X’inhi r-rata tal-faċilità tad-depożitu?

10 ta' Marzu 2016

Ir-rata tal-faċilità tad-depożitu hija waħda mit-tliet rati tal-imgħax li jistabbilixxi l-BĊE kull sitt ġimgħat bħala parti mill-politika monetarja tiegħu. Ir-rata tiddefinixxi l-imgħax li jirċievu l-banek meta jiddepożitaw flus overnight (mil-lum għal għada) mal-bank ċentrali. Din ir-rata ilha negattiva minn Ġunju 2014.

Hemm żewġ rati tal-imgħax ewlenin oħra: ir-rata tal-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament tal-BĊE (main refinancing operations – MRO) u r-rata tal-faċilità tas-self marġinali. Ir-rata tal-MRO tiddefinixxi l-kost li bih il-banek jistgħu jissellfu mill-bank ċentrali għal perjodu ta’ ġimgħa. Jekk il-banek ikollhom bżonn flus overnight, jistgħu jissellfu mill-faċilità tas-self marġinali b’rata iżjed għolja.