Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (flimkien mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)
Marzu 2026
20 ta' Marzu 2026
Il-politika monetarja
Konformità tal-banek ċentrali mal-projbizzjonijiet ta’ finanzjament monetarju u għal aċċess privileġġat
Fit-18 ta’ Marzu 2026, skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jassenja lill-BĊE l-kompitu tas-sorveljanza tal-konformità tal-banek ċentrali tal-UE mal-projbizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 123 u 124 tat-TFUE u r-Regolamenti relatati, il-Kunsill Governattiv approva r-rapport ta’ monitoraġġ li jkopri s-sena 2025. Aktar informazzjoni dwar dan se tkun disponibbli f’taqsima speċifika tar-Rapport Annwali tal-BĊE 2025 li se jiġi ppubblikat fis-sit web tal-BĊE fl-4 ta’ Mejju 2026.
Infrastrutturi tas-suq u pagamenti
Il-Pjan direzzjonali Appia għall-finanzi tokenizzati tal-Ewropa
Fil-11 ta’ Marzu 2026, wara l-approvazzjoni tal-Kunsill Governattiv, il-BĊE ppubblika pjan direzzjonali Appia li jipprovdi informazzjoni komprensiva dwar l-inizjattiva, inklużi l-objettivi, l-iskeda ta’ żmien u l-metodoloġija tagħha, u jistieden lill-partijiet ikkonċernati jipprovdu feedback u jipproponu modi kif jistgħu jikkontribwixxu b’mod attiv għal din l-inizjattiva. Stqarrija għall-istampa relatata, flimkien mal-materjal relatat mal-konsultazzjoni pubblika biex jinġabar dan il-feedback li jintemm fit-22 ta’ April 2026, hija disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE. Biex infakkru, Appia hija inizjattiva strateġika biex issawwar l-iżvilupp ta’ ekosistema finanzjarja tokenizzata Ewropea li fiha l-flus tal-bank ċentrali għad għandhom rwol ċentrali. Se tlaqqa’ flimkien l-Eurosistema kif ukoll il-partijiet ikkonċernati tas-settur pubbliku u privat, bil-għan li jinbnew swieq finanzjarji bl-ingrossa integrati, innovattivi u reżiljenti fl-Ewropa.
Parir dwar il-leġiżlazzjoni
Opinjoni tal-BĊE dwar setgħat superviżorji prudenzjali fir-rigward tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu
Fis-26 ta’ Frar 2026, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2026/7 fuq inizjattiva proprja.
Opinjoni tal-BĊE dwar setgħat ta’ emerġenza
Fid-9 ta’ Marzu 2026, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2026/8 wara talba mill-Ministeru għall-Ġustizzja tal-Finlandja.
Opinjoni tal-BĊE dwar regolament propost fir-rigward tas-simplifikazzjoni tal-qafas leġiżlattiv diġitali (Omnibus Diġitali)
Fl-10 ta’ Marzu 2026, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2026/9 wara talba tal-Parlament Ewropew. L-Opinjoni se tiġi ppubblikata fuq EUR-Lex meta jasal il-waqt.
Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal regolament fir-rigward tas-simplifikazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ regoli armonizzati dwar l-intelliġenza artifiċjali
Fit-13 ta’ Marzu 2026, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2026/10 fuq inizjattiva proprja. L-Opinjoni se tiġi ppubblikata fuq EUR-Lex meta jasal il-waqt.
Governanza korporattiva
Rakkomandazzjoni tal-BĊE dwar l-awdituri esterni ta’ Българска народна банка (Bank Nazzjonali Bulgaru)
Fit-18 ta’ Marzu 2026, il-Kunsill Governattiv adotta Rakkomandazzjoni BĊE/2026/xx lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni ta’ Българска народна банка (Bank Nazzjonali Bulgaru). Ir-Rakkomandazzjoni se tiġi ppubblikata meta jasal il-waqt fuq EUR-Lex.
Ħatra ta' membru tal-Kumitat tal-Etika tal-BĊE
Fit-18 ta' Marzu 2026 il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jaħtar lil Věra Jourová, eks Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Valuri u t-Trasparenza, bħala membru tal-Kumitat tal-Etika għal mandat inizjali ta' 3 snin li jibda fl-1 ta' Mejju 2026. Is-Sinjura Jourová se tieħu post Virginia R. Canter. F’konformità mar-regoli interni tal-Kummissjoni Ewropea għall-attivitajiet ta’ wara l-mandat, is-Sinjura Jourová kisbet l-approvazzjoni biex tassumi dan ir-rwol għall-BĊE, jekk il-Kunsill Governattiv jiddeċiedi hekk.
Superviżjoni Bankarja tal-BĊE
Rapport Annwali tal-BĊE dwar l-attivitajiet superviżorji 2025
Fit-3 ta’ Marzu 2026, il-Kunsill Governattiv approva r-Rapport Annwali tal-BĊE dwar l-attivitajiet superviżorji 2025 u awtorizza l-pubblikazzjoni u t-trażmissjoni tiegħu lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, lill-Eurogrupp, lill-Kummissjoni Ewropea u lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri parteċipanti. Ir-rapport ġie ppubblikat fuq is-sit web tas-superviżjoni bankarja fit-18 ta’ Marzu 2026. Dan ġie ppreżentat lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament Ewropew mill-President tal-Bord Superviżorju dakinhar stess.
Deċiżjoni tal-BĊE fuq l-ammont totali ta' tariffi superviżorji annwali għall-2025
Fil-5 ta’ Marzu 2026, il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2026/7 dwar l-ammont totali ta’ tariffi superviżorji annwali għall-2025.
Konformità mal-Linji Gwida tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) dwar l-analiżi tax-xenarju ambjentali
Fis-6 ta’ Marzu 2026, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord ta' Sorveljanza biex jinnotifika lill-EBA li, għall-istituzzjonijiet sinifikanti taħt is-superviżjoni diretta tiegħu, il-BĊE biħsiebu jikkonforma sal-1 ta’ Jannar 2027 mal-Linji Gwida dwar l-analiżi tax-xenarju ambjentali (EBA/GL/2025/04). Dawn il-Linji Gwida tal-EBA jikkomplementaw il-Linji Gwida tal-EBA dwar il-ġestjoni tar-riskji Ambjentali, Soċjali u ta’ Governanza billi jispeċifikaw l-aspettattivi superviżorji rigward kif l-istituzzjonijiet għandhom iwettqu analiżi tax-xenarji ambjentali.
Penali amministrattiva imposta fuq bank wieħed taż-żona tal-euro
Fl-10 ta’ Marzu 2026, il-BĊE ħabbar li kien impona penali amministrattiva ta’ €2,260,000 fuq Nordea Finance Finland Ltd talli rrapportat b’mod żbaljat l-akbar skoperturi tagħha u kisret il-limitu ta’ skoperturi kbar. Stqarrija għall-istampa relatata hija disponibbli fis-sit web tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja