X’inhu kollateral?

2 ta' Novembru 2016

Fi kliem ħafif, il-kollateral huwa oġġett ta’ valur li min jislef jista’ jaqbad mingħand min jissellef jekk dan ma jħallasx is-self lura skont il-kundizzjonijiet miftehmin. Eżempju komuni huwa dak li jiġri meta toħroġ self b’ipoteka (mortgage) biex tixtri dar. Normalment, il-bank jitolbok id-dar tiegħek bħala kollateral, jiġifieri bħala garanzija jew sigurtà. Dan ifisser li jekk ma tirrispettax il-kundizzjonijiet biex tħallas is-self b’ipoteka lura, il-bank ikollu l-jedd li jsir sid ta’ darek. Il-bank imbagħad ikun jista’ jbigħ darek biex jiġbor il-flus li jkun silfek. Il-kollateral iservi ta’ garanzija biex min jislef jieħu lura l-ammont li jkun silef, anki jekk min jissellef ma jroddx is-self kif miftiehem.

Il-banek ċentrali wkoll jitolbu kollateral meta jisilfu?

Iva, il-banek ċentrali jitolbu kollateral meta jisilfu għaliex telf ipotetiku minn self jista’ jikkomprometti r-reputazzjoni u l-indipendenza tagħhom. Meta l-banek kummerċjali jippruvaw jiksbu finanzjament mill-BĊE u mid-19-il bank ċentrali nazzjonali li flimkien jagħmlu l-Eurosistema, iridu jintrabtu b’kollateral. L-Eurosistema tippubblika lista ta’ x’taċċetta bħala kollateral, u dawn huma magħrufin bħala assi eliġibbli. Dawn l-assi jistgħu jkunu bonds jew titoli oħra b’terminu qasir li jistgħu jiġu negozjati fis-swieq. Għalkemm ma jinsabux fil-lista, hemm assi oħra li normalment ma jiġux negozjati, bħas-self lis-settur mhux finanzjarju, iżda li jistgħu jitqiesu eliġibbli biex jintużaw bħala kollateral meta bank jissellef mill-Eurosistema. Il-banek ċentrali nazzjonali huma responsabbli biex jiddeċiedu liema assi jitqiesu eliġibbli, skont il-qafas tal-kollateral tal-Eurosistema.