X'inhi l-likwidità eċċessiva u għaliex hi importanti?
28 ta' Diċembru 2017
Il-BĊE, flimkien mal-banek ċentrali nazzjonali tal-pajjiżi fiż-żona tal-euro (l-Eurosistema) kien u għadu jsellef ammonti illimitati ta' flus lill-banek b’reazzjoni għall-kriżi finanzjarja. Barra dan, kien u għadu qed jixtri bonds mingħand il-parteċipanti tas-suq. B'riżultat ta' dan, hemm iżjed flus – jew likwidità – fis-sistema bankarja kollha kemm hi milli hu verament meħtieġ. Din tissejjaħ likwidità eċċessiva.
Iżda x'inhi eżattament il-likwidità eċċessiva? X'jistgħu jagħmlu biha l-banek? Qiegħda hemm biss bla ma tagħmel xejn għall-ekonomija u għaċ-ċittadini, kif jingħad kultant?
X'inhi eżattament il-likwidità eċċessiva?
Ħalli l-ewwel naraw x'qed infissru meta ngħidu likwidità u r-rwol tal-bank ċentrali meta jipprovdiha. Banek f'saħħithom jista' jkollhom assi ta' tul ta' żmien, bħalma hu s-self b’ipoteka għax-xiri ta' djar, iżda jistgħu jħabbtu wiċċhom ma' talbiet għal ħlas f'qasir żmien fuq l-obbligazzjonijiet – flus li jinġibdu mill-ATMs, pereżempju. Il-banek jeħtieġu l-likwidita wkoll biex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ riżervi minimi. Wieħed mill-postijiet fejn jistgħu jirrikorru l-banek solventi għal likwidità fuq żmien hekk qasir hu l-bank ċentrali. Il-likwidità disponibbli kollha fis-sistema bankarja li teċċedi l-ħtiġijiet tal-banek tissejjaħ likwidità eċċessiva.
X'jistgħu jagħmlu l-banek bil-likwidità eċċessiva?
Il-banek kummerċjali għandhom kontijiet kurrenti mal-banek ċentrali. Il-likwidità (eċċessiva) kollha tinżamm jew f'dawn il-kontijiet kurrenti fil-banek ċentrali jew fil-faċilità tad-depożitu. Fi kliem ieħor, il-likwidità eċċessiva, skont id-definizzjoni, tibqa' fil-bank ċentrali. Bank individwali jista' jnaqqas il-likwidità eċċessiva tiegħu, pereżempju billi jsellef lil banek oħrajn, jixtri assi jew jittrasferixxi fondi f'isem il-klijenti tiegħu, iżda s-sistema bankarja sħiħa ma tistax tagħmel dan: il-likwidità dejjem tispiċċa f'bank ieħor u b'hekk f'kont mal-bank ċentrali. Din hi sistema indipendenti jew, fi kliem ieħor, sistema magħluqa. Il-likwidità lanqas ma tista' toħroġ miż-żona tal-euro, jekk mhux fiżikament fil-forma ta' karti tal-flus.
Jekk investitur taż-żona tal-euro jkun irid jinvesti f'bonds korporattivi Amerikani, pereżempju, il-flus l-ewwel iridu jinqalbu f'dollari Amerikani. Biex jagħmel dan, l-investitur ikollu jbigħ l-euros tiegħu biex jixtri dollari Amerikani, possibilment f'fergħa sussidjarja ta' bank Amerikan ġewwa ż-żona tal-euro. Id-dollari Amerikani mbagħad jistgħu jintużaw għall-investiment f'bonds korporattivi Amerikani. L-euros jibqgħu fil-kont tal-fergħa sussidjarja Ewropea tal-bank Amerikan. U din il-fergħa sussidjarja għandha wkoll kont mal-bank ċentrali nazzjonali.
Għaliex il-BĊE jippermetti l-eżistenza ta' likwidità eċċessiva?
Sa ma bdiet il-kriżi finanzjarja, il-BĊE kien jissodisfa l-ħtiġijiet ta' likwidità tas-sistema bankarja taż-żona tal-euro bejn wieħed u ieħor bl-eżatt. Kull ġimgħa kien jagħmel stima tal-ħtiġijiet ta' likwidità tas-sistema bankarja u kien jipprovdi dak l-ammont ta' flus fil-forma ta' self lill-banek. Il-banek kienu jikkompetu għal dan is-self f'irkant u l-BĊE kien jiżgura li s-self kien jissodisfa l-ħtiġijiet tas-sistema bankarja kollha kemm hi. Ladarba tkun daħlet fis-sistema, il-likwidità kienet terġa' titqassam fost il-banek – permezz ta' self interbankarju – skont il-ħtiġijiet individwali.
F'Ottubru 2008, b'reazzjoni għall-kriżi finanzjarja severa wara l-kollass ta' Lehman Brothers, il-BĊE qaleb għal sistema ta' allokazzjoni sħiħa. Dan ifisser li l-banek jistgħu jisselfu likwidità kemm iridu, sakemm ikollhom biżżejjed kollateral eliġibbli. Ir-raġuni għal din il-bidla kienet li l-banek ma baqgħux iqassmu l-likwidità bejniethom permezz ta' self interbankarju, bħalma kienu jagħmlu qabel il-kriżi. In-nuqqas ta' fiduċja li setgħa jirriżulta fil-mekkaniżmu tar-ridistribuzzjoni kien iwassal għal sitwazzjoni fejn il-banek kienu jikkompetu b'mod aggressiv għal-likwidità waqt l-irkanti, u b'hekk kienu jogħlew ir-rati tal-imgħax fuq dan is-self. Is-sistema ta' allokazzjoni sħiħa għadha qed tintuża u dan ifisser li dawn ir-riskji ma jeżistux għaliex il-banek individwali jistgħu jakkwistaw il-likwidità kollha li jeħtieġu.
Wara l-bidla għall-allokazzjoni sħiħa, il-banek qiesu li kien aħjar jitolbu ftit żejjed milli ftit wisq. Dan wassal biex is-sistema bankarja kollha kemm hi talbet iżjed likwidità milli kien verament meħtieġ biex tissodisfa d-domanda, mill-pubbliku, għal flus kontanti, u biex tissodisfa r-rekwiżiti ta’ riżervi minimi. Ir-riżultat ta' dan kien likwidità eċċessiva fis-sistema.
Bħala konsegwenza tal-likwidità eċċessiva, ir-rati tal-imgħax tas-suq baqgħu baxxi. Dan ifisser li għall-kumpaniji u għan-nies is-self ta' flus hu irħas, u dan jgħin lill-ekonomija biex tirkupra mill-kriżi finanzjarja u ekonomika, u jippermetti li s-sistema bankarja tibni bafers ta' likwidità.
Il-likwidità eċċessiva żdiedet iżjed bħala konsegwenza tal-programm tax-xiri ta' assi tal-BĊE, li pprovda akkomodament monetarju addizzjonali meta r-rati tal-imgħax ma setgħux jitbaxxew ħafna iżjed.
Allura dawn il-flus kollha li jinsabu fil-bank ċentrali mhumiex flus li mhu qed jintużaw għal xejn?
Il-fatt li l-flus (elettroniċi) u l-likwidità eċċessiva dejjem jispiċċaw fil-bank ċentrali ma jfissirx li mhux qed jintużaw fl-ekonomija. Ħalli naraw eżempju biex infissru dan:
Il-Kumpanija 1 trid tinvesti f'magni ġodda u tieħu self mill-bank tagħha, il-Bank 1 (bank b'likwidità eċċessiva). Il-flus jingħataw b'self lill-kumpanija iżda sakemm il-Kumpanija 1 tuża l-flus, dawn jibqgħu fil-kont li l-kumpanija għandha mal-Bank 1. Il-Bank 1 għandu kont mal-bank ċentrali, fejn tinżamm il-likwidità eċċessiva tiegħu. Is-self fih innifsu ma biddilx il-likwidità eċċessiva tal-Bank 1. Issa l-Kumpanija 1 tixtri l-magni ġodda mingħand il-Kumpanija 2 u tagħti struzzjonijiet lill-Bank 1 biex jittrasferixxi l-flus lill-bank tal-Kumpanija 2, il-Bank 2 (bank b'likwidità eċċessiva). Il-Bank 2 ukoll għandu kont mal-bank ċentrali li jirċievi t-trasferiment mingħand il-Bank 1. Il-ħlas tal-Kumpanija 1 għall-magni l-ġodda jwassal għal tnaqqis fil-likwidità eċċessiva tal-Bank 1 u żieda fil-likwidità eċċessiva tal-Bank 2. B'mod ġenerali, is-self u x-xiri tal-magni ma jbiddlux il-likwidità eċċessiva fis-sistema bankarja. Is-self sar u l-flus mislufa ntużaw għal investiment fl-ekonomija.
L-eżistenza ta' likwidità eċċessiva mhijiex indikatur ta' kemm isir self fl-ekonomija. Huma ċ-ċifri ta' kull xahar tas-self bankarju u r-rati taż-żieda tas-self li jippubblika l-BĊE li jagħtu indikazzjoni ta' kif ikun qed jiżviluppa s-self bankarju.
Hemm xi differenza jekk il-banek iqiegħdu l-likwidità eċċessiva tagħhom f'faċilità tad-depożitu jew fil-kont kurrenti tagħhom?
Bħalissa, m'hemmx differenza. Fl-imgħoddi, il-banek kienu jirċievu l-imgħax għall-flus li kienu jqiegħdu fil-faċilità tad-depożitu. Minn mindu l-BĊE ddeċieda li jintroduċi rata negattiva fuq il-faċilità tad-depożitu, hu jittratta l-bilanċi tal-kontijiet kurrenti (li jeċċedu r-rekwiżit ta’ riżervi minimi) u l-faċilità tad-depożitu bl-istess mod.