- STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA
Deċiżjonijiet tal-politika monetarja
23 ta’ Lulju 2026
Il-Kunsill Governattiv illum iddeċieda li jżomm it-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE mhux mibdula. Il-prospettiva għall-prezzijiet tal-enerġija, filwaqt li hija volatili ħafna, bħalissa tinsab qrib il-linja bażi tal-projezzjonijiet ta’ Ġunju tal-persunal tal-Eurosistema u ferm ogħla mil-livelli rreġistrati qabel il-kunflitt fil-Lvant Nofsani. L-inċertezza tibqa’ għolja u l-impatt inflazzjonarju sħiħ tax-xokk tal-enerġija għad irid jiżvolġi. Il-Kunsill Governattiv għalhekk qed jimmonitorja mill-qrib l-intensità u d-durata tax-xokk, kif ukoll l-effetti indiretti tiegħu u tat-tieni fażi. Il-Kunsill Governattiv huwa impenjat li jiffissa l-politika monetarja biex jiżgura li l-inflazzjoni tistabbilizza fil-mira tiegħu ta’ 2% fit-terminu medju.
Bid-deċiżjoni tal-lum, il-Kunsill Governattiv jibqa’ f’pożizzjoni tajba li jinnaviga l-inċertezza kkawżata mill-kunflitt. Se jsegwi approċċ ibbażat fuq id-data u laqgħa b’laqgħa sabiex jiddetermina l-pożizzjoni tal-politika monetarja xierqa. B’mod partikolari, id-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv dwar ir-rati tal-imgħax se jkunu bbażati fuq il-valutazzjoni tiegħu tal-prospettiva tal-inflazzjoni u r-riskji ta’ madwarha, fid-dawl tad-data ekonomika u finanzjarja li tidħol, kif ukoll id-dinamiċi tal-inflazzjoni prinċipali, u s-saħħa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. Il-Kunsill Governattiv mhuwiex qed jimpenja ruħu minn qabel għal xi direzzjoni partikolari għar-rati.
Rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE
Ir-rati tal-imgħax fuq il-faċilità tad-depożitu, l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament u l-faċilità ta’ self marġinali jibqgħu l-istess fil-livelli attwali tagħhom ta’ 2.25%, 2.40% u 2.65% rispettivament.
Il-programm ta' xiri ta' assi (APP) u l-programm ta’ xiri għall-emerġenza (PEPP)
Il-portafolli tal-APP u tal-PEPP qed jonqsu b’ritmu meqjus u prevedibbli, billi l-Eurosistema ma għadhiex tinvesti mill-ġdid il-pagamenti prinċipali mit-titoli li jimmaturaw.
***
Il-Kunsill Governattiv huwa lest sabiex jaġġusta l-istrumenti kollha tiegħu fi ħdan il-mandat tiegħu sabiex jiżgura li l-inflazzjoni tistabbilizza fil-mira tiegħu ta’ 2 % fuq perjodu ta’ żmien medju u li jippreserva l-funzjonament bla xkiel tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. Barra minn hekk, l-Istrument ta’ Protezzjoni tat-Trasmissjoni huwa disponibbli sabiex jiġġieled dinamiċi tas-suq mhux mixtieqa u fixkiela li joħolqu theddida serja għat-trasmissjoni tal-politika monetarja fost il-pajjiżi taż-żona tal-euro kollha, biex b’hekk jippermetti lill-Kunsill Governattiv jwettaq b’mod aktar effettiv il-mandat tiegħu tal-istabbiltà tal-prezzijiet.
Il-President tal-BĊE se tikkummenta dwar il-kunsiderazzjonijiet li wasslu għal dawn id-deċiżjonijiet f’konferenza stampa li tibda llum fit-14:45.
Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja