Menu

STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Deċiżjonijiet tal-politika monetarja

4 ta’ Ġunju 2020

Fil-laqgħa tal-lum il-Kunsill Governattiv tal-BĊE ħa d-deċiżjonijiet li ġejjin dwar il-politika monetarja:

(1) Il-pakkett għall-programm ta’ xiri tal-emerġenza pandemika (PEPP) se jiżdied b’ €600 biljun għal total ta’ €1,350 biljun. Bi tweġiba għar-reviżjoni ’l isfel relatata mal-pandemija għall-inflazzjoni matul l-orizzont tal-projezzjoni, l-espansjoni tal-PEPP se tħaffef aktar il-pożizzjoni ġenerali tal-politika monetarja, billi ssostni l-kundizzjonijiet ta’ finanzjament fl-ekonomija reali, speċjalment għan-negozji u l-familji. Ix-xiri se jkompli jitwettaq b’mod flessibbli maż-żmien, fil-klassijiet kollha ta’ assi u fost il-ġurisdizzjonijiet. Dan jippermetti lill-Kunsill Governattiv biex jilqa’ b’mod effettiv għar-riskji għat-trażmissjoni bla xkiel tal-politika monetarja.

(2) L-orizzont għax-xiri nett taħt il-PEPP se jiġi estiż għal mill-inqas sal-aħħar ta’ Ġunju 2021. Fi kwalunkwe każ, il-Kunsill Governattiv se jwettaq xiri nett ta’ assi taħt il-PEPP sakemm iqis li l-fażi tal-kriżi tal-koronavirus intemmet.

(3) Il-ħlasijiet prinċipali li jimmaturaw minn titoli mixtrija taħt il-PEPP se jiġu investiti mill-ġdid sa mill-inqas sal-aħħar tal-2022. Fi kwalunkwe każ, it-tnedija futura tal-portafoll tal-PEPP se tkun amministrata biex tevita interferenza mal-pożizzjoni monetarja xierqa.

(4) Ix-xiri nett taħt il-programm ta’ xiri ta’ assi (APP) se jkompli b’pass ta’ kull xahar ta’ €20 biljun, flimkien max-xiri taħt il-pakkett temporanju addizzjonali ta’ €120 biljun sa l-aħħar tas-sena. Il-Kunsill Governattiv ikompli jistenna li x-xiri nett ta’ assi taħt l-APP jibqa’ għaddej sakemm ikun meħtieġ biex isaħħaħ l-impatt ta’ akkomodament tar-rati ta’ politika tiegħu, u jintemm ftit qabel jibda jgħolli r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE.

(5) L-investimenti mill-ġdid tal-ħlasijiet prinċipali mit-titoli li jimmaturaw mixtrija taħt l-APP se jkomplu, bis-sħiħ, għal perjodu estiż ta’ żmien wara d-data meta l-Kunsill Governattiv jibda jgħolli r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE, u fi kwalunkwe każ sakemm ikun meħtieġ biex jinżammu l-kundizzjonijiet favorevoli ta’ likwidità u grad wiesa’ ta’ akkomodament monetarju.

(6) Ir-rata tal-imgħax fuq l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament u r-rati tal-imgħax fuq il-faċilità ta’ self marġinali u l-faċilità ta’ depożitu se jibqgħu l-istess, jiġifieri ta’ 0.00%, 0.25% u -0.50% rispettivament. Il-Kunsill Governattiv jistenna li r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE jibqgħu fil-livelli preżenti tagħhom jew iktar baxxi sakemm jara li l-prospetti tal-inflazzjoni jikkonverġu b’mod qawwi għal livell qrib biżżejjed, iżda taħt, 2% fl-orizzont tal-projezzjoni tiegħu, u tali konverġenza ġiet riflessa b'mod konsistenti fid-dinamika tal-inflazzjoni sottostanti.

Il-Kunsill Governattiv ikompli jkun lest biex jaġġusta l-istrumenti kollha tiegħu, kif ikun xieraq, biex jiżgura li l-inflazzjoni timxi lejn l-għan tiegħu b'mod sostnut, f’konformità mal-impenn tiegħu għas-simetrija.

Il-President tal-BĊE se tikkummenta dwar il-kunsiderazzjonijiet li wasslu għal dawn id-deċiżjonijiet waqt konferenza stampa li tibda fis-14:30 CET illum.

Għall-kliem eżatt miftieħem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.

Kuntatti midja