Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE
(Minbarra d-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Ottubru 2008

Kwistjonijiet operazzjonali

Deċiżjonijiet relatati ma’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament u ma’ likwidità f’EUR u USD

Mit-18 ta’ Settembru 2008 ’l hawn, il-Kunsill Governattiv ħa għadd ta’ deċiżjonijiet relatati ma’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament, proċeduri tas-sejħiet għall-offerti u faċilitajiet permanenti, u ma’ operazzjonijiet ta’ likwidità f’dollari Amerikani biex jindirizza l-pressjonijiet fis-swieq monetarji. Dawn id-deċiżjonijiet tħabbru fis-sit elettroniku tal-BĊE permezz ta’ stqarrijiet għall-istampa speċifiċi.

Regolament tal-BĊE dwar ir-riżervi minimi

Fit-22 ta’ Ottubru 2008, il-Kunsill Governattiv adotta Regolament li jemenda r-Regolament BĊE/2003/9 tat-12 ta’ Settembru 2003 dwar l-applikazzjoni tar-riżervi minimi (BĊE/2008/10). Ir-Regolament se jiġi ppubblikat dalwaqt fil- Ġurnal Uffiċjali tal-UE u fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Reviżjoni tad-“Dokumentazzjoni Ġenerali” tal-BĊE

Fit-23 ta’ Ottubru 2008, il-Kunsill Governattiv approva verżjoni riveduta tad-dokument imsejjaħ “L-implimentazzjoni tal-politika monetarja fiż-żona tal-euro: Dokumentazzjoni ġenerali dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja tal-Eurosistema” (imsejħa wkoll “Dokumentazzjoni Ġenerali”) u adotta Linja Gwida li temenda l-Linja Gwida BĊE/2000/7 dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja tal-Eurosistema (BĊE/2008/13). Il-Linja Gwida BĊE/2008/13 se tissostitwixxi l-verżjoni attwali tad-Dokumentazzjoni Ġenerali meta tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2009. Id-Dokumentazzjoni Ġenerali se tiġi ppubblikata iżjed tard din is-sena fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE u fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Atti legali relatati ma’ l-eliġibilità tal-kollateral

Biex jimplimenta d-deċiżjonijiet li ħa fil-15 ta’ Ottubru 2008, fit-23 ta’ Ottubru 2008 il-Kunsill Governattiv adotta Regolament u Linja Gwida dwar il-bidliet temporanji fir-regoli relatati mal-eliġibilità tal-kollateral (BĊE/2008/11 u BĊE/2008/12, rispettivament). Iż-żewġ atti legali se jiġu ppubblikati dalwaqt fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE u fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Sistemi tal-pagament u Infrastruttura tas-suq

Glossarju ta’ termini relatati ma’ sistemi ta’ pagament, ikklerjar u saldu – konsultazzjoni pubblika

Fit-30 ta’ Settembru 2008, il-Kunsill Governattiv nieda konsultazzjoni pubblika dwar glossarju ta’ termini relatati mal-aspetti tekniċi tas-sistemi tal-pagament, ikklerjar u saldu fl-UE, li huma mfissra b’mod faċli għall-utenti u fi stil mhux legalistiku biex titħeġġeġ l-aċċettazzjoni tagħhom mill-utenti. Il-glossarju hu maħsub biex jintuża ħalli jiġi żgurat użu konsistenti ta’ termini fil-pubblikazzjonijiet kollha tas-SEBĊ li huma relatati mal-pagament, l-ikklerjar u s-saldu. Dan ikun disponibbli wkoll għar-referenza minn istituzzjonijiet oħra tal-Komunità Ewropea, jekk dan jitqies meħtieġ. Il-konsultazzjoni pubblika tintemm mhux iżjed tard mill-1 ta’ Jannar 2009.

Abbozz ta’ rakkomandazzjonijiet tas-SEBĊ u tas-CESR (Kumitat tar-Regolaturi Ewropej tat-Titoli) għas-sistemi ta’ kklerjar u saldu u kontropartijiet ċentrali fl-UE – konsultazzjoni pubblika

Fis-16 ta’ Ottubru 2008, il-Kunsill Governattiv approva t-tnedija ta’ konsultazzjoni pubblika dwar “Abbozz ta’ rakkomandazzjonijiet għas-sistemi tal-ikklerjar u s-saldu u abbozz ta’ rakkomandazzjonijiet għall-kontropartijiet ċentrali fl-Unjoni Ewropea”, flimkien mal-Kumitat tar-regolaruri Ewropej tat-Titoli (CESR). Il-konsultazzjoni tintemm fit-23 ta’ Jannar 2009. Tul dan iż-żmien, is-SEBĊ u s-CESR flimkien se jorganizzaw proċess miftuħ dwar dawn ir-rakkomandazzjonijiet fl-uffiċċju tas-CESR, f’Pariġi. Ir-rakkomandazzjonijiet ġew żviluppati fil-kuntest tax-xogħol konġunt li qed isir mis-SEBĊ u s-CESR biex tiżdied is-sigurtà, l-istabbiltà u l-effiċjenza fil-qasam tal-ikklerjar u s-saldu tat-titoli. Fit-23 ta’ Ottubru 2008, fis-sit elettroniku tal-BĊE, ġiet ippubblikata stqarrija għall-istampa li ħabbret it-tnedija ta’ din il-konsultazzjoni pubblika.

Link trasmessa bejn Clearstream Banking Frankfurt permezz ta’ Clearstream Banking Luxembourg għal Euroclear France

Fis-16 ta’ Ottubru 2008, il-Kunsill Governattiv approva link trasmessa bejn Clearstream Banking AG Frankfurt permezz ta’ Clearstream Banking S.A. Luxembourg għal Euroclear France bħala link eliġibbli biex jiġu garantiti l-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema. Stqarrija għall-istampa ġiet ippubblikata fis-17 ta’ Ottubru 2008. Il-lista tal-links trasmessi u tal-links diretti ġiet aġġornata fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Evoluzzjoni tal-arranġament għall-kustodja ta’ titoli ta’ dejn internazzjonali u l-eliġibilità tagħhom fl-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema.

Fis-16 ta’ Ottubru 2008, il-Kunsill Governattiv ivvaluta arranġamenti ġodda għall-kustodja ta’ titoli ta’ dejn internazzjonali u l-eliġibilità tagħhom fl-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema. Il-Kunsill Governattiv għaraf li l-arranġament għat-titoli ta’ dejn internazzjonali fil-forma globali reġistrata hu konformi mal-“Istandards għall-użu tas-sistemi tal-UE għas-saldu tat-titoli fl-operazzjonijiet ta’ kreditu tas-SEBĊ” tal-Eurosistema, bla ħsara għall-konklużjoni tal-arranġamenti legali u kuntrattwali meħtieġa. Fil-każ ta’ titoli tad-dejn internazzjonali fil-forma ta’ nota individwali, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li, minħabba li l-importanza tagħhom qed tonqos, dawn l-assi se jiġu rtirati mil-lista tal-assi eliġibbli għall-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema. Stqarrija għall-istampa bid-dettalji tal-arranġamenti ġiet ippubblikata fis-sit elettroniku tal-BĊE fit-22 ta’ Ottubru.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar miżuri ta’ sostenn fl-Irlanda

Fit-3 ta' Ottubru 2008, fuq talba tal-Ministru tal-Finanzi Irlandiż, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar miżuri ta’ sostenn finanzjarju għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu (CON/2008/44). L-Opinjoni hi disponibbli fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar leġiżlazzjoni Komunitarja relatata ma’ midalji u tokins li jixbħu l-muniti tal-euro

Fit-8 ta’ Ottubru 2008, fuq talba tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar midalji u tokins li jixbħu l-muniti tal-euro (CON/2008/45). Din l-Opinjoni se tiġi ppubblikata dalwaqt fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE u hi disponibbli fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar skema għall-istabbiltà finanzjarja fil-Belġju

Fit-8 ta’ Ottubru 2008, fuq talba tal-Ministeru tal-Finanzi Belġjan, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar garanzija tal-Istat li tkopri l-kreditu mogħti min-Nationale Bank van België/Banque Nationale de Belgique fil-kuntest tal-kontribut tiegħu għall-istabbiltà finanzjarja (CON/2008/46). L-Opinjoni hi disponibbli fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-iskambju u l-irtirar tal-karti tal-flus fl-Isvezja

Fid-9 ta’ Ottubru 2008, fuq talba tas-Sveriges Riksbank, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar l-iskambju u l-irtirar ta’ karti tal-flus u muniti (CON/2008/47). L-Opinjoni hi disponibbli fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar miżuri ta’ sostenn finanzjarju fl-Irlanda

Fil-15 ta' Ottubru 2008, fuq talba tal-Ministru tal-Finanzi Irlandiż, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ sostenn finanzjarju għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu (CON/2008/48). L-Opinjoni hi disponibbli fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar leġiżlazzjoni Ġermaniża dwar is-sostituzzjoni ta’ muniti tal-euro u muniti tal-euro kommemorattivi Ġermaniżi

Fis-16 ta’ Ottubru 2008, fuq talba tal-Ministeru Ġermaniż tal-Finanzi, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar is-sostituzzjoni ta’ muniti tal-euro u muniti tal-euro kommemorattivi Ġermaniżi (CON/2008/49). L-Opinjoni hi disponibbli fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar skema għall-istabbiltà finanzjarja fil-Belġju

Fis-17 ta’ Ottubru 2008, fuq talba tal-Ministeru Belġjan tal-Finanzi, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar garanzija tal-Istat li tkopri l-obbligazzjonijiet tal-istitutuzzjonijiet ta’ kreditu (CON/2008/50). L-Opinjoni hi disponibbli fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar garanzija Griega għad-depożiti u skemi ta’ ħarsien tal-investituri

Fis-17 ta' Ottubru 2008, fuq talba tal-Ministeru tal-Ekonomija u l-Finanzi Elleniku, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar skemi ta’ garanzija tad-depożiti u ta’ ħarsien tal-investituri (CON/2008/51). L-Opinjoni hi disponibbli fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar skema għall-istabbiltà finanzjarja fi Spanja

Fis-17 ta’ Ottubru 2008, fuq talba tas-Segretarju tal-Istat Spanjol għall-Affarijiet Ekonomiċi, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar il-ħolqien ta’ fond għall-akkwist ta’ assi finanzjarji u dwar miżuri oħra tal-Gvern li jikkontribwixxu għall-istabbiltà finanzjarja (CON/2008/52). L-Opinjoni hi disponibbli fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-ġbir ta' informazzjoni statistika fil-Polonja

Fis-17 ta' Ottubru 2008, fuq it-talba tal-Ministru tal-Finanzi Pollakk, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar il-qafas legali għall-ġbir ta’ informazzjoni statistika min-Narodowy Bank Polski (CON/2008/53). L-Opinjoni hi disponibbli fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar skema għall-istabbiltà finanzjarja fid-Danimarka

Fis-17 ta’ Ottubru 2008, fuq talba tal-Ministeru tal-Ekonomija u l-Affarijiet Kummerjali Daniż, il-Kunsill governattiv adotta Opinjoni dwar skema għall-istabbiltà finanzjarja li tiggarantixxi kopertura sħiħa tal-klejms tad-depożitanti u l-kredituri ordinarji (CON/2008/54). L-Opinjoni hi disponibbli fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar miżuri legali biex tiġi restawrata l-istabbiltà tas-suq finanzjarju fl-Awstrija

Fl-20 ta' Ottubru 2008, fuq talba tal-Ministeru tal-Finanzi Awstrijak, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar miżuri legali biex tiġi restawrata l-istabbiltà tas-suq finanzjarju (CON/2008/55). L-Opinjoni hi disponibbli fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar skema għall-istabbiltà finanzjarja fi Franza

Fil-21 ta’ Ottubru 2008, fuq talba tal-Banque de France, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar l-għoti ta’ garanziji tal-Istat maħsuba biex jikkontribwixxu għall-istabbiltà finanzjarja (CON/2008/56)]. L-Opinjoni hi disponibbli fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar skema għall-istabbiltà finanzjarja fil-Ġermanja

Fil-21 ta' Ottubru 2008, fuq talba tal-Ministeru tal-Finanzi Ġermaniż, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar it-twaqqif ta’ Fond għall-Istabbilizzazzjoni tas-Suq Finanzjarju u dwar miżuri oħra għall-istabbiltà finanzjarja (CON/2008/57). L-Opinjoni hi disponibbli fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar skema għall-istabbiltà finanzjarja fl-Italja

Fit-23 ta’ Ottubru 2008, fuq talba tal-Banca d’Italia għan-nom tal-Ministeru għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Finanzi Taljan, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar miżuri għall-garanzija tal-istabbiltà tas-sistema bankarja (CON/2008/58). L-Opinjoni hi disponibbli fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Governanza Korporattiva

Prassi Tajba għall-għażla u l-mandat ta’ Awdituri Esterni skond l-Artikolu 27.1 tal-Istatut tas-SEBĊ/BĊE

Fit-23 ta’ Ottubru 2008, il-Kunsill Governattiv approva l-pubblikazzjoni ta’ “Prassi Tajba għall-għażla u l-mandat ta’ Awdituri Esterni skond l-Artikolu 27.1 tal-Istatut tas-SEBĊ/BĊE”. Il-Prassi Tajba tgħin lill-Kunsill Governattiv jiżgura li r-rakkomandazzji tiegħu lill-Kunsill tal-UE dwar il-ħatra tal-awdituri esterni tal-BĊN tkun imsejsa fuq kriterji tal-għażla armonizzati u xierqa.

Presidenza tal-Kumitat għall-Karti tal-Flus (BANCO)

Fit-23 ta’ Ottubru 2008, il-Kunsill Governattiv ħatar, b’seħħ mill-1 ta’ Diċembru 2008, lis-Sur Ton Roos, Direttur, Karti tal-Flus, fid-Direttorat tal-BĊE għall-Karti tal-Flus mill-1 ta’ Novembru 2008, bħala l-president ta’ BANCO. Il-mandat tiegħu jiskadi fil-31 ta’ Awwissu 2010 biex dan iseħħ fl-istess ħin ta’ l-iskadenza tal-mandat tal-presidenti tal-kumitati kollha tal-Eurosistema/SEBĊ u tal-president tal-Kumitat għall-Baġit, li (reġgħu) inħatru mill-Kunsill Governattiv fid-19 ta’ Lulju 2007 għal perijodu ta’ tliet snin.

Kuntatti midja