Stqarrija introduttorja għall-konferenza stampa
Mario Draghi, President tal-BĊE,
Vítor Constâncio, Viċi President tal-BĊE,
Frankfurt am Main, 3 ta’ Settembru 2015
Sinjuri, hu l-pjaċir tal-Viċi President u tiegħi nilqgħukom għal din il-konferenza stampa. Se nagħtukom rapport dwar il-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-lum tal-Kunsill Governattiv. Bħas-soltu, se nibda bid-deċiżjonijiet li ħadna.
Wara l-analiżi regolari tagħna tas-sitwazzjoni ekonomika u monetarja, u skont l-indikazzjonijiet tagħna għall-ġejjieni, il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jżomm ir- rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE kif kienu.
Il-programm tagħna ta’ xiri ta’ assi għadu miexi bla xkiel. Għal dawk li huma miżuri straordinarji tal-politika monetarja, wara li saret ir-reviżjoni mħabbra tal-ewwel sitt xhur dwar il-limitu tal-ħruġ ta’ ishma fil-programm ta’ xiri mis-settur pubbliku, il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jżid il-limitu tal-ħruġ ta’ ishma minn dak inizjali ta’ 25% għal 33%, suġġett għal verifika każ b’każ biex ma tinħoloqx sitwazzjoni fejn l-Eurosistema jkollha setgħa minoritarja li timblokka. F’dan il-każ il-limitu tal-ħruġ ta’ ishma jibqa’ ta’ 25%.
L-evalwazzjoni tal-politika monetarja tagħna saret abbażi ta’ reviżjoni ta’ dejta reċenti, tbassir makroekonomiku ġdid tal-esperti tagħna u valutazzjoni interim tal-varjazzjonijiet reċenti fis-swieq. It-tagħrif disponibbli jindika rkupru ekonomiku kontinwu għalkemm xi ftit dgħajjef u żieda aktar fjakka fir-rati tal-inflazzjoni, imqabbla mal-aspettattivi inizjali. Aktar reċentement, reġgħu feġġew riskji ġodda b’xejra ta’ tnaqqis għall-prospettiva tat-tkabbir u l-inflazzjoni. Madankollu, minħabba varjazzjonijiet qawwija fis-swieq finanzjarji u tal-prodotti essenzjali, il-Kunsill Governattiv qatagħha li kien kmieni wisq biex jasal għal konklużjoni dwar jekk dawn l-iżviluppi jistgħux ikollhom impatt fit-tul fuq il-prospettiva tal-prezzijiet u fuq il-mogħdija sostenibbli tal-inflazzjoni lejn l-għan tagħna għal żmien medju, jew jekk għandhomx jitqiesu fil-biċċa l-kbira bħala tranżitorji.
Għalhekk, il-Kunsill Governattiv se josserva mill-qrib it-tagħrif rilevanti kollu li dieħel. Il-Kunsill jisħaq fuq ir-rieda u l-kapaċità tiegħu li jaġixxi, jekk ikun ġustifikat, billi juża l-istrumenti kollha disponibbli fi ħdan il-mandat tiegħu u, b’mod partikolari, ifakkar li l-programm ta’ xiri ta’ assi jipprovdi biżżejjed flessibbiltà għall-aġġustament tad-daqs, il-kompożizzjoni u t-tul tal-programm.
Sadanittant, se nimplimentaw bis-sħiħ ix-xiri ta’ b’kemm jiswew €60 biljun f’assi kull xahar. Dan ix-xiri għandu impatt favorevoli fuq il-kost u d-disponibbiltà ta’ kreditu għall-kumpaniji u l-individwi. Ix-xiri huwa ppjanat li jibqa’ jsir sal-aħħar ta’ Settembru 2016 jew anki wara, u fi kwalunkwe każ sakemm naraw aġġustament sostnut fix-xejra tal-inflazzjoni li jkun konsistenti mal-għan tagħna li r-rati tal-inflazzjoni jkunu taħt iżda qrib 2% għal żmien medju.
Issa se nispjega l-evalwazzjoni tagħna tat-tagħrif li għandna f’idejna b’aktar reqqa, u nibda bl- analiżi ekonomika. Il-PDG reali fiż-żona tal-euro żdied b’0.3% fit-tieni kwart tal-2015, li kien kemxejn iktar baxx minn dak mistenni. L-indikaturi mill-aħħar stħarriġ juru li r-ritmu tat-tkabbir tal-PDG reali se jibqa’ bejn wieħed u ieħor l-istess fit-tieni nofs ta’ din is-sena. Kollox ma’ kollox, nistennew li l-irkupru ekonomiku jkompli, għalkemm b’ritmu xi ftit aktar dgħajjef minn dak mistenni, u dan jirrifletti b’mod partikolari l-istaġnar fl-ekonomiji tas-swieq emerġenti, li qiegħed jolqot ħażin it-tkabbir globali u d-domanda barranija għall-esportazzjoni taż-żona tal-euro. Id-domanda domestika għandha tkompli tiġi sostnuta bil-miżuri tal-politika monetarja li ħadna u bl-impatt favorevoli tagħhom fuq il-kundizzjonijiet finanzjarji, kif ukoll bil-progress li sar fil-konsolidament fiskali u r-riformi strutturali. Barra minn hekk, it-tnaqqis fil-prezzijiet taż-żejt għandu jipprovdi sostenn għad-dħul disponibbli reali tal-individwi u l-profitabilità tal-kumpaniji u, għalhekk, għall-konsum privat u l-investiment. Madankollu, it-tkabbir ekonomiku fiż-żona tal-euro x’aktarx li se jkompli jitrażżan bl-aġġustamenti meħtieġa fil-karti tal-bilanċ f’għadd ta’ setturi u mir-ritmu kajman tal-implimentazzjoni tar-riformi strutturali.
Din l-evalwazzjoni hija riflessa b’mod ġenerali wkoll fit-tbassir makroekonomiku tal-BĊE għaż-żona tal-euro ta’ Settembru 2015, li jipprevedi li l-PDG reali annwali se jiżdied b’1.4% fl-2015, b’1.7% fl-2016 u b’1.8% fl-2017. Imqabbla mat-tbassir makroekonomiku tal-Eurosistema ta’ Ġunju 2015, il-prospettiva għat-tkabbir tal-PDG reali ġiet riveduta bi tnaqqis, l-aktar minħabba d-domanda esterna aktar baxxa b’riżultat ta’ tkabbir aktar dgħajjef fis-swieq emerġenti.
Ir-riskji għall-prospettiva tat-tkabbir fiż-żona tal-euro għad għandhom xejra ta’ tnaqqis, u dan jirrifletti b’mod partikolari ż-żieda fl-inċertezzi relatati mal-ambjent estern. B’mod partikolari, l-iżviluppi attwali fl-ekonomiji tas-swieq emerġenti għandhom il-potenzjal li jkomplu jolqtu ħażin it-tkabbir globali permezz tal-effetti fuq il-kummerċ u l-fiduċja.
Skont il-kalkolu preliminari tal-Eurostat, l-inflazzjoni annwali tal-HICP fiż-żona tal-euro kienet 0.2% f’Awwissu 2015, l-istess bħalma kienet f’Ġunju u Lulju. Imqabbel max-xahar ta’ qabel, dan jirrifletti aktar tnaqqis fl-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-enerġija, ikkumpensat minn żidiet ogħla fil-prezzijiet tal-ikel u l-prodotti industrijali. Skont it-tagħrif disponibbli u l-prezzijiet attwali tal-kuntratti ta’ xiri ta’ żejt fil-ġejjieni, ir-rati tal-inflazzjoni annwali tal-HICP se jibqgħu baxxi ħafna fiż-żmien li ġej. L-inflazzjoni annwali tal-HICP hija mistennija togħla għall-aħħar tas-sena, anki minħabba l-effetti ta’ bażi marbutin mat-tnaqqis fil-prezzijiet taż-żejt lejn tmiem l-2014. Ir-rati tal-inflazzjoni huma previsti li jkomplu jogħlew matul l-2016 u l-2017, sostnuti mill-irkupru ekonomiku mistenni, l-impatt tat-tnaqqis fl-imgħoddi fir-rata tal-kambju tal-euro u l-ipotesi ta’ prezzijiet taż-żejt xi ftit ogħla fis-snin li ġejjin kif riflessi attwalment fis-swieq tal-kuntratti taż-żejt għall-ġejjieni. Madankollu, din iż-żieda fir-rati tal-inflazzjoni annwali bħalissa hija mistennija sseħħ xi ftit aktar bil-mod minn dak li kien maħsub s’issa.
Din l-evalwazzjoni hija riflessa b’mod ġenerali wkoll fit-tbassir makroekonomiku tal-BĊE għaż-żona tal-euro ta’ Settembru 2015, li jipprevedi inflazzjoni annwali tal-HICP ta’ 0.1% fl-2015, 1.1% fl-2016 u 1.7% fl-2017. Meta titqabbel mat-tbassir ekonomiku tal-Eurosistema ta’ Ġunju 2015, il-prospettiva għall-inflazzjoni tal-HICP ġiet riveduta bi tnaqqis, l-aktar minħabba l-prezzijiet aktar baxxi taż-żejt. Meta wieħed iqis l-iżviluppi ta’ dan l-aħħar fil-prezzijiet taż-żejt u r-rati tal-kambju reċenti, hemm riskji b’xejra ta’ tnaqqis għat-tbassir ta’ Settembru dwar l-inflazzjoni.
F’dan ir-rigward, il-Kunsill Governattiv se josserva mill-qrib ir-riskji għall-prospettiva tal-iżviluppi fil-prezzijiet għal żmien medju. Se niffukaw b’mod partikolari fuq l-impatt tal-miżuri tal-politika monetarja li ħadna, kif ukoll fuq l-iżviluppi globali ekonomiċi, finanzjarji, fil-prezzijiet tal-prodotti essenzjali u r-rati tal-kambju.
Għal dik li hija l- analiżi monetarja, id-dejta reċenti tikkonferma tkabbir robust fl-aggregat monetarju wiesa’ (M3). Ir-rata tat-tkabbir annwali tal-M3 kienet 5.3% f’Lulju 2015, imqabbla ma’ 4.9% f’Ġunju. It-tkabbir annwali fl-M3 kulma jmur qiegħed ikompli jiġi sostnut mill-komponenti l-aktar likwidi tiegħu, bl-aggregat monetarju ristrett M1 jikber b’rata annwali ta’ 12.1% f’Lulju, imqabbla ma’ 11.7% f’Ġunju.
L-iżviluppi fis-self komplew jitjiebu. Ir-rata annwali ta’ bidla fis-self lill-korporazzjonijiet mhux finanzjarji (aġġustata għall-bejgħ tas-self u l-assigurazzjoni b’assi eżistenti) żdiedet għal 0.9% f’Lulju, żieda minn 0.2% f’Ġunju, u kompliet bl-irkupru gradwali mill-bidu tal-2014. Minkejja dan it-titjib, l-iżviluppi fis-self lill-korporazzjonijiet mhux finanzjarji għadhom imrażżnin u jkomplu jirriflettu r-relazzjoni staġnata maċ-ċiklu tan-negozju, ir-riskju tal-kreditu, fatturi marbutin mal-provvista tal-kreditu u l-aġġustament kontinwu tal-karti tal-bilanċ tas-settur finanzjarju u s-settur mhux finanzjarju. Ir-rata tat-tkabbir annwali tas-self lill-individwi (aġġustata għall-bejgħ tas-self u l-assigurazzjoni b’assi eżistenti) żdiedet għal 1.9% f’Lulju 2015, wara li kienet 1.7% f’Ġunju. B’mod ġenerali, il-miżuri tal-politika monetarja li ħadna minn Ġunju 2014 ’l hawn jipprovdu sostenn ċar għal titjib kemm fil-kundizzjonijiet tas-self għall-kumpaniji u l-individwi kif ukoll fil-flussi tal-kreditu fiż-żona tal-euro kollha.
Fil-qosor, kontroverifika tar-riżultati tal-analiżi ekonomika mal-indikazzjonijiet li joħorġu mill-analiżi monetarja turi l-ħtieġa li jiġu implimentati b’mod deċiż id-deċiżjonijiet tal-politika monetarja tal-Kunsill Governattiv u li jiġi osservat mill-qrib it-tagħrif kollu rilevanti li jidħol fir-rigward tal-impatt tagħhom fuq il-prospettiva ta’ żmien medju għall-istabbiltà tal-prezzijiet.
Il-politika monetarja hija ffukata biex iżżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet għal żmien medju u x-xejra akkomodanti tagħha tgħin fis-sostenn tal-attività ekonomika. Madankollu, sabiex naħsdu l-benefiċċji kollha tal-miżuri tal-politika monetarja li ħadna, oqsma oħra tal-politika jridu jikkontribwixxu b’mod deċiżiv. Minħabba li l-qgħad strutturali għadu għoli u t-tkabbir potenzjali tal-produzzjoni għadu baxx, l-irkupru ċikliku li għaddej għandu jiġi sostnut b’ politika strutturali effettiva. Aktar riformi fis-swieq tal-prodotti u x-xogħol, u b’mod partikolari azzjonijiet li jtejbu l-klima tan-negozju, fosthom infrastruttura pubblika adegwata, huma importanti ferm biex jiżdied l-investiment produttiv, tingħata spinta lill-ħolqien tal-impjiegi u tikber il-produttività. L-implimentazzjoni mgħaġġla u effikaċi ta’ dawn ir-riformi fi klima ta’ politika monetarja akkomodanti mhijiex se twassal biss għal tkabbir ekonomiku sostenibbli ogħla fiż-żona tal-euro iżda se tkabbar ukoll l-aspettattivi ta’ dħul permanenti ogħla u taċċellera l-benefiċċji tar-riformi, biex hekk iż-żona tal-euro tkun iżjed kapaċi tilqa’ għax-xokkijiet globali. Il- politika fiskali għandha ssostni l-irkupru ekonomiku filwaqt li tibqa’ konformi mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. L-implimentazzjoni sħiħa u konsistenti tal-Patt hija kruċjali għall-fiduċja fil-qafas fiskali tagħna.
Issa ninsabu lesti biex inwieġbu l-mistoqsijiet tagħkom.
Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja