STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Deċiżjonijiet tal-Politika Monetarja

8 ta' Diċembru 2016

Fil-laqgħa tal-lum il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ħa d-deċiżjoni li r-rata tal-imgħax tal-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament u r-rati tal-imgħax tal-faċilità tas-self marġinali u l-faċilità tad-depożitu jibqgħu l-istess, jiġifieri 0.00%, 0.25% u -0.40% rispettivament. Il-Kunsill Governattiv qiegħed ikompli jistenna li r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE se jibqgħu fil-livell attwali jew inqas għal perjodu estiż ta’ żmien, u sew wara li jintemm il-perjodu tal-akkwist nett ta’ assi.

Għal dawk li huma miżuri straordinarji tal-politika monetarja, il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jkompli bl-akkwisti fil-programm tax-xiri ta’ assi (APP) bir-ritmu attwali ta’ €80 biljun fix-xahar sal-aħħar ta’ Marzu 2017. Minn April 2017, huwa maħsub li l-akkwist nett ta’ assi se jkompli għaddej bir-ritmu ta’ €60 biljun fix-xahar sal-aħħar ta’ Diċembru 2017, jew wara, jekk ikun meħtieġ, u f’kull każ sakemm il-Kunsill Governattiv jara aġġustament sostnut fix-xejra tal-inflazzjoni li jkun konsistenti mal-għan tiegħu. Jekk, sadanittant, il-prospettiva ssir inqas favorevoli jew jekk il-kundizzjonijiet finanzjarji ma jibqgħux konsistenti mat-tkomplija tal-progress lejn aġġustament sostnut fix-xejra tal-inflazzjoni, il-Kunsill Governattiv biħsiebu jkabbar il-programm f’termini ta’ daqs u/jew tul ta’ żmien. L-akkwisti netti jibdew isiru flimkien mal-investiment mill-ġdid tal-pagamenti prinċipali minn titoli mixtrijin fl-APP li jimmaturaw.

Sabiex jiżgura li tkompli l-implimentazzjoni bla xkiel tal-akkwist ta’ assi min-naħa tal-Eurosistema, il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jibdel uħud mill-parametri tal-APP. Dan it-tibdil se jitħabbar fil-konferenza stampa tal-lum u fi stqarrija għall-istampa separata.

Il-President tal-BĊE se jagħti l-fehmiet tiegħu fuq ir-raġunijiet li wasslu għal dawn id-deċiżjonijiet f’konferenza stampa li għandha tibda fis-14:30 CET illum.

Kuntatti midja