X’inhuma r-rati tal-imgħax u x’inhi d-differenza bejn ir-rati tal-imgħax nominali u reali?
25 ta' Mejju 2016
L-imgħax huwa l-ispiża biex tissellef il-flus, u l-flus li taqla’ mit-tfaddil tiegħek
L-imgħax huwa l-ispiża biex tissellef il-flus, u l-flus li taqla’ mit-tfaddil tiegħek. Fi kliem ieħor, jekk tissellef flus minn bank, l-imgħax huwa dak li tħallas għas-self tiegħek. Meta tpoġġi l-flus tiegħek f’kont tat-tfaddil, l-imgħax huwa d-dħul li tirċievi għat-tfaddil tiegħek mill-bank.
Ir-rati tal-imgħax jindikaw din l-ispiża jew dħul bħala perċentwali tal-ammont li tkun qed tissellef jew tislef (billi int qed “issellef” it-tfaddil tiegħek lill-bank).
L-ekonomisti jagħżlu bejn rati tal-imgħax “nominali” u “reali”, iżda x’inhi d-differenza bejn it-tnejn u għaliex hija importanti?
Ir-rati tal-imgħax nominali
Ir-rata tal-imgħax nominali hija r-rata li attwalment tkun miftiehma u li titħallas. Pereżempju, din hija r-rata li jħallas sid ta’ dar fuq l-ipoteka li jkollu fuqha jew id-dħul li jieħu min ifaddal fuq il-flus li jiddepożita. Min jissellef iħallas ir-rata nominali filwaqt li min iġemma’ jirċeviha.
Ir-rati tal-imgħax reali
Mhuwiex biss il-ħlas nominali li huwa importanti kemm għal min jissellef kif ukoll għal min ifaddal, iżda wkoll kemm jista’ jixtri prodotti, servizzi u affarijiet oħra b’dawn il-flus. L-ekonomisti jsejħu dan il-poter ta’ xiri tal-flus. Ġeneralment jonqos maż-żmien hekk kif jiżdiedu l-prezzijiet minħabba l-inflazzjoni. Meta titqies l-inflazzjoni turi l-ispiża reali tas-self u d-dħul reali fuq it-tfaddil. Dan huwa kif jiġi kkalkulat:
Rata tal-imgħax reali = r-rata tal-imgħax nominali - l-inflazzjoni
Din kif taħdem fil-prattika? Dan huwa eżempju
Wieħed li jfaddal li jiddepożita €1,000 f’kont għal sena jista’ jkollu rata tal-imgħax nominali ta’ 2.5% u b’hekk jirċievi €1,025 fi żmien sena. Madankollu, jekk il-prezzijiet jogħlew bi 3%, dak li jkun ikollu bżonn €1,030 biex jixtri l-istess prodotti jew servizzi li sena qabel kienu jiswewh €1,000. Dan ifisser li d-dħul reali attwalment ikun ta’ -0.5%. Din hija r-rata tal-imgħax reali u tiġi kalkulata billi tnaqqas ir-rata tal-inflazzjoni (3%) mir-rata tal-imgħax nominali (2.5%).
Żvilupp ta’ rati tal-imgħax nominali u reali fiż-żona tal-euro
Ir-rata tal-imgħax reali tvarja skont ir-rata nominali u r-rata tal-inflazzjoni. Pereżempju, fil-bidu tas-snin 80 minkejja li r-rata medja tal-imgħax nominali fiż-żona tal-euro kienet għolja, l-inflazzjoni kienet għolja wkoll. Bħala riżultat, ir-rata tal-imgħax reali medja kienet baxxa. Il-grafika hawn taħt turi l-iżvilupp tar-rati tal-imgħax nominali u reali medji fuq depożiti bankarji għal żmien qasir f’pajjiżi taż-żona tal-euro u r-rata tal-inflazzjoni mill-1981.
Noti: il-perċentwali - Sors: Stimi tal-Eurostat, BĊE, NCB, BĊE
TRID TKUN TAF AKTAR?
AQRA F’IKTAR DETTALL HAWNHEKK