta’ fehmiet dwar kwistjonijiet tal-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro fuq il-bażi tal-edizzjoni ta’ Mejju 2026 tar-Rapport dwar l-Istabbiltà Finanzjarja u awtorizza l-pubblikazzjoni tiegħu fuq is-sit web tal-BĊE. Minbarra li tipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-vulnerabbiltajiet ewlenin tal-istabbiltà finanzjarja fiż-żona tal-euro, din l-edizzjoni tinkludi erba’ karatteristiċi speċjali. L-ewwel karatteristika tesplora kif għodod avvanzati bbażati fuq l-intelliġenza artifiċjali jistgħu jtejbu l-analiżi tas-sentiment; it-tieni waħda teżamina d-diverġenza bejn l-għadd dejjem jikber ta’ fallimenti korporattivi u l-livelli baxxi ta’ proporzjonijiet aggregati ta’ self improduttiv fil-banek taż-żona tal-euro; it-tielet waħda tivvaluta l-effetti tal-politiki makroprudenzjali fuq il-kreditu tal-unitajiet domestiċi u l-prezzijiet tad-djar; filwaqt li r-raba’ waħda tħares lejn l-iskoperturi tas-sistema finanzjarja taż-żona tal-euro għall-kreditu privat. Ir-Rapport dwar l-Istabbiltà Finanzjarja huwa skedat li jiġi ppubblikat fuq is-sit web tal-BĊE fis-27 ta’ Mejju 2026.
Infrastruttura tas-suq u pagamenti
Rieżami tal-politika tal-ipprezzar T2/Saldu Gross f’Ħin Reali
Fit-28 ta’ April 2026, il-Kunsill Governattiv approva politika riveduta ta’ pprezzar T2/Saldu Gross f’Ħin Reali (RTGS), li għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2026. Din se tinkludi, fost l-oħrajn, żieda fit-tariffi fissi ta’ kull xahar għal kontijiet ta’ flus iddedikati u rikalibrar tal-baned tal-ipprezzar ibbażati fuq il-volum. L-objettiv ġenerali huwa li jiġi żgurat l-irkupru sħiħ tal-kostijiet għat-T2/RTGS sal-2038. Il-Kunsill Governattiv ta wkoll mandat lill-Bord għall-Infrastruttura tas-Suq biex iwettaq rieżami komprensiv tal-politika tal-ipprezzar tat-T2/RTGS matul l-2028. Aktar informazzjoni dettaljata se tkun disponibbli meta jasal il-waqt fuq is-sit web tal-BĊE.
Emendi għal-Linja Gwida tat-TARGET
Fl-4 ta’ Mejju 2026, il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida BĊE/2026/11 li temenda l-Linja Gwida (UE) 2022/912 dwar il-ġenerazzjoni ġdida tas-sistema Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer (TARGET) (BĊE/2022/8). Il-Linja Gwida emendatorja tirrifletti diversi bidliet tekniċi li saru lis-Servizzi tat-TARGET fl-2026, b’mod partikolari l-inklużjoni tal-iskema ta’ Trasferiment ta’ Kreditu Istantanju “One-Leg Out” tal-Kunsill Ewropew fis-sistema ta’ Saldu b’Pagamenti Instantanji ta’ TARGET (TIPS), kif ukoll l-emendi msemmija hawn fuq għall-istruttura tat-tariffi għat-T2/RTGS li se japplikaw mill-1 ta’ Lulju 2026. Il-Linja Gwida se tkun disponibbli fuq EUR-Lex meta jasal il-waqt.
Parir dwar il-leġiżlazzjoni
Opinjoni tal-BĊE dwar regoli relatati mal-operazzjoni bla xkiel tas-sistemi ta’ pagament fi flus kontanti
Fit-12 ta’ Mejju 2026, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2026/16 fuq talba mill-Ministru għall-Finanzi Netherlandiż.
Opinjoni tal-BĊE dwar it-tnaqqis ta’ ċerti ħlasijiet u tariffi u għall-ġbid ta’ flus kontanti u tranżazzjonijiet oħra tal-ATM
Fid-19 ta’ Mejju 2026, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2026/17, imħejjija bl-inizjattiva proprja tal-BĊE.
Governanza korporattiva
Ħatra tal-membri tal-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq mill-1 ta’ Ġunju 2026 sal-31 ta’ Mejju 2029
Fit-13 ta’ Mejju 2026, il-Kunsill Governattiv estenda l-ħatra tal-President attwali tal-Bord għall-Infrastruttura tas-Suq (MIB), Thomas Vlassopoulos, li huwa d-Direttur Ġenerali tal-Infrastruttura tas-Suq u l-Pagamenti tal-BĊE. Huwa ħatar ukoll il-membri għall-mandat ta’ 3 snin li jmiss tal-Bord, li se jkun mill-1 ta’ Ġunju 2026 sal-31 ta’ Mejju 2029. Il-membri huma dawn. Dawk magħżula mill-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema huma Marc Lejoly (BE), Julian Reischle (DE), Carlos Conesa (ES), Elie Lewi (FR), Salvatore Luigi Alonzo (IT), Andreas Neocleous (CY), Petia Niederländer (AT) u Maria Tereza Cavaco (PT), kif ukoll Inge van Dijk (NL) li se taġixxi wkoll bħala Viċi President. Dawk minn banek ċentrali li mhumiex fiż-żona tal-euro huma Peter E. Storgaard (DK), Torbjørn Hægeland (NO) u Christina Wejshammar (SE). Fl-aħħar nett, il-membri mhux tal-bank ċentrali huma Johan Kestens u Jean-Marc Eyssautier. Il-MIB jamministra t-tmexxija ta’ kuljum tat-TARGET2-Securities (T2S) u s-Servizzi l-oħra tat-TARGET. Huwa jaħdem ukoll mal-partijiet interessati tas-suq permezz tal-istruttura ta’ governanza T2S.
Statistika
Rapport tal-Kwalità tal-2025 dwar iż-żona tal-euro u l-bilanċ tal-pagamenti nazzjonali u l-istatistika dwar il-pożizzjoni tal-investimenti internazzjonali
Fit-13 ta’ Mejju 2026, il-Kunsill Governattiv approva l-valutazzjoni li tinsab fir-Rapport ta’ Kwalità tal-2025 dwar il-bilanċ tal-pagamenti taż-żona tal-euro u dak nazzjonali u l-istatistika dwar il-pożizzjoni tal-investimenti internazzjonali u awtorizza l-pubblikazzjoni tar-rapport. Dan ir-rapport jipprovdi informazzjoni aġġornata dwar it-titjib li sar mill-pubblikazzjoni tar-rapport preċedenti u jindika oqsma fejn jista’ jsir aktar titjib. Huwa disponibbli fil-websajt tal-BĊE.
Kooperazzjoni internazzjonali u Ewropea
Rapport dwar ir-rwol internazzjonali tal-euro
Fl-20 ta’ Mejju 2026, il-Kunsill Governattiv approva l-edizzjoni ta’ Ġunju 2026 tar-rapport dwar ir-rwol internazzjonali tal-euro u awtorizza l-pubblikazzjoni tiegħu fis-sit web tal-BĊE. Ir-rapport jippreżenta ħarsa ġenerali tal-iżviluppi fl-użu tal-euro minn persuni mhux residenti fiż-żona tal-euro fl-2025. Huwa skedat li jiġi ppubblikat, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa relatata, fit-2 ta’ Ġunju 2026 fis-sit web tal-BĊE.
Superviżjoni Bankarja tal-BĊE
Rapporti aġġornati dwar prattiki tajbin għall-ġestjoni tar-riskju klimatiku u tan-natura u l-ittestjar tal-istress
Fit-30 ta’ April 2026, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jippubblika żewġ rapporti. L-ewwel rapport huwa dwar prattiki tajbin għall-ġestjoni tar-riskju tal-klima u tan-natura u t-tieni huwa dwar prattiki tajbin għall-ittestjar tal-istress tar-riskju relatat mal-klima u man-natura. Iż-żewġ rapporti huma disponibbli fuq is-sit web tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.
Konformità mal-Linji Gwida tal-Awtorità Bankarja Ewropea dwar l-ekwivalenza tar-reġimi ta’ kunfidenzjalità u ta’ segretezza professjonali tal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi
Fis-6 ta’ Mejju 2026, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jinnotifika lill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) li, għall-istituzzjonijiet sinifikanti taħt is-superviżjoni diretta tiegħu, il-BĊE jikkonforma mal-Linji Gwida tal-EBA li jemendaw il-Linji Gwida EBA/GL/2022/04 dwar l-ekwivalenza tar-reġimi tal-kunfidenzjalità (EBA/GL/2025/05). Il-bidliet introdotti mill-aħħar emendi jinkludu l-espansjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Linji Gwida biex jirriflettu rekwiżiti ġodda rigward il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali skont ir-Regolament dwar is-Swieq fil-Kriptoassi (MiCAR); l-inkorporazzjoni ta’ valutazzjonijiet reċenti tal-ekwivalenza tal-kunfidenzjalità mwettqa mill-EBA fir-rigward ta’ awtoritajiet superviżorji individwali ta’ pajjiżi terzi; is-simplifikazzjoni tad-definizzjonijiet; l-aġġornament tar-referenzi legali; u l-kjarifika ta’ kif l-awtoritajiet kompetenti għandhom japplikaw il-qafas meta jikkondividu l-informazzjoni jew jinvolvu ruħhom fil-kooperazzjoni superviżorja.
Rapport annwali tal-2025 dwar l-attivitajiet ta’ sanzjonar tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU)
Fis-7 ta’ Mejju 2026, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jippubblika r-Rapport Annwali dwar Attivitajiet ta’ Sanzjonar fl-MSU fl-2025, li jippreżenza statistiċi aggregati għall-MSU kollha bbażata fuq data miġbura u kkomputata bl-użu ta’ kategoriji standardizzati sabiex jiġi żgurat sett armonizzat u komparabbli ta’ informazzjoni. Ir-rapport jiddokumenta li fl-2025, il-BĊE u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti wettqu total ta’ 370 proċediment ta’ sanzjonar, li 66 % minnhom tlestew matul is-sena. Sa tmiem l-2025, kienu ġew imposti 152 penali amministrattiva, b’penali pekunarji li jirrappreżentaw 86 % tat-total. Il-multi totali miġbura ammontaw għal madwar EUR 57.15 miljun – l-ogħla total għal dawn l-aħħar 5 snin. Ir-rapport jinsab fis-sit tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.
Konformità mal-Linji Gwida tal-Awtorità Bankarja Ewropea dwar metodi ta’ diversifikazzjoni proporzjonati fil-livell tal-konsumatur
Fid-19 ta’ Mejju 2026, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal notifika lill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) li l-BĊE jikkonforma mal-Linji Gwida dwar metodi ta’ diversifikazzjoni proporzjonati fil-livell tal-konsumatur skont l-Artikolu 123(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 (EBA/GL/2026/02), b’rabta ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu sinifikanti taħt is-superviżjoni diretta tiegħu. Dawn il-Linji Gwida jiddefinixxu l-kriterji biex jiġi ddeterminat jekk l-iskoperturi fil-livell tal-konsumatur humiex diversifikati biżżejjed biex jikkwalifikaw għal piż tar-riskju preferenzjali ta’ 75 % skont l-approċċ standardizzat għar-riskju ta’ kreditu.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja