- STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA
Deċiżjonijiet tal-politika monetarja
18 ta’ Diċembru 2025
Il-Kunsill Governattiv illum iddeċieda li jżomm it-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE mhux mibdula. Il-valutazzjoni aġġornata tiegħu tikkonferma mill-ġdid li l-inflazzjoni għandha tistabbilizza fil-mira ta’ 2% fuq perjodu ta’ żmien medju.
It-tbassir il-ġdid tal-persunal tal-Eurosistema juri inflazzjoni ewlenija li bħala medja hija 2.1% fl-2025 u 1.9% fl-2026, 1.8% fl-2027 u 2.0% fl-2028. Għall-inflazzjoni bl-esklużjoni tal-enerġija u l-ikel, il-persunal ibassar medja ta’ 2.4% fl-2025, 2.2% fl-2026, 1.9% fl-2027 u 2.0% fl-2028. L-inflazzjoni ġiet riveduta ’l fuq għall-2026, prinċipalment minħabba li l-persunal issa qed jistenna li l-inflazzjoni fis-servizzi tonqos aktar bil-mod. It-tkabbir ekonomiku huwa mistenni li jkun iktar b’saħħtu mit-tbassir ta’ Settembru, xprunat b’mod speċjali mid-domanda domestika. It-tkabbir ġie rivedut ’l fuq għal 1.4% fl-2025, 1.2% fl-2026 u 1.4% fl-2027 u huwa mistenni li jibqa’ fil-livell ta’ 1.4% fl-2028.
Il-Kunsill Governattiv huwa ddeterminat li jiżgura li l-inflazzjoni tistabbilizza ruħha fil-mira tagħha ta’ 2% fuq perjodu ta’ żmien medju. Se jsegwi approċċ ibbażat fuq id-data u laqgħa b’laqgħa sabiex jiddetermina l-pożizzjoni tal-politika monetarja xierqa. B’mod partikolari, id-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv dwar ir-rati tal-imgħax se jkunu bbażati fuq il-valutazzjoni tiegħu tal-prospettiva tal-inflazzjoni u r-riskji ta’ madwarha, fid-dawl tad-data ekonomika u finanzjarja li tidħol, kif ukoll id-dinamiċi tal-inflazzjoni prinċipali, u s-saħħa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. Il-Kunsill Governattiv mhuwiex qed jimpenja ruħu minn qabel f’xi direzzjoni partikolari għar-rati.
Rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE
Ir-rati tal-imgħax fuq il-faċilità tad-depożitu, l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament u l-faċilità ta’ self marġinali jibqgħu l-istess fil-livelli attwali tagħhom ta’ 2.00%, 2.15% u 2.40% rispettivament.
Il-programm ta' xiri ta' assi (APP) u l-programm ta’ xiri għall-emerġenza (PEPP)
Il-portafolli tal-APP u tal-PEPP qed jonqsu b’ritmu meqjus u prevedibbli, billi l-Eurosistema ma għadhiex tinvesti mill-ġdid il-pagamenti tal-kapital kollha mit-titoli li jimmaturaw.
***
Il-Kunsill Governattiv huwa lest sabiex jaġġusta l-istrumenti kollha tiegħu fi ħdan il-mandat tiegħu sabiex jiżgura li l-inflazzjoni tistabbilizza fil-mira tagħha ta’ 2 % fuq perjodu ta’ żmien medju u li jippreserva l-funzjonament bla xkiel tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. Barra minn hekk, l-Istrument ta’ Protezzjoni tat-Trasmissjoni huwa disponibbli sabiex jikkontobatti dinamiċi tas-suq mhux mixtieqa u fixkiela li joħolqu theddida serja għat-trasmissjoni tal-politika monetarja fost il-pajjiż taż-żona tal-euro kollha, b’hekk jippermetti lill-Kunsill Governattiv jasal għal riżultati effettivi għall-mandat tiegħu tal-istabbiltà tal-prezzijiet.
Il-President tal-BĊE se tagħti l-fehmiet tagħha fuq ir-raġunijiet li wasslu għal dawn id-deċiżjonijiet f’konferenza stampa li tibda fit-14:45 CET illum.
Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja