KONFERENZA STAMPA
Mario Draghi, President tal-BĊE,
Vítor Constâncio, Viċi President tal-BĊE,
Frankfurt am Main, 20 ta' Lulju 2017
Sinjuri, hu l-pjaċir tal-Viċi President u tiegħi nilqgħukhom għal din il-konferenza stampa. Issa se ngħidulkom x'ħareġ mil-laqgħa tal-lum tal-Kunsill Governattiv, fejn kien preżenti wkoll il-Viċi President tal-Kummissjoni, Is-Sur Dombrovskis.
Wara l-analiżi regolari tagħna tas-sitwazzjoni ekonomika u monetarja, ħadna d-deċiżjoni li nżommu r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE kif inhuma. Nistennew li jibqgħu fil-livelli attwali għal perjodu estiż ta’ żmien, u lil hinn sew mill-perjodu tal-akkwist nett ta’ assi min-naħa tagħna. Għal dawk li huma miżuri straordinarji tal-politika monetarja, nikkonfermaw li l-akkwist nett ta' assi, fl-ammont attwali ta' kull xahar ta’ €60 biljun huwa maħsub li jibqa’ jsir sal-aħħar ta’ Diċembru 2017 jew wara, jekk ikun meħtieġ, u f’kull każ sakemm il-Kunsill Governattiv jara aġġustament sostnut fix-xejra tal-inflazzjoni li jkun konsistenti mal-għan tiegħu fir-rigward tal-inflazzjoni. L-akkwisti netti jsiru flimkien mal-investiment mill-ġdid tal-pagamenti prinċipali minn titoli li jimmaturaw u li jkunu nxtraw fil-programm tax-xiri ta' assi.
Il-miżuri li ħadna fil-politika monetarja baqgħu jiżguraw il-kundizzjonijiet ta’ finanzjament tassew favorevoli li jinħtieġu biex jibqa' jsir progress għal konverġenza sostnuta tar-rati tal-inflazzjoni għal livelli taħt, iżda qrib, it-2% għal żmien medju. It-tagħrif li qed jasal jikkonferma li l-espansjoni ekonomika fiż-żona tal-euro baqgħet tiżdied, u dan kompla jinfirex fis-setturi u r-reġjuni kollha. Ir-riskji għal din il-perspettiva ta' tkabbir huma ġeneralment ibbilanċjati.
Waqt li l-espansjoni ekonomika kontinwa tipprovdi fiduċja li l-inflazzjoni se tersaq ftit ftit lejn livelli li huma konformi mal-għan tagħna, din għad trid twassal għal dinamika iżjed qawwija fl-inflazzjoni. L-inflazzjoni ġenerali hi mrażżna mid-dgħjufija tal-prezzijiet tal-enerġija. Barra dan, il-miżuri tal-inflazzjoni bażi għadhom ġeneralment f'livelli mrażżna. Għalhekk, għad jinħtieġ livell sostanzjali ferm ta’ akkomodament monetarju biex il-pressjonijiet tal-inflazzjoni bażi jkomplu jikbru u jsostnu l-inflazzjoni ġenerali għal żmien medju. Jekk il-prospettiva ssir inqas favorevoli jew jekk il-kundizzjonijiet finanzjarji ma jibqgħux konsistenti mal-progress lejn aġġustament sostnut fix-xejra tal-inflazzjoni, ninsabu lesti nkabbru l-programm tal-akkwist ta’ assi f'termini ta' daqs u/jew ta' tul ta’ żmien.
Issa se nispjega l-evalwazzjoni tagħna b’iżjed reqqa, u nibda bl-analiżi ekonomika. Fl-ewwel trimestru tal-2017, il-PDG reali fiż-żona tal-euro żdied b’0.6% fuq bażi trimestrali, wara li kien żdied b’0.5% fl-aħħar trimestru tal-2016. It-tagħrif li qed jasal, l-iżjed ir-riżultati tal-istħarriġ, ikompli jindika tkabbir sod u wiesa' fil-perjodu li ġej. It-trażmissjoni tal-miżuri li ħadna fil-politika monetarja qiegħda ssostni d-domanda domestika u ffaċilitat il-proċess ta’ deleveraging. L-irkupru fl-investiment qiegħed ikompli jgawdi mill-kundizzjonijiet tassew favorevoli tal-finanzjament u t-titjib fil-profitabilità korporattiva. Il-konsum privat hu sostnut minn żieda fl-impjiegi, li qegħdin jibbenefikaw ukoll mir-riformi tal-imgħoddi fis-suq tax-xogħol, u mill-ġid tal-individwi li qed jiżdied. Barra minn hekk, l-irkupru globali għandu jkompli jsostni l-kummerċ u l-esportazzjoni taż-żona tal-euro. Madankollu, il-prospetti tat-tkabbir ekonomiku għadhom imrażżna mir-ritmu kajman tal-implimentazzjoni tar-riformi strutturali, b'mod partikolari fis-swieq tal-prodotti, u mill-ħtiġijiet ta’ aġġustament li għad irid isir fil-karti tal-bilanċ f’għadd ta’ setturi, minkejja t-titjib kontinwu.
Ir-riskji għall-perspettiva ta' tkabbir fiż-żona tal-euro huma ġeneralment ibbilanċjati. Min-naħa l-oħra, ir-ritmu ċikliku pożittiv attwali jżid il-possibiltajiet ta' titjib ekonomiku iżjed qawwi milli kien mistenni. Min-naħa l-oħra, għad hemm riskji relatati primarjament ma' fatturi globali.
L-inflazzjoni annwali taż-żona tal-euro kienet ta' 1.3% f'Ġunju, tnaqqis żgħir minn 1.4% f'Mejju, l-iżjed minħabba inflazzjoni iżjed baxxa fil-prezzijiet tal-enerġija. Għall-futur, abbażi tal-prezzijiet attwali tal-kuntratti future taż-żejt, l-inflazzjoni ġenerali x'aktarx li tibqa' bejn wieħed u ieħor fil-livelli attwali għax-xhur li ġejjin. Fl-istess ħin, il-miżuri tal-inflazzjoni bażi għadhom baxxi u għad iridu jagħtu indikazzjonijiet konvinċenti ta' rkupru, waqt li l-pressjonijiet fuq il-prezzijiet domestiċi, inkluż it-tkabbir tal-pagi, għadhom imrażżna. L-inflazzjoni bażi fiż-żona tal-euro hi mistennija togħla gradwalment fi żmien medju, sostnuta bil-miżuri tagħna tal-politika monetarja, l-espansjoni ekonomika kontinwa u l-assorbiment gradwali korrispondenti tan-nuqqas ta’ attività ekonomika.
Għal dik li hija l-analiżi monetarja, l-aggregat monetarju wiesa’ (M3) għadu qed jespandi b’ritmu qawwi, b’rata annwali ta’ tkabbir ta’ 5.0% f’Mejju 2017, wara 4.9% f’April. Bħal fix-xhur ta’ qabel, it-tkabbir annwali fl-M3 kien sostnut l-aktar mill-iżjed komponenti likwidi tiegħu, bl-aggregat monetarju ristrett (M1) jespandi b’rata annwali ta’ 9.3% f’Mejju 2017, bħalma kien f’April.
L-irkupru fit-tkabbir tas-self lis-settur privat osservat sa mill-bidu tal-2014 għadu għaddej. Ir-rata ta' tkabbir annwali tas-self lil korporazzjonijiet mhux finanzjarji baqgħet stabbli fil-livell ta' 2.4% f'Mejju 2017, waqt li r-rata ta' tkabbir annwali tas-self lill-individwi żdied għal 2.6%, minn 2.4% f'April. L-istħarriġ dwar is-self bankarju fiż-żona tal-euro għat-tieni trimestru tal-2017 jindika li baqgħu jittaffew l-istandards tal-kreditu għas-self lill-intrapriżi u s-self lill-individwi għax-xiri ta' djar, u li t-tkabbir tas-self għadu sostnut minn domanda li dejjem qed tiżdied. It-trażmissjoni tal-miżuri tal-politika monetarja li ħadna minn Ġunju 2014 ’l hawn għadha qed issostni b’mod sinifikanti l-kundizzjonijiet tas-self għall-kumpaniji u l-individwi u l-flussi ta’ kreditu fiż-żona tal-euro kollha.
Fil-qosor, kontroverifika tal-konklużjonijiet tal-analiżi ekonomika mal-indikazzjonijiet ġejjin mill-analiżi monetarja kkonfermat il-ħtieġa li jinżamm livell sostanzjali ferm ta’ akkomodament monetarju biex jiġi żgurat li r-rati tal-inflazzjoni jerġgħu lura b’mod sostnut għal livelli li jkunu taħt, iżda qrib, it-2%.
Biex jitgawdew il-benefiċċji kollha li jirriżultaw mill-miżuri tal-politika monetarja li ħadna, oqsma oħra ta’ politika għandhom jikkontribwixxu b’mod deċiżiv biex isaħħu l-potenzjal ta' tkabbir fuq żmien twil u jnaqqsu l-vulnerabbiltajiet. L-implimentazzjoni ta' riformi strutturali jeħtieġ li titħaffef b’mod sostanzjali biex tiżdied il-kapaċità ta' rkupru mill-iskossi, jonqos il-qgħad strutturali u tingħata spinta lit-tkabbir tal-produttività. Għal dik li hija politika fiskali, il-pajjiżi kollha jistgħu jgawdu minn sforzi aqwa biex jaslu għal kompożizzjoni tal-finanzi pubbliċi li tiffavorixxi t-tkabbir. Implimentazzjoni sħiħa, trasparenti u konsistenti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u tal-proċedura tal-iżbilanċi makroekonomiċi maż-żmien u fil-pajjiżi kollha għadha essenzjali biex issaħħaħ il-kapaċità ta' rkupru mill-iskossi fl-ekonomija taż-żona tal-euro.
Issa ninsabu lesti biex inwieġbu l-mistoqsijiet tagħkom.
Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja