Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
  • STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Deċiżjonijiet tal-politika monetarja

16 ta’ Diċembru 2021

Il-Kunsill Governattiv iqis li l-progress dwar l-irkupru ekonomiku u lejn il-mira tal-inflazzjoni fuq żmien medju jippermetti tnaqqis pass pass fil-pass tax-xiri tal-assi tiegħu matul it-trimestri li ġejjin. Iżda l-akkomodament monetarju għadu meħtieġ għall-inflazzjoni biex tistabbilizza fil-mira tal-inflazzjoni ta' 2% fuq żmien medju. Fid-dawl tal-inċertezza attwali, il-Kunsill Governattiv jeħtieġ li jżomm flessibilità u l-għażla fit-tmexxija tal-politika monetarja. Il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjonijiet li ġejjin:

Programm ta’ xiri tal-emerġenza pandemika (PEPP)

Fl-ewwel trimestru tal-2022, il-Kunsill Governattiv jistenna li jwettaq xiri nett ta' assi taħt il-programm ta’ xiri tal-emerġenza pandemika (PEPP) b'pass aktar baxx milli fit-trimestru preċedenti. Se jwaqqaf ix-xiri nett ta’ assi taħt il-PEPP fl-aħħar ta’ Marzu 2022.

Il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jestendi l-orizzont tal-investiment mill-ġdid għall-PEPP. Issa fiħsiebu jinvesti mill-ġdid il-ħlasijiet prinċipali mit-titoli li jimmaturaw mixtrija taħt il-PEPP sa mill-anqas l-aħħar tal-2024. Fi kwalunkwe każ, it-tnedija futura tal-portafoll tal-PEPP se tkun amministrata biex tevita interferenza mal-pożizzjoni xierqa tal-politika monetarja.

Il-pandemija wriet li, taħt kundizzjonijiet ta’ stress, il-flessibilità fid-disinn u t-tmexxija tax-xiri ta’ assi għenet kontra t-trażmissjoni mdgħajfa tal-politika monetarja u għamlet sforzi biex jintlaħaq l-għan tal-Kunsill Governattiv b’mod aktar effettiv. Fil-mandat tagħna, taħt kundizzjonijiet ta’ stress, il-flessibilità se tibqa’ element ta' politika monetarja kull meta theddid għat-trażmissjoni tal-politika monetarja jipperikola l-kisba tal-istabbiltà tal-prezzijiet. B'mod partikolari, fil-każ ta’ frammentazzjoni mġedda tas-suq relatata mal-pandemija, investimenti mill-ġdid tal-PEPP jistgħu jiġu aġġustati b'mod flessibbli matul iż-żmien, il-klassijiet ta' assi u l-ġurisdizzjonijiet fi kwalunkwe żmien. Dan jista’ jinkludi x-xiri ta’ bonds maħruġa mir-Repubblika Ellenika ’l fuq mir-rollovers ta’ fidi sabiex tiġi evitata interruzzjoni ta' xiri f'dik il-ġurisdizzjoni, li tista’ tfixkel it-trażmissjoni tal-politika monetarja għall-ekonomija Griega waqt li tkun għadha qed tirkupra mill-konsegwenza ta' pandemija. Ix-xiri nett taħt il-PEPP jista’ jerġa’ jibda wkoll, jekk meħtieġ, biex jikkumbatti x-xokkijiet negattivi relatati mal-pandemija.

Programm ta' xiri ta' assi (APP)

F'konformità ma’ tnaqqis pass pass fix-xiri ta' assi u biex jiġi żgurat li l-pożizzjoni tal-politika monetarja tibqa’ konsistenti mal-inflazzjoni li tistabbilizza fil-mira tiegħu fuq żmien medju, il-Kunsill Governattiv iddeċieda fuq pass ta’ xiri nett ta' kull xahar ta’ €40 biljun fit-tieni trimestru u €30 biljun fit-tielet trimestru taħt l-APP. Minn Ottubru 2022 'il quddiem, il-Kunsill Governattiv ser iżomm ix-xiri nett ta’ assi taħt l-APP b'pass ta' kull xahar ta’ €20 biljun sakemm ikun meħtieġ biex isaħħaħ l-impatt ta’ akkomodament tar-rati ta' politika tiegħu. Il-Kunsill Governattiv jistenna li x-xiri nett jispiċċa dalwaqt qabel ma jibda jgħolli r-rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE.

Il-Kunsill Governattiv biħsiebu wkoll jibqa’ jinvesti mill-ġdid, kollha kemm huma, il-ħlasijiet ewlenin minn titoli li jimmaturaw u li jkunu nxtraw taħt l-APP għal perijodu estiż ta' żmien lil hinn mid-data meta jibda jgħolli r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE, u fi kwalunkwe każ sakemm ikun meħtieġ biex jinżammu kundizzjonijiet favorevoli ta' likwidità u grad abbundanti ta' akkomodament monetarju.

Rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE

Ir-rata tal-imgħax fuq l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament u r-rati tal-imgħax fuq il-faċilità ta’ self marġinali u l-faċilità tad-depożitu jibqgħu l-istess fil-livelli attwali tagħhom ta’ 0.00%, 0.25% u -0.50% rispettivament.

B'appoġġ għall-mira simetrika tiegħu ta’ inflazzjoni ta' 2% u f'konformità mal-Istrateġija tal-Politika Monetarja tiegħu, il-Kunsill Governattiv jistenna li r-rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE jibqgħu fil-livelli preżenti jew aktar baxxi tagħhom sakemm jara l-inflazzjoni li tilħaq 2% qabel sew it-tmiem tal-orizzont tal-projezzjoni tiegħu u b’mod durevoli għall-bqija tal-orizzont tal-projezzjoni, u jqis li l-progress realizzat fl-inflazzjoni sottostanti huwa avvanzat biżżejjed biex ikun konsistenti mal-inflazzjoni li tistabilizza għal 2% fuq żmien medju. Dan jista’ jimplika wkoll perjodu tranżitorju li fih l-inflazzjoni tkun moderatament ’il fuq mill-mira.

Operazzjonijiet ta’ rifinanzjament

Il-Kunsill Governattiv ser ikompli jissorvelja l-kundizzjonijiet tal-finanzjament bankarju u jiżgura li l- operazzjonijiet immirati trimestrali ta’ rifinanzjament fuq żmien itwal (TLTRO III) ma jfixklux it-trażmissjoni bla xkiel tal-politika monetarja tiegħu. Il-Kunsill Governattiv ser jivvaluta regolarment kif operazzjonijiet ta’ self immirati qed jikkontribwixxu għall-pożizzjoni tal-politika monetarja tiegħu. Kif imħabbar, huwa jistenna l-kundizzjonijiet speċjali applikabbli taħt it-TLTRO III jintemmu f'Ġunju tas-sena d-dieħla. Il-Kunsill Governattiv se jivvaluta wkoll il-kalibrazzjoni xierqa tas-sistema ta’ żewġ livelli tiegħu għar-rimunerazzjoni ta’ riserva sabiex il-politika negattiva tar-rata tal-imgħax ma tillimitax il-kapaċità ta’ intermedjazzjoni tal-banek f'ambjent ta' likwidità abbundanti f’eċċess.

***

Il-Kunsill Governmattiv huwa lest li jaġġusta l-istrumenti kollha tiegħu, kif jixraq u fiż-żewġ direzzjonijiet, biex jiżgura li l-inflazzjoni tistabbilizza fil-mira tiegħu ta’ 2% fuq perjodu ta’ żmien medju.

Il-President tal-BĊE se tagħti l-fehmiet tagħha fuq ir-raġunijiet li wasslu għal dawn id-deċiżjonijiet f’konferenza stampa li tibda fis-14:30 CET illum.

Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja