Il-Kontijiet Annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew għas-sena li għalqet fil-31 ta’ Diċembru 2011
Il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) illum approva l-Kontijiet Annwali verifikati tal-BĊE għas-sena li għalqet fil-31 ta’ Diċembru 2011.
Il-BĊE kellu bilanċ pożittiv ta’ €1,894 miljun fl-2011, imqabbel ma’ bilanċ pożittiv ta’ €1,334 miljun fl-2010. Il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li fil-31 ta’ Diċembru 2011 jittrasferixxi €1,166 miljun lill-provvediment għar-riskji li – flimkien mat-€13-il miljun li kkontribwixxa Eesti Pank skont l-Artikolu 48.2 tal-Istatut tas-SEBĊ – żied il-provvediment għar-riskji sal-livell massimu attwali ta’ €6,363 miljun. L-għan tal-provvediment għar-riskji hu li jkopri r-riskji tar-rata tal-kambju, tar-rata tal-imgħax, tal-kreditu u tal-prezz tad-deheb, li jiġu sorveljati kontinwament. Kull sena ssir reviżjoni tad-daqs u tar-rekwiżit kontinwu ta’ dan il-provvediment.
Wara t-trasferiment lill-provvediment għar-riskju, il- qligħ nett tal-BĊE għall-2011 kien €728 miljun (2010: €171 miljun). B’deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv, parti mid-dħul mis-sehem tal-BĊE mit-total tal-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni, li kienet €652 miljun, tqassmet lill-banek ċentrali nazzjonali (BĊN) taż-żona tal-euro fit-3 ta’ Jannar 2012. Fil-laqgħa tal-lum il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jqassam is-€76 miljun euro li baqa’ lill-BĊN taż-żona tal-euro fit-12 ta’ Marzu 2012.
Id-dħul regolari tal-BĊE jiġi l-aktar mill-qligħ mill-investimenti li għandu f’assi ta’ riżervi barranin u mill-portafoll tal-fondi proprji, mid-dħul mill-imgħax fuq is-sehem tiegħu ta’ 8% mit-total tal-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni, u mid-dħul nett mill-imgħax fuq it-titoli mixtrija għall-għanijiet tal-politika monetarja skont l-ewwel u t-tieni programmi ta’ xiri ta’ bonds garantiti (l-ewwel programm tħaddem bejn Lulju 2009 u Ġunju 2010 waqt li t-tieni beda f’Novembru 2011) u l-Programm tas-Swieq tat-Titoli (li beda f’Mejju 2010).
It- total tad-dħul nett mill-imgħax kien €1,999 miljun fl-2011 (2010: €1,422 miljun). Dan kien jinkludi d-dħul mill-imgħax ta’ €856 miljun fuq is-sehem tal-BĊE mit-total tal-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni (2010: €654 miljun), id-dħul nett mill-imgħax ta’ €166 miljun (2010: €140 miljun) fuq it-titoli mixtrija skont il-programmi ta’ xiri ta’ bonds garantiti u d-dħul nett mill-imgħax ta’ €1,003 miljun (2010: €438 miljun) fuq it-titoli mixtrija skont il-Programm tas-Swieq tat-Titoli. Il-BĊE ħallas rimunerazzjoni ta’ €434 miljun (2010: €346 miljun) lill-BĊN fuq il-klejms tagħhom fir-rigward tal-assi ta’ riżervi barranin li ttrasferew lill-BĊE, waqt li d-dħul mill-imgħax fuq l-assi ta’ riżervi barranin kien €290 miljun (2010: €366 miljun).
Il- qligħ realizzat mill-operazzjonijiet finanzjarji kien €472 miljun (2010: €474 miljun). Il-qligħ nett aktar għoli mir-rata tal-kambju fuq il-flussi esterni ta’ munita barranija tpatta mill-qligħ nett realizzat aktar baxx mill-bejgħ ta’ titoli.
It- telf mhux realizzat, dovut l-aktar għat-telf minn titoli negozjabbli li mhumiex miżmuma għall-għanijiet tal-politika monetarja, kien €157 miljun fl-2011 (2010: €195 miljun).
L- ispejjeż tal-amministrazzjoni tal-BĊE għall-membri tal-istaff, il-kera tal-bini, id-drittijiet professjonali, u prodotti u servizzi oħra kienu €442 miljun fl-2011 (2010: €415-il miljun), fosthom l-ispiża tad-deprezzament ta’ €11-il miljun fuq l-assi fissi. Il-biċċa l-kbira tal-ispiża li kellha x’taqsam mal-kostruzzjoni tal-bini l-ġdid tal-BĊE ġiet kapitalizzata u mhijiex imdaħħla f’din il-partita.
Il-Kontijiet Annwali, flimkien mar-rapport tal-amministrazzjoni għas-sena li għalqet fil-31 ta’ Diċembru 2011, se jiġu ppubblikati fir-Rapport Annwali tal-BĊE fil-25 ta’ April 2012.
Noti għall-edituri
- Politika tal-kontabilità tal-BĊE: Il-Kunsill Governattiv stabbilixxa politika komuni tal-kontabilità għall-Eurosistema, inkluż il-BĊE, skont l-Artikolu 26.4 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (l-Istatut tas-SEBĊ), u din tinsab ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. [1] Għalkemm ibbażata b’mod ġenerali fuq il-prattika tal-kontabilità aċċettata fil-livell internazzjonali, din il-politika tfasslet speċjalment għaċ-ċirkostanzi uniċi tal-banek ċentrali tal-Eurosistema. Dawn jinkludu l-valutazzjoni tas-suq ta’ titoli negozjabbli klassifikati li jinżammu sal-maturità, il-valutazzjoni tad-deheb, kif ukoll il-valutazzjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet l-oħra kollha fil-karta tal-bilanċ u esklużi minnha denominati f’munita barranija. It-titoli negozjabbli klassifikati li jinżammu sal-maturità huma valutati skont il-prezz tal-akkwist suġġett għal tnaqqis minħabba dannu. Tingħata attenzjoni partikolari lill-kwistjoni tal-prudenza, minħabba li l-biċċa l-kbira tal-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom skopertura kbira għar-riskji tal-kambju. Din ix-xejra prudenti tapplika b’mod partikolari għat-trattament differenti tal-qligħ u t-telf mhux realizzati biex jiġi rikonoxxut id-dħul, u għall-projbizzjoni tal-innettjar tat-telf mhux realizzat fuq wieħed mill-assi kontra l-qligħ mhux realizzat fuq ieħor. Il-qligħ mhux realizzat jiġi trasferit direttament fil-kontijiet ta’ rivalutazzjoni, waqt li kull telf mhux realizzat li fi tmiem is-sena jkun ikbar mill-bilanċi relatati fil-kont ta’ rivalutazzjoni jitqies bħala spiża. Il-BĊN kollha taż-żona tal-euro, bħala parti mill-Eurosistema, iridu jimxu ma’ din il-politika biex jirrappurtaw l-operazzjonijiet tagħhom li huma inklużi fir-rapporti finanzjarji konsolidati tal-Eurosistema ta’ kull ġimgħa. Barra dan, il-BĊN japplikaw minn rajhom b’mod ġenerali l-istess politika tal-BĊE meta jħejju r-rendikonti finanzjarji annwali tagħhom.
- Rimunerazzjoni tal-assi ta’ riżervi barranin trasferiti lill-BĊE: Meta jittrasferixxi l-assi ta’ riżervi barranin lill-BĊE hekk kif jissieħeb fl-Eurosistema, kull BĊN jakkwista klejm rimunerata mal-BĊE ekwivalenti għall-ammont li jittrasferixxi. Il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li dawn il-klejms jiġu denominati fl-euro u li għandhom jiġu rimunerati kuljum bl-aħħar rata tal-imgħax marġinali disponibbli użata mill-Eurosistema fl-offerti tagħha għall-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament, aġġustata biex ma jitqies l-ebda qligħ fuq il-komponent tad-deheb.
- Distribuzzjoni tad-dħul tal-BĊE mill-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni u d-dħul nett tal-BĊE mit-titoli mixtrija skont il-Programm tas-Swieq tat-Titoli: Il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li dan id-dħul irid jgħaddi għand il-BĊN taż-żona tal-euro fis-sena finanzjarja meta jkun dovut. Id-dħul mill-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni jitqassam fit-tieni jum tax-xogħol tas-sena ta’ wara, waqt li d-dħul mit-titoli mixtrija skont il-Programm tas-Swieq tat-Titoli jitqassam fl-aħħar jum tax-xogħol ta’ Jannar tas-sena ta’ wara. [2] Iż-żewġ ammonti jitqassmu sħaħ sakemm il-Kunsill Governattiv ma jistenniex li, skont valutazzjoni motivata, il-qligħ nett tal-BĊE għas-sena jkun inqas mid-dħul tiegħu mill-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni u mid-dħul nett mit-titoli mixtrija skont il-Programm tas-Swieq tat-Titoli, u sakemm il-Kunsill Governattiv ma jiħux id-deċiżjoni qabel tmiem is-sena finanzjarja li jittrasferixxi parti minn dan id-dħul, jew id-dħul kollu, lill-provvediment għar-riskji tar-rata tal-kambju, tar-rata tal-imgħax, tal-kreditu u tal-prezz tad-deheb.
- Distribuzzjoni tal-qligħ/allokazzjoni tat-telf: Skont l-Artikolu 33 tal-Istatut tas-SEBĊ, sa 20% tal-qligħ nett ta’ kwalunkwe sena jista’ jiġi trasferit lill-fond ġenerali tar-riżervi, sa limitu li jkun daqs 100% tal-kapital tal-BĊE. Il-bqija tal-qligħ nett għandha titqassam lill-BĊN taż-żona tal-euro skont il-proporzjon tal-ishma mħallsin tagħhom. Fil-każ ta’ telf imġarrab mill-BĊE, l-iżbilanċ jista’ jitpatta mill-fond ġenerali tar-riżervi tal-BĊE u, jekk ikun meħtieġ, b’deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv, mid-dħul monetarju tas-sena finanzjarja rilevanti fil-proporzjon u mhux iżjed mill-ammonti allokati lill-BĊN taż-żona tal-euro skont l-Artikolu 32.5 tal-Istatut tas-SEBĊ.
-
[1]Id-Deċiżjoni BĊE/2006/17 tal-10 ta’ Novembru 2006, ĠU L 348, 11.12.2006, p.38, kif emendata, li fiha l-politika tal-kontabilità dettaljata tal-BĊE, ġiet revokata u sostitwita bid-Deċiżjoni BĊE/2010/21 tal-11 ta’ Novembru 2010, ĠU L 35, 9.2.2011, p. 1, b’seħħ mill-31 ta’ Diċembru 2010.
-
[2]Id-Deċiżjoni BĊE/2010/24 tal-25 ta’ Novembru 2010 dwar id-distribuzzjoni interim tad-dħul tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni u mit-titoli mixtrija skont il-Programm tas-Swieq tat-Titoli (tfassil mill-ġdid), ĠU L 6, 11.1.2011, p. 35.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja