Għaliex il-BĊE huwa indipendenti?

12 ta' Jannar 2017

L-indipendenza politika tal-BĊE hija strumentali għall-għan ewlieni tiegħu li jżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet. Hija l-ġebla tax-xewka tas-sistema monetarja taż-żona tal-euro.

Għaliex il-banek ċentrali għandhom ikunu indipendenti?

Il-banek ċentrali mhux minn dejjem kienu indipendenti iżda maż-żmien bdiet toħroġ xejra ċara li l-politika monetarja kellha tinqata’ mill-influwenza politika diretta. Il-biċċa l-kbira tal-evidenza empirika u tal-analiżi teoretika turi li banek ċentrali indipendenti huma iżjed kapaċi jżommu r-rati tal-inflazzjoni baxxi.

Bħala għassiesa tal-istabbiltà tal-prezzijiet, il-banek ċentrali joħolqu s-sisien għal ekonomija b’saħħitha u stabbli. Li kieku l-gvernijiet kellhom kontroll dirett fuq il-banek ċentrali, il-politikanti jkollhom it-tentazzjoni jibdlu r-rati tal-imgħax kif jaqblilhom biex joħolqu booms ekonomiċi għal żmien qasir jew jużaw il-flus tal-banek ċentrali biex jiffinanzjaw miżuri politiċi popolari. Dan iħalli effetti negattivi fit-tul fuq l-ekonomija.

Il-BĊE twaqqaf speċifikament bħala istituzzjoni indipendenti sabiex ikun hemm garanzija li jaġixxi fl-aħjar interessi tal-poplu Ewropew. It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jagħti lill-BĊE mandat tassew ċar u limitat li jżomm il-prezzijiet stabbli fiż-żona tal-euro. Hekk, il-BĊE jkun jista’ jfassal politika monetarja li tkattar it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi fl-Ewropa.

X’inhuma l-pilastri ewlenin tal-indipendenza tal-BĊE?

Il-qafas istituzzjonali tal-politika monetarja unika jħares lill-BĊE minn kull tip ta’ influwenza politika. L-indipendenza tal-BĊE tistrieħ fuq ħames pilastri ewlenin li huma riflessi fl-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE.

Indipendenza istituzzjonali

It-Trattat jistqarr li l-BĊE m’għandu jfittex jew jieħu struzzjonijiet mingħand ebda istituzzjoni, gvern jew korp ieħor. Fl-istess waqt, il-gvernijiet tal-Istati Membri u istituzzjonijiet oħra tal-UE ma jistgħux jinfluwenzaw il-korpi deċiżjonali tal-BĊE.

Indipendenza personali

L-Istatut iħares l-indipendenza personali tal-membri tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE. Huma jinħatru għal perjodu ta’ tmien snin li ma jiġġeddidx u jistgħu jitneħħew mill-kariga biss fil-każ ta’ mġiba ħażina serja. Hekk ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet responsabbli u oġġettivi.

Indipendenza funzjonali u operattiva

Permezz tal-Istatut, il-BĊE jingħatawlu l-kompetenzi kollha meħtieġa biex jilħaq l-għan ewlieni tiegħu ta’ stabbiltà fil-prezzijiet. Għalhekk, l-Eurosistema għandha l-kompetenza esklużiva għall-politika monetarja fiż-żona tal-euro. Barra minn hekk, il-BĊE ma jistax jislef direttament lis-settur pubbliku. Dan iħarsu minn kull pressjoni min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi.

Indipendenza finanzjarja u organizzattiva

Sabiex tkompli tonqos l-influwenza esterna fuq l-Eurosistema, il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali għandhom ir-riżorsi finanzjarji u d-dħul tagħhom stess. L-Istatut jagħti s-setgħa lill-BĊE jorganizza l-istruttura interna tiegħu skont ma jixtieq. Bis-saħħa ta’ din l-awtonomija, l-Eurosistema tista’ taqdi l-kompiti kollha tagħha kif inhuwa mitlub.

Indipendenza legali

Fl-aħħar, il-BĊE għandu l-personalità legali tiegħu. Hekk, jista’ jmur quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja biex isaħħaħ l-indipendenza tiegħu, jekk ikun meħtieġ.

Kif jiggarantixxi r-responsabbiltà tiegħu l-BĊE?

Ir-responsabbiltà hija meħtieġa għall-indipendenza ta’ bank ċentrali. Għalhekk, il-BĊE jispjega d-deċiżjonijiet tiegħu u r-raġunijiet li jwassluh għalihom liċ-ċittadini tal-UE u r-rappreżentanti eletti tagħhom. Fost affarijiet oħra, il-President tal-BĊE jattendi l-laqgħat ta’ kull tliet xhur tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji. Il-Membri tal-Parlament Ewropew jistgħu wkoll jagħmlu mistoqsijiet bil-miktub lill-BĊE.

Flimkien, dawn il-ħames pilastri tal-indipendenza jippermettu lill-BĊE jmexxi l-politika monetarja b’mod awtonomu u effiċjenti. Fl-istess ħin, qafas komprensiv jiggarantixxi r-responsabbiltà tal-BĊE. Hekk, il-BĊE jista’ jfittex li jilħaq l-għan ewlieni tiegħu tal-istabbiltà tal-prezzijiet u jaġixxi fl-aħjar interessi taċ-ċittadini taż-żona tal-euro u tal-ekonomija Ewropea.