Għażliet għat-Tiftix
Home Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika monetarja L-euro Pagamenti u swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
  • STQARRIJA INTRODUTTORJA

KONFERENZA STAMPA

Christine Lagarde, President tal-BĊE,
Luis de Guindos, Viċi President tal-BĊE,
Frankfurt am Main, 10 ta’ Settembru 2020

Sinjuri, hu pjaċir kbir tal-Viċi President u tiegħi nilqgħukom għal din il-konferenza stampa. Issa se ngħidulkom x’ħareġ mil-laqgħa tal-lum tal-Kunsill Governattiv, fejn kien preżenti wkoll il-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni, is-Sur Dombrovskis.

Id-dejta li daħlet mill-aħħar laqgħa tal-politika monetarja tagħna f’Lulju tissuġġerixxi rpiljar qawwi fl-attività b’mod ġenerali skont l-aspettattivi preċedenti, għalkemm il-livell ta’ attività jibqa’ taħt il-livelli sew li kien hemm qabel il-pandemija tal-koronavirus (COVID-19). Filwaqt li l-attività fis-settur tal-manifattura baqgħet titjieb, ir-ritmu fis-settur tas-servizzi naqas xi ftit reċentement. Is-saħħa tal-irkupru tibqa’ mdawra b’inċertezza sinifikanti, peress li tkompli tiddependi ħafna fuq l-evoluzzjoni futura tal-pandemija u s-suċċess tal-politiki ta’ trażżin. Id-domanda domestika taż-żona tal-euro rreġistrat irkupru sinifikanti minn livelli baxxi, għalkemm inċertezza għolja dwar il-prospetti ekonomiċi tkompli tkun ta’ impatt fuq l-infiq tal-konsumatur u l-investiment fin-negozju. L-inflazzjoni totali qed tittaffa minn prezzijiet baxxi tal-enerġija u pressjonijiet dgħajfa fil-prezzijiet fil-kuntest ta’ domanda mrażżna u tnaqqis sinifikanti fis-suq tax-xogħol.

F’dan l-isfond, għad hemm bżonn ta’ stimolu monetarju wiesa’ biex jappoġġja l-irkupru ekonomiku u biex tkun issalvagwardjata l-istabbiltà tal-prezzijiet għal żmien medju. Għaldaqstant, iddeċidejna li nikkonfermaw mill-ġdid il-pożizzjoni akkomodattiva tal-politika monetarja tagħna.

Iddeċidejna li nżommu r-rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE kif kienu. Aħna nistennew li dawn jibqgħu fil-livelli attwali tagħhom jew f’livelli iżjed baxxi sakemm naraw li l-prospetti tal-inflazzjoni jkunu konverġenti b’mod ċar ma’ livell li jkun qrib biżżejjed, iżda taħt, it-2% fil-perijodu tat-tbassir tagħna, u li din il-konverġenza tkun ġiet riflessa b’mod konsistenti fid-dinamika tal-inflazzjoni sottostanti.

Se nkomplu x-xiri tagħna taħt il-programm ta’ xiri tal-emerġenza pandemika (PEPP) b’pakkett totali ta’ €1,350 biljun. Dan ix-xiri jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-pożizzjoni ġenerali tal-politika monetarja u b’hekk jgħin biex jiġi kkumpensat l-impatt ’l isfel tal-pandemija fit-triq tal-inflazzjoni mbassra. Ix-xiri se jibqa’ jsir b’mod flessibbli tul iż-żmien, fil-klassijiet kollha tal-assi u fost il-ġurisdizzjonijiet kollha. Dan jippermettilna nilqgħu b’mod effettiv għar-riskji għat-trażmissjoni bla xkiel tal-politika monetarja. Aħna ser inwettqu x-xiri nett ta’ assi taħt il-PEPP sa mill-inqas sal-aħħar ta’ Ġunju 2021 u, fi kwalunkwe każ, sakemm il-Kunsill Governattiv iqis li l-fażi ta’ kriżi tal-koronavirus intemmet. Aħna se nerġgħu ninvestu l-ħlasijiet prinċipali mit-titoli li jimmaturaw mixtrija taħt il-PEPP sa mill-inqas l-aħħar tal-2022. Fi kwalunkwe każ, it-tnedija futura tal-portafoll tal-PEPP se tkun amministrata biex tevita interferenza mal-pożizzjoni xierqa tal-politika monetarja.

Xiri nett taħt il-programm tagħna tax-xiri ta’ assi (APP) se jibqa’ jsir kull xahar f’ammont ta’ €20 biljun, flimkien max-xiri taħt il-pakkett temporanju addizzjonali ta’ €120 biljun sal-aħħar tas-sena. Aħna nibqgħu nistennew li x-xiri nett ta’ kull xahar, ta’ assi taħt l-APP jibqa’ jsir sakemm ikun meħtieġ biex jissaħħaħ l-impatt tal-akkomodament tar-rati tal-politika tagħna, u li jintemm ftit qabel nibdew ngħollu r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE. Aħna fiħsiebna nkomplu ninvestu mill-ġdid, għalkollox, il-ħlasijiet prinċipali minn titoli li jimmaturaw mixtrija taħt l-APP għal perjodu estiż ta’ żmien wara d-data meta nibdew ngħollu r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE, u fi kwalunkwe każ sakemm ikun meħtieġ biex jinżammu kundizzjonijiet ta’ likwidità favorevoli u grad wiesa’ ta’ akkomodament monetarju.

Ser inkomplu nipprovdu wkoll likwidità wiesgħa permezz tal-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tagħna. B’mod partikolari, l-aħħar operazzjoni fit-tielet sensiela ta’ operazzjonijiet immirati ta’ rifinanzjament fuq żmien itwal (TLTRO III) irreġistrat adozzjoni għolja ħafna ta’ fondi, li tappoġġa s-self bankarju lil impriżi u unitajiet domestiċi.

Il-miżuri tal-politika monetarja li ħadna sa minn kmieni f’Marzu qed jipprovdu appoġġ kruċjali biex jirfed l-irkupru tal-ekonomija taż-żona tal-euro u biex tiġi ssalvagwardjata l-istabbiltà tal-prezzijiet għal żmien medju. B’mod partikolari, dawn jappoġġjaw il-kundizzjonijiet ta’ likwidità u finanzjament fl-ekonomija, jgħinu biex isostnu l-fluss ta’ kreditu għal unitajiet domestiċi u impriżi, u jikkontribwixxu għaż-żamma ta’ kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli għas-setturi u l-ġurisdizzjonijiet kollha. Fl-istess ħin, fl-ambjent attwali ta’ inċertezza għolja, il-Kunsill Governattiv se jivvaluta bir-reqqa l-informazzjoni li tidħol, inklużi l-iżviluppi fir-rata tal-kambju, fir-rigward tal-implikazzjonijiet tiegħu għall-prospetti ta’ inflazzjoni fuq terminu medju. Huwa jibqa’ dejjem lest biex jaġġusta l-istrumenti kollha tiegħu, kif xieraq, biex jiżgura li l-inflazzjoni tersaq lejn l-għan tiegħu b’mod sostnut, skont l-impenn tiegħu għas-simetrija.

Issa se nispjega l-valutazzjoni tagħna f’iżjed dettall, u nibda bl-analiżi ekonomika. Il-PDG reali taż-żona tal-euro żdied b’11.8% fuq bażi trimestrali, kemm fl-ewwel kif ukoll fit-tieni trimestru tal-2020. Id-dejta u r-riżultati tal-istħarriġ li deħlin jindikaw irkupru kontinwu tal-ekonomija taż-żona tal-euro u jindikaw irpiljar qawwi fit-tkabbir tal-PDG fit-tielet trimestru. Flimkien ma’ rpiljar sinifikanti fil-produzzjoni industrijali u tas-servizzi, hemm sinjali ta’ rkupru notevoli fil-konsum. Riċentement, ir-ritmu naqas fis-settur tas-servizzi meta mqabbel mas-settur tal-manifattura, li jidher ukoll fir-riżultati tal-istħarriġ għal Awwissu. Iż-żidiet fir-rati ta’ infezzjoni tal-koronavirus matul ix-xhur tas-sajf jikkostitwixxu element sfavorevoli għall-prospetti għal żmien qasir. B’ħarsa ’l quddiem, irkupru sostnut ulterjuri jibqa’ jiddependi ħafna fuq l-evoluzzjoni tal-pandemija u s-suċċess tal-politiki ta’ trażżin. Filwaqt li l-inċertezza relatata mal-evoluzzjoni tal-pandemija x’aktarx tnaqqas il-qawwa tal-irkupru fis-suq tax-xogħol u fil-konsum u l-investiment, l-ekonomija taż-żona tal-euro għandha tkun appoġġata minn kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli, pożizzjoni fiskali espansiva u tisħiħ fl-attività u d-domanda globali .

Din il-valutazzjoni hi ġeneralment riflessa fit-tbassir makroekonomiku tal-persunal tal-BĊE għaż-żona tal-euro ta’ Settembru 2020. Dan it-tbassir jipprevedi żieda annwali tal-PDG reali ta’ -8.0% fl-2020, 5.0% fl-2021 u 3.2% fl-2022. Meta titqabbel mat-tbassir makroekonomiku ta’ Ġunju 2020 li sar mill-persunal tal-BĊE, il-prospettiva għat-tkabbir tal-PDG reali ġiet riveduta ’l fuq għall-2020 u tibqa’ ġeneralment l-istess għall-2021 u l-2022.

Minħabba l-inċertezza eċċezzjonali li hemm bħalissa madwar il-prospetti, il-projezzjonijiet jinkludu żewġ xenarji alternattivi, li aħna se nippubblikaw fuq il-websajt tagħna wara din il-konferenza stampa. Inġenerali, huwa kkunsidrat li l-bilanċ tar-riskji fil-prospetti tat-tkabbir taż-żona tal-euro jibqgħu negattivi. Din il-valutazzjoni tirrifletti fil-biċċa l-kbira l-implikazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji tal-pandemija li għadhom inċerti.

Skont il-kalkolu preliminari tal-Eurostat, l-inflazzjoni HICP annwali fiż-żona tal-euro naqset għal -0.2% f’Awwissu 2020, wara li kienet 0.4% f’Lulju. Fuq il-bażi tal-prezzijiet kurrenti u futuri għaż-żejt u wara li jitqies it-tnaqqis temporanju fir-rata tal-VAT Ġermaniża, l-inflazzjoni totali x’aktarx tibqa’ negattiva fix-xhur li ġejjin qabel ma ssir pożittiva għal darba oħra kmieni fl-2021. Barra minn hekk, fi żmien qasir il-pressjonijiet tal-prezzijiet se jibqgħu mrażżna minħabba domanda dgħajfa, pressjonijiet tal-pagi aktar baxxi u l-apprezzament tar-rata tal-kambju tal-euro, minkejja xi pressjonijiet ’il fuq tal-prezzijiet relatati mar-restrizzjonijiet tal-provvista. Fuq medda medja ta’ żmien, irkupru fid-domanda, appoġġjat minn politiki monetarji u fiskali akkomodattivi, se jpoġġi pressjoni ’l fuq fuq l-inflazzjoni. Indikaturi bbażati fuq is-suq ta’ aspettattivi ta’ inflazzjoni fuq żmien itwal reġgħu lura għal-livelli ta’ qabel il-pandemija tagħhom, iżda xorta jibqgħu mrażżna ħafna, filwaqt li miżuri bbażati fuq stħarriġ jibqgħu f’livelli baxxi.

Din il-valutazzjoni hi riflessa wkoll b’mod ġenerali fit-tbassir makroekonomiku tal-persunal tal-BĊE ta’ Settembru 2020 għaż-żona tal-euro, li jipprevedi inflazzjoni annwali ta’ 0.3% fl-2020, 1.0% fl-2021 u 1.3% fl-2022. Meta titqabbel mat-tbassir makroekonomiku ta’ Ġunju 2020 li sar mill-persunal tal-BĊE, il-prospettiva għall-inflazzjoni għall-2020 tibqa’ l-istess, ġiet irriveduta ’l fuq għall-2021 u tibqa’ l-istess għall-2022. Il-projezzjoni mhux mibdula għall-inflazzjoni fl-2022 taħbi reviżjoni ’l fuq għall-inflazzjoni minbarra l-enerġija u l-ikel – li parzjalment tirrifletti l-impatt pożittiv tal-miżuri tal-politika monetarja u fiskali – li kienet ikkumpensata fil-biċċa l-kbira mir-rotta riveduta tal-prezzijiet tal-enerġija.

Dwar l-analiżi monetarja: it-tkabbir tal-aggregat monetarju wiesa’ (M3) kompla jiżdied għal 10.2% f’Lulju 2020, minn 9.2% f’Ġunju. Tkabbir qawwi tal-flus jirrifletti l-ħolqien ta’ kreditu domestiku u x-xiri kontinwu ta’ assi mill-Eurosistema, kif ukoll kunsiderazzjonijiet ta’ prekawzjoni li jrawmu preferenza akbar għal-likwidità fis-settur li għandu l-flus. F’dan l-ambjent, l-aggregat monetarju ristrett M1, li jinkludi l-aktar forom monetarji likwidi, għadu l-akbar kontributur għat-tkabbir monetarju wiesa’.

L-iżviluppi fis-self lis-settur privat baqgħu jiġu influwenzati mill-impatt tal-koronavirus fuq l-attività ekonomika. Wara żidiet qawwija fix-xhur bikrin tal-pandemija, ir-rata ta’ tkabbir annwali ta’ self lil korporazzjonijiet mhux finanzjarji baqgħet ġeneralment stabbli f'Lulju, u kienet ta’ 7.0%, meta mqabbla mas-7.1% f’Ġunju. Rati għoljin ta’ tkabbir ta’ self korporattiv ikomplu jirriflettu ħtiġijiet ta’ likwidità elevati tal-impriżi biex jiffinanzjaw l-infiq kontinwu tagħhom u l-kapital tax-xogħol u biex ikomplu jibnu bafers ta’ likwidità, għalkemm l-irkupru fl-attività ekonomika rriżulta f’xi titjib fid-dħul tagħhom. Ir-rata ta’ tkabbir annwali ta’ self lill-unitajiet domestiċi wkoll baqgħet stabbli bi 3.0% f’Lulju – l-istess rata kif osservata minn April 2020. It-tkabbir fis-self lis-settur privat ikompli jibbenefika minn rati storikament baxxi ta’ self bankarju.

Inġenerali, il-miżuri tal-politika tagħna, flimkien mal-miżuri adottati mill-gvernijiet nazzjonali u l-istituzzjonijiet Ewropej ser ikomplu jappoġġaw aċċess għall-finanzjament, inkluż għal dawk l-iktar affettwati mir-ramifikazzjonijiet tal-pandemija.

Fil-qosor, kontroverifika tar-riżultat tal-analiżi ekonomika mal-indikazzjonijiet li joħorġu mill-analiżi monetarja kkonfermat li għadu meħtieġ livell abbondanti ta’ akkomodament monetarju għall-konverġenza robusta tal-inflazzjoni ma’ livelli li jkunu taħt, iżda qrib it-2% fuq żmien medju.

Fir-rigward tal-politika fiskali, pożizzjoni fiskali ambizzjuża u koordinata tibqa’ kruċjali, minħabba l-kontrazzjoni qawwija fl-ekonomija taż-żona tal-euro. Miżuri fiskali meħuda bħala reazzjoni għall-emerġenza pandemika għandhom, kemm jista’ jkun, ikunu mmirati u ta’ natura temporanja. It-tliet xbieki tas-sigurtà approvati mill-Kunsill Ewropew għall-ħaddiema, in-negozji u s-sovrani, li jammontaw għal total ta’ €540 biljun, jipprovdu appoġġ ta’ finanzjament importanti f’dan il-kuntest. Il-Kunsill Governattiv jilqa’ bi pjaċir kbir il-pakkett Next Generation EU ta’ €750 biljun li għandu l-potenzjal li jappoġġa b’mod sinjifikanti r-reġjuni u s-setturi li ntlaqtu l-iktar mill-pandemija, għat-tisħiħ tas-Suq Uniku u għall-bini ta’ rkupru dejjiemi u għani.

Sabiex jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu, il-pakkett għandu jkun imsejjes sewwa f’politiki strutturali sodi mfassla u implimentati fil-livell nazzjonali. Politiki strutturali mfassla tajjeb jistgħu jikkontribwixxu għal irkupru aktar mgħaġġel, aktar b’saħħtu u aktar uniformi mill-kriżi, u b’hekk jappoġġjaw l-effikaċja tal-politika monetarja fiż-żona tal-euro. Politiki strutturali mmirati huma partikolarment importanti biex jagħtu ħajja ġdida lill-ekonomiji tagħna, b’enfasi fuq l-għoti ta’ spinta lill-investiment f’oqsma ta’ prijorità bħalma huma t-tranżizzjonijiet ħodor u diġitali.

Issa ninsabu lesti biex inwieġbu l-mistoqsijiet tagħkom.

Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.