KONFERENZA STAMPA

Mario Draghi, President tal-BĊE,
Vítor Constâncio, Viċi President tal-BĊE,
Frankfurt am Main, 25 ta’ Jannar 2018

STQARRIJA INTRODUTTORJA

Sinjuri, nibda billi nixtiqilkom is-Sena t-Tajba. Hu l-pjaċir tal-Viċi President u tiegħi nilqgħukom għal din il-konferenza stampa. Issa se ngħidulkom x'ħareġ mil-laqgħa tal-lum tal-Kunsill Governattiv, fejn kien preżenti wkoll il-Viċi President tal-Kummissjoni, Is-Sur Dombrovskis.

Wara l-analiżi regolari tagħna tas-sitwazzjoni ekonomika u monetarja, ħadna d-deċiżjoni li nżommu r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE kif kienu. Għadna naħsbu li dawn jibqgħu fil-livelli attwali għal perijodu estiż ta’ żmien, u lil hinn sew mill-perijodu tal-akkwist nett ta’ assi min-naħa tagħna.

Għal dawk li huma miżuri straordinarji tal-politika monetarja, nikkonfermaw li l-akkwist nett ta' assi, fl-ammont attwali ta' €30 biljun kull xahar hu maħsub li jibqa’ jsir sal-aħħar ta’ Settembru 2018, jew wara, jekk ikun meħtieġ, u f’kull każ sakemm il-Kunsill Governattiv jara aġġustament sostnut fix-xejra tal-inflazzjoni li jkun konsistenti mal-għan tiegħu fir-rigward tal-inflazzjoni. Jekk il-prospettiva ssir inqas favorevoli jew jekk il-kundizzjonijiet finanzjarji ma jibqgħux konsistenti mal-progress lejn aġġustament sostnut fix-xejra tal-inflazzjoni, ninsabu lesti nkabbru l-programm tal-akkwist ta’ assi (APP) f'termini ta' daqs u/jew ta' tul ta’ żmien. L-Eurosistema se terġa’ tinvesti l-pagamenti ewlenin mit-titoli li mmaturaw u li kienu nxtraw taħt l-APP għal perijodu estiż wara li jintemm ix-xiri nett ta’ assi, u f’kull każ, sakemm dan ikun meħtieġ. Dan se jgħin kemm biex ikun hemm kundizzjonijiet ta’ likwidità favorevoli kif ukoll biex l-orjentament tal-politika monetarja jkun wieħed xieraq.

It-tagħrif li qed jasal jikkonferma ritmu qawwi ta' espansjoni ekonomika, li żiedet ir-ritmu aktar milli kien mistenni fit-tieni sitt xhur tal-2017. Ir-ritmu ċikliku qawwi, it-tnaqqis kontinwu ta' staġnar ekonomiku u ż-żieda fl-utilizzazzjoni tal-kapaċità produttiva jkomplu jsaħħu iżjed il-fiduċja tagħna li l-inflazzjoni se toqrob l-għan tagħna għal inflazzjoni taħt, iżda qrib 2%. Fl-istess ħin, il-pressjonijiet tal-prezzijiet domestiċi għadhom ġeneralment dgħajfa u għad iridu jagħtu sinjali konvinċenti ta' xejra sostnuta ta' tkabbir. Fuq dan l-isfond, il-volatilità reċenti fir-rata tal-kambju tirrappreżenta sors ta' inċertezza li teħtieġ sorveljanza minħabba l-implikazzjonijiet potenzjali tagħha għall-prospettiva tal-istabbiltà tal-prezzijiet fuq żmien medju. B'mod ġenerali, għad jinħtieġ livell sostanzjali ferm ta’ stimolu monetarju biex il-pressjonijiet tal-inflazzjoni bażi jkomplu jikbru u jsostnu l-iżviluppi tal-inflazzjoni ġenerali għal żmien medju. Dan is-sostenn monetarju kontinwu jiġi pprovdut permezz tax-xiri nett ta' assi, l-istokk konsiderevoli ta' assi akkwistati u l-investiment mill-ġdid li se jsir, u l-indikazzjonijiet tagħna għall-ġejjieni dwar ir-rati tal-imgħax.

Issa se nispjega l-evalwazzjoni tagħna b’iżjed reqqa, u nibda bl-analiżi ekonomika. Il-PDG reali żdied b’0.7% fuq bażi trimestrali fit-tielet trimestru tal-2017, wara tkabbir simili fit-tieni trimestru. L-aħħar dejta ekonomika u r-riżultati tal-istħarriġ jindikaw ritmu ta' tkabbir kontinwu, qawwi u mifrux mal-bidu tas-sena l-ġdida. Il-miżuri tal-politika monetarja tagħna li ffaċilitaw il-proċess ta' deleveraging għadhom qed isostnu d-domanda domestika. Il-konsum privat hu sostnut minn żieda fl-impjieg, li qed jibbenefika wkoll mir-riformi tal-imgħoddi fis-suq tax-xogħol, u mill-ġid tal-individwi li qed jiżdied. L-investiment tan-negozju qed ikompli jissaħħaħ bħala riżultat ta' kundizzjonijiet ta' finanzjament favorevoli ħafna, żieda fil-profitabilità korporattiva u domanda dejjem iżjed qawwija. L-investiment fid-djar kompla jiżdied f'dawn l-aħħar trimestri. Barra dan, l-espansjoni globali mifruxa qed tagħti spinta lill-esportazzjoni taż-żona tal-euro.

Ir-riskji għall-perspettiva ta' tkabbir fiż-żona tal-euro huma stmati bħala ġeneralment ibbilanċjati. Min-naħa l-waħda, ir-ritmu ċikliku qawwi prevalenti jista' jwassal għal aktar sorpriżi pożittivi ta' tkabbir fuq żmien qasir. Min-naħa l-oħra, għad hemm riskji ta' tnaqqis relatati primarjament ma' fatturi globali, inklużi żviluppi fis-swieq tal-kambju barrani.

L-inflazzjoni HICP annwali taż-żona tal-euro kienet 1.4% f’Diċembru 2017, jiġifieri naqset mill-1.5% ta' Novembru. Dan irrifletta l-iżjed l-iżviluppi fil-prezzijiet tal-enerġija. Għall-futur, abbażi tal-prezzijiet attwali tal-kuntratti future taż-żejt, ir-rati annwali tal-inflazzjoni ġenerali x'aktarx li jkunu bejn wieħed u ieħor fil-livelli attwali għax-xhur li ġejjin. Min-naħa tagħhom, il-miżuri tal-inflazzjoni ġenerali għadhom imrażżna – parzjalment minħabba fatturi speċjali – u għad iridu jagħtu sinjali konvinċenti ta' xejra sostnuta ta' tkabbir. Madankollu, ħarsa 'l quddiem turi li dawn mistennija jiżdiedu gradwalment fuq żmien medju, sostnuti mill-miżuri tagħna għall-politika monetarja, l-espansjoni ekonomika kontinwa, l-assorbiment korrispondenti tal-istaġnar ekonomiku u t-tkabbir fil-pagi.

Dwar l-analiżi monetarja, l-aggregat monetarju wiesa’ (M3) għadu qed jespandi b'ritmu qawwi, b'rata annwali ta' tkabbir ta' 4.9% f'Novembru 2017, wara li kienet 5.0% f'Ottubru, u dan jirrifletti l-impatt tal-miżuri tal-politika monetarja tal-BĊE u l-ispiża baxxa meta jinżammu l-iżjed depożiti likwidi. Għalhekk, l-aggregat monetarju ristrett M1 baqa' l-kontributur ewlieni għat-tkabbir monetarju wiesa’, b'rata annwali ta' espansjoni ta' 9.1% f'Novembru, wara li kienet 9.4% f'Ottubru.

L-irkupru fit-tkabbir tas-self lis-settur privat osservat sa mill-bidu tal-2014 għadu għaddej. Ir-rata annwali tat-tkabbir fis-self lil korporazzjonijiet mhux finanzjarji żdiedet għal 3.1% f'Novembru 2017, wara li kienet 2.9% f'Ottubru, waqt li r-rata annwali tat-tkabbir fis-self lill-individwi kienet ta' 2.8% f'Novembru, imqabbla ma' 2.7% f'Ottubru. L-istħarriġ dwar is-self bankarju fiż-żona tal-euro għar-raba' trimestru tal-2017 jindika li t-tkabbir fis-self għadu sostnut minn domanda dejjem tikber u minn kundizzjonijiet ġenerali inqas stretti għas-self.

It-trażmissjoni tal-miżuri tal-politika monetarja li ħadna minn Ġunju 2014 ’l hawn għadha qed issostni b’mod sinifikanti l-kundizzjonijiet tas-self lill-intrapriżi u lill-individwi, l-aċċess għall-finanzjament ‒ b'mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju ‒ u l-flussi ta’ kreditu fiż-żona tal-euro kollha.

Fil-qosor, kontroverifika tal-konklużjonijiet tal-analiżi ekonomika mal-indikazzjonijiet ġejjin mill-analiżi monetarja kkonfermat il-ħtieġa li jinżamm livell sostanzjali ta’ akkomodament monetarju biex jiġi żgurat li r-rati tal-inflazzjoni jerġgħu lura b’mod sostnut għal livelli li jkunu taħt, iżda qrib, it-2%.

Biex jitgawdew il-benefiċċji kollha li jirriżultaw mill-miżuri tal-politika monetarja li ħadna, oqsma oħra ta’ politika għandhom jikkontribwixxu b’mod deċiżiv biex isaħħu l-potenzjal ta' tkabbir fuq żmien twil u jnaqqsu l-vulnerabbiltajiet. L-implimentazzjoni ta' riformi strutturali fil-pajjiżi taż-żona tal-euro jeħtieġ li titħaffef b’mod sostanzjali biex tiżdied il-kapaċità ta' rkupru mill-iskossi, jonqos il-qgħad strutturali u tingħata spinta lill-produttività u l-potenzjal ta' tkabbir taż-żona tal-euro. Dwar il-politika fiskali, l-espansjoni li dejjem qed titqawwa u tinfirex issaħħaħ il-każ għal bini mill-ġdid ta' bafers fiskali. Dan hu partikolarment importanti f'pajjiżi fejn id-dejn tal-gvern għadu għoli. Il-pajjiżi kollha jistgħu jgawdu minn sforzi aqwa biex jiksbu kompożizzjoni tal-finanzi pubbliċi li tiffavorixxi t-tkabbir. Implimentazzjoni sħiħa, trasparenti u konsistenti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u tal-proċedura tal-iżbilanċ makroekonomiku maż-żmien u fil-pajjiżi kollha għadha essenzjali biex issaħħaħ il-kapaċità ta' rkupru mill-iskossi fl-ekonomija taż-żona tal-euro. It-tisħiħ tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja għadu prijorità. Il-Kunsill Governattiv jilqa' d-diskussjonijiet li għaddejjin dwar il-kompletar tal-unjoni bankarja u l-unjoni tas-swieq tal-kapital, u dwar aktar tisħiħ tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja.

Issa ninsabu lesti biex inwieġbu l-mistoqsijiet tagħkom.

Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.

Kuntatti midja