Standards minimi għall-verifika awtomatizzata tal-kundizzjoni tal-karti tal-flus tal-euro bil-magni li jimmaniġġaw il-karti tal-flus

Meta jsiru l-verifiki tal-kundizzjoni, il-karti tal-flus tal-euro li jkollhom xi difett u ma jilħqux ir-rekwiżiti obbligatorji definiti hawn taħt ma jibqgħux validi.

Il-livell ta' tolleranza aċċettabbli għall-magni li jimmaniġġaw il-karti tal-flus u jivverifikaw il-kundizzjoni tagħhom huwa ta' 5%. Dan ifisser li l-għadd ta' karti tal-flus tal-euro li ma jilħqux il-kriterji tal-kundizzjoni u jintgħażlu bħala tajbin mill-magni meta fis-sewwa ma jkunux m'għandux jaqbeż il-5%.

TABELLA 1: LISTA TA' KRITERJI GĦALL-GĦAŻLA AWTOMATIZZATA SKONT IL-KUNDIZZJONI
Difett Definizzjoni
1. Ħmieġ Ammont ta' ħmieġ mifrux fuq il-karta tal-flus tal-euro kollha
2. Tbajja' Konċentrazzjoni ta' ħmieġ (f'post partikolari)
3. Tħażżiż Xbieha jew kliem miktub jew immarkat bi kwalunkwe mod fuq karta tal-flus tal-euro
4. Karta li marritilha l-linka Nuqqas ta’ linka f’parti jew fil-karta tal-flus tal-euro kollha, e.g. karta tal-flus tal-euro maħsula
5. Tiċrit M'hemmx bżonn tifsira
6. Toqob M'hemmx bżonn tifsira
7. Tqattigħ Karti tal-flus tal-euro b'parti(jiet) nieqsa f'minn tal-inqas tarf wieħed (minbarra toqob)
8. Tiswija Partijiet ta' karta tal-flus tal-euro, jew ta' aktar minn waħda, imwaħħlin flimkien bit-tejp, bil-kolla jew b'xi mezz ieħor
9. Tikmix Tiwi f'diversi postijiet
10. Irtubija Deterjorazzjoni strutturali li tirriżulta f'nuqqas ta' ebusija
11. Tiwi M'hemmx bżonn tifsira
12. Kantunieri mitwija M'hemmx bżonn tifsira

Aktar tagħrif dwar il-kriterji tal-għażla

Ħmieġ

Il-ħmieġ iżid id-densità ottika tal-karti tal-flus tal-euro. It-tabella t'hawn taħt tispeċifika ż-żieda massima fid-densità ta' kampjuni użati mqabbla ma' karti tal-flus tal-euro ġodda li jista' jkollhom il-karti tal-flus tal-euro biex jitqiesu validi:

TABELLA 2: LIVELLI TA' DENSITÀ OTTIKA
Denominazzjoni-Sensiela Żieda massima fid-densità ta' kampjuni użati mqabbla ma' karti tal-flus tal-euro ġodda Filtru
€5-ES2 0.04 Maġenta
€10-ES2 0.04 Maġenta
€20-ES2 0.07 Maġenta
€50-ES2 0.07 Maġenta
€100-ES2 0.07 Maġenta
€200-ES2 0.07 Maġenta
     
€5-ES1 0.06 Maġenta
€10-ES1 0.06 Maġenta
€20-ES1 0.08 Maġenta
€50-ES1 0.07 Maġenta
€100-ES1 0.07 Maġenta
€200-ES1 0.04 Maġenta
€500-ES1 0.04 Maġenta


Il-karti tal-flus tal-euro li ma jilħqux dawn il-kriterji mhumiex validi. Il-banek ċentrali nazzjonali jżommu karti tal-flus tal-euro bħala referenza li juru l-livell ta' ħmieġ skont dawn il-kriterji. Il-kejl densitometriku tal-karti tal-flus tal-euro miżmuma bħala referenza huwa bbażat fuq il-kriterji li ġejjin:

  • Standard għall-kejl tad-densità: ISO 5 partijiet 3 u 4
  • Standard għall-filtri: DIN 16536
  • Kejl assolut: kalibrazzjoni standard (white tile)
  • Filtru ta' polarizzazzjoni: mixgħul
  • Apertura: 3 mm
  • Illuminazzjoni: D65/2
  • Sfond: kalibrazzjoni standard white tile

Iż-żieda fid-densità ta' karta tal-flus ta' referenza hija l-ogħla valur bejn il-medja ta' mhux inqas minn erba' punti ta' kejl meħuda min-naħa ta' quddiem u min-naħa ta' wara tal-karta tal-flus fil-parti mhix stampata u mingħajr ebda modulazzjoni tal-watermark.

Tbajja'

Il-karti tal-flus tal-euro li jkollhom konċentrazzjoni ta' ħmieġ ta' mill-inqas 9mm b'9mm fil-parti mhix stampata jew ta' 15-il mm bi 15-il mm fil-parti stampata mhumiex validi.

Tħażżiż

S'issa ma hemm l-ebda rekwiżit obbligatorju għall-identifikazzjoni tat-tħażżiż.

Karta li marritilha l-linka

Il-karti tal-flus tal-euro tista' tmurilhom il-linka, e.g. bil-ħasil jew jekk ikunu ġew esposti għal kimika qawwija. Dawn il-karti tal-flus jistgħu jiġu identifikati li ma jkunux validi permezz ta' image jew UV detectors.

Tiċrit

Il-karti tal-flus tal-euro li jkollhom tiċrit miftuħ li ma jitgħattiex parzjalment jew għalkollox miċ-ċintorin(i) tal-ġarr tal-magna mhumiex validi jekk it-tiċrita tkun akbar minn kif jidher hawn taħt.

TABELLA 3: TIĊRIT
Direzzjoni Wisa' Tul
Vertikali 4mm 8mm
Orizzontali 4mm 15mm
Djagonali 4mm 18mm1


Toqob

Il-karti tal-flus tal-euro li jkollhom toqob li ma jitgħattewx parzjalment jew għalkollox miċ-ċintorin(i) tal-ġarr tal-magna mhumiex validi jekk it-toqba tkun akbar minn 10 mm2.

Tqattigħ

Il-karti tal-flus tal-euro li t-tul tagħhom jonqos b'6mm jew aktar jew il-wisa' tagħhom jonqos b'5mm jew aktar mhumiex validi. Il-kejl kollu jirreferi għad-differenzi mit-tul u l-wisa' nominali tal-karti tal-flus tal-euro.

Tiswijiet

Karta tal-flus tal-euro tista' tissewwa billi jitwaħħlu flimkien partijiet ta' karta jew karti tal-flus tal-euro, e.g. bl-użu ta' tejp jew kolla. Karta tal-flus tal-euro bit-tejp li jgħatti firxa akbar minn 10mm b'40mm u bi ħxuna ta' aktar minn 50µm mhijiex valida.

Tikmix

Il-karti tal-flus tal-euro li jkunu mkemmxin normalment jiġu identifikati jekk jonqsilhom il-livell ta' kemm jirriflettu jew tal-ebusija tagħhom. M'hemmx rekwiżiti obbligatorji.

Irtubija

Safejn hu possibbli, il-karti tal-flus tal-euro li ma jkunux ibsin jitqiesu li ma jkunux validi. Billi l-irtubija u l-ħmieġ x'aktarx imorru id f'id, il-karti tal-flus tal-euro rotob ġeneralment jiġu identifikati wkoll permezz ta' sensers tal-ħmieġ. M'hemmx rekwiżiti obbligatorji.

Tiwi

Minħabba li jkunu iqsar jew idjaq, il-karti tal-flus tal-euro mitwijin jistgħu jiġu identifikati permezz ta' sensers li jivverifikaw id-daqs tagħhom. Barra dan, jistgħu jiġu identifikati permezz ta' sensers li jivverifikaw il-ħxuna. Madankollu, minħabba l-limitazzjonijiet tekniċi, jista' jiġi identifikat biss it-tiwi li jidħol fil-kriterji stipulati għat-tqattigħ, i.e. fejn it-tul jonqos b'aktar minn 6mm jew il-wisa' jonqos b'aktar minn 5mm, biex il-karta tal-flus titqies li ma tkunx valida.

Kantunieri mitwija

Karta tal-flus tal-euro b'kantuniera mitwija li tiksi firxa ta' aktar minn 130mm2 u li l-iżgħar tarf tagħha jkun itwal minn 10mm mhijiex valida.

1 It-tiċrita titkejjel billi tinġibed linja dritta minn fejn tieqaf it-tiċrita sat-tarf tal-karta tal-flus fejn tibda t-tiċrita (projezzjoni rettangolari) u mhux billi jitkejjel it-tul tat-tiċrita nnifisha.