Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Karti tal-flus futuri

Wara 20 sena, wasal iż-żmien li nirrevedu d-dehra tal-karti tal-flus tagħna biex nagħmluhom aktar relatabbli għall-Ewropej ta’ kull età u sfond.

Christine Lagarde, President tal-BĊE

Il-karti tal-flus tal-euro jintużaw kuljum minn miljuni ta’ nies. Iżda qed niddisinnjawhom mill-ġdid biex nagħmluhom aktar siguri, sostenibbli, aċċessibbli, inklużivi u relatabbli għall-Ewropej kollha. Issa wasal iż-żmien li tiġi kkunsidrata preselezzjoni ta’ għaxar disinji.

Id-deċiżjoni finali dwar id-dehra viżiva tas-serje tal-karti tal-flus li jmiss tagħna hija mistennija lejn l-aħħar tal-2026. Imbagħad jibdew l-iżvilupp u l-produzzjoni tal-karti tal-flus, għalkemm jgħaddu diversi snin qabel ma l-karti tal-flus il-ġodda jsibu ruħhom fil-bwiet tan-nies.

Proposti tad-disinn

Għidilna x’taħseb dwar il-karti tal-flus futuri!

Issa li ntemm il-konkors tad-disinn, kulħadd fl-Ewropa huwa mistieden jgħidilna x’jaħseb dwar l-għaxar proposti tad-disinn permezz ta’ stħarriġ online. Il-Kunsill Governattiv se jikkunsidra t-tweġibiet tal-pubbliku qabel ma jagħżel id-disinn finali għall-karti tal-flus tal-euro futuri. Dan huwa mistenni li jseħħ lejn l-aħħar tal-2026.

Ħu sehem fl-istħarriġ!

Għaliex għandna bżonn niddisinjaw mill-ġdid il-karti tal-flus tal-euro?

Id-disinn mill-ġdid tal-karti tal-flus jiżgura li jibqgħu siguri u jwieġbu għall-ħtiġijiet u għall-aspettattivi li qed jevolvu. B’mod partikolari, jippermettielna:

Riflessjoni aħjar tal-identità u tal-valuri tal-Ewropa

Il-karti tal-flus tal-euro huma riflessjoni tanġibbli tal-identità, tad-diversità u tal-valuri komuni tal-Ewropa. Motifi relatabbli jistgħu saħansitra jkomplu jsaħħu r-rabta bejn l-Ewropej u l-munita tagħhom.

Jibqgħu aġġornati mat-tekniki ta’ ffalsifikar

It-teknoloġija tevolvi, u l-karti tal-flus tal-euro jadattaw magħha. Serje ġdida tintroduċi karatteristiċi ta’ sigurtà avvanzati, li jagħmlu l-karti tal-flus aktar diffiċli biex jiġu ffalsifikati u aktar faċli biex jiġu vverifikati għal kulħadd.

Titjib tal-inklużjoni u tal-aċċessibbiltà

Il-karti tal-flus tal-euro għandhom ikunu faċli biex jintużaw minn kulħadd. Id-disinn mill-ġdid joffri opportunità biex il-karti tal-flus jintgħarfu u jiġu mmaniġġati b’mod aktar faċli, u dan jgħin biex jiġi żgurat li l-flus kontanti jibqgħu mezz ta’ ħlas aċċessibbli.

It-tisħiħ tas-sostenibbiltà ambjentali

Il-BĊE huwa konxju tal-impatt ambjentali tal-karti tal-flus tal-euro u għandu l-għan kostanti li jnaqqas dan l-impatt. Serje ġdida tal-euro hija opportunità biex tiġi ottimizzata l-produzzjoni tagħhom u tittejjeb is-sostenibbiltà ambjentali tagħhom.

Temi u motifi

Fit-30 ta’ Novembru 2023, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE ddeċieda li jimxi għall-fażi li jmiss tal-proċess tad-disinn mill-ġdid. Intgħażlu żewġ temi possibbli: “Kultura Ewropea” u “Xmajjar u għasafar”. Il-motifi assoċjati ntgħażlu f’Jannar 2025.

Iċċekkja hawnhekk ir-Rapport mill-Grupp Konsultattiv dwar it-Tema u r-Rapport mill-Grupp Konsultattiv dwar il-Motifi

Il-kultura Ewropea

Il-wirt kulturali għani tal-Ewropa u s-setturi kreattivi u kulturali dinamiċi tiegħu jsaħħu l-identità Ewropea kondiviża tagħna, u jsawru sens kondiviż ta’ appartenenza. Il-kultura tippromwovi valuri komuni, inklużjoni u djalogu fl-Ewropa u lil hinn. Tgħaqqad lin-nies.

Xmajjar u għasafar

Ix-xmajjar u l-għasafar ma jagħrfux fruntieri, jissimbolizzaw il-libertà u l-għaqda fost l-Ewropej u l-konnessjoni tagħna man-natura. L-Ewropa għandha varjetà kbira ta’ xmajjar u ta’ għasafar li jispirawna u jfakkruna fir-responsabbiltà tagħna li nħarsu l-ambjent.

Konkors tad-disinn

Konkors tad-disinn

Fl-2025, tnieda konkors tad-disinn għall-karti tal-flus tal-euro futuri, fejn disinjaturi mill-Ewropa kollha ġew mistiedna jipparteċipaw. Waslu aktar minn 1,200 applikazzjoni minn disinjaturi grafiċi, li 25 minnhom ġew mistiedna jissottomettu proposti ta’ disinn. Ġurija indipendenti ta’ 21 espert – kull wieħed innominat minn bank ċentrali ta’ pajjiż taż-żona tal-euro – imbagħad għażlet għaxar disinji.

Sommarju eżekuttiv tal-Ġurija tal-Konkors tad-Disinn

Il-pubbliku x’jaħseb s’issa?

Minn meta nbeda l-proċess ta’ disinn mill-ġdid, diġà kkonsultajna lill-pubbliku Ewropew darbtejn, u l-istħarriġ tal-pubbliku ta’ dan is-sajf huwa l-aħħar opportunità li jsir dan. Ara l-preferenzi mleħħna mill-pubbliku sa mit-tnedija tal-proċess tad-disinn mill-ġdid.

ARA WKOLL

Aktar dwar il-karti tal-flus futuri

Spjegazzjoni tal-proċess tad-disinjar mill-ġdid

Rapport tal-Ġurija tal-Konkors tad-Disinn

Trid tkun taf aktar dwar il-karti tal-flus tad-disinn mill-ġdid?

Mistoqsijiet Komuni

Parteċipanti u rebbieħa tal-konkors tad-disinn

Iċċekkja l-lista sħiħa

Il-paġni kollha f’din it-taqsima