- Mil-lum 722 membru tal-istaff bdew jaħdmu fil-bini l-ġdid
- L-ewwel fażi tar-rilokazzjoni tlestiet b’suċċess fi tmiem il-ġimgħa – fażijiet oħra se jsegwu fil-ġimgħat li ġejjin
Wara li ntemmet b’suċċess l-ewwel fażi tar-rilokazzjoni fi tmiem il-ġimgħa, 722 impjegat issa marru fil-bini l-ġdid tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) fid-distrett ta’ Ostend, Frankfurt am Main, u qegħdin jaħdmu mill-uffiċċji ġodda tagħhom fit-torri u fil-parti magħrufa bħala l-Grossmarkthalle tal-bini l-ġdid.
Fil-ġimgħat li ġejjin, membri oħra tal-istaff ukoll se jiċċaqalqu mill-bini attwali tagħhom fiċ-ċentru tal-belt għall-kwartieri moderni u sostenibbli li nbnew biex jaqdu r-rekwiżiti speċifiċi tal-BĊE. Il-BĊE beda l-proġett fl-1998 bit-tfittxija għal sit xieraq fi Frankfurt am Main. Din it-tfittxija ntemmet billi l-BĊE xtara s-sit tal-Grossmarkthalle u b’hekk daħal għall-impenn li jikkonserva dan il-bini skedat. L-għan tad-disinn tad-ditta ta’ arkitetti COOP HIMMELB(L)AU, li taħdem minn Vjenna, kien li jinħoloq ensemble uniku bejn il-ġdid u l-qadim. L-istorja saret parti mill-BĊE billi s-sala ewlenija tal-pitkalija l-qadima tal-belt inbidlet u ġiet inkorporata fid-disinn, biex żdiedet l-uniċità ta’ dan il-bini karatteristiku fid-distrett ta’ Ostend fi Frankfurt am Main.
Huwa mistenni li r-rilokazzjoni tintemm sal-aħħar ta’ Novembru.
Aktar informazzjoni dwar il-bini l-ġdid tal-BĊE tinsab hawn www.main-frankfurter-osten.de.
Għal tagħrif ieħor, tista’ ċċempel lil Andrea Jürges (+49 69 1344 8334).