STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Informazzjoni ta’ kull sentejn dwar il-falsifikazzjoni ta’ l-ewro

22 ta' Lulju 2004

Fl-ewwel sitt xhur ta’ l-2004, ġie rtirat miċ-ċirkolazzjoni total ta’ 307,223 karta ta’ l-ewro falza. Din il-figura hija ta’ l-istess daqs ta’ l-ammont li ġie rtirat fl-aħħar sitt xhur ta’ l-2003 li kien ta’ kważi ta’ 312,000.

L-analiżi ta’ dawn il-falsifikazzjonijiet skond id-denominazzjoni hija kif ġej:

€5 €10 €20 €50 €100 €200 €500 Total
Kwantità 3,258 7,955 86,671 133,921 65,393 8,889 1,136 307,223
Persentaġġ skond id-denominazzjoni 1.0 2.6 28.2 43.6 21.3 2.9 0.4 100%

Wieħed irid jara dawn il-figuri fil-perspettiva tan-numru ta’ karti tal-flus ġenwini fiċ-ċirkolazzjoni (madwar disa’ biljuni). Wieħed jista’ jitqarraq meta jqabbel dawn il-figuri ta’ flus foloz għall-ewro ma’ dawk ta’ muniti oħra, minħabba li muniti oħra għandhom (jew kellhom) valuri, tendenzi ta’ ċirkolazzjoni u volum ta’ użu differenti. Issa li l-karti tal-flus ta’ l-ewro ilhom fiċ-ċirkolazzjoni għal aktar minn sentejn, it-tqabbil storiku huwa ħafna aktar relevanti.

Il-pubbliku għandu jkollu fiduċja fil-kwalità tal-karti tal-flus ta’ l-ewro u fil-karatteristiċi ta’ sigurtà tagħhom. Madankollu, il-BĊE jkompli javża lill-pubbliku biex joqgħod attent għall-possibiltà li jirċievi karta tal-flus falza. Il-maġġoranza l-kbira tal-karti tal-flus ta’ l-ewro foloz jiddistingwu ruħhom faċilment minn dawk ġenwini billi jintuża t-test ĦOSS-ĦARES-MEJJEL spjegat fil-materjal ta’ informazzjoni ta’ l-Eurosistema.[1] Anki falsifikazzjonijiet magħmula tajjeb jistgħu jinkixfu billi wieħed japplika dan il-metodu b’attenzjoni. F’każ ta’ dubju, karta tal-flus suspettuża għandha titqabbel ma’ karta tal-flus li wieħed jaf li hi ġenwina.

L-Eurosistema tikkoopera mill-viċin ħafna ma’ l-Ewropol, l-Interpol, il-Kummissjoni Ewropea u mal-forzi tal-pulizija nazzjonali fil-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni tal-flus. Kull persuna li tirċievi karta tal-flus falza hija mitluba li tagħtiha lill-pulizija lokali u li tagħti kull dettall possibbli dwar l-origini tagħha.



[1] Jekk jogħġbok żur http://www.ecb.europa.eu/euro/banknotes/security/recognise/html/index.mt.html għal spjegazzjoni ta’ dan it-test.

Kuntatti midja