Ħlasijiet u titoli

Id-dmirijiet tal-Eurosistema

L-Eurosistema għandha d-dmir statutarju li tippromwovi l-operazzjoni bla xkiel tas-sistemi ta’ pagament u s-sistemi ta’ saldu (ara l-Artikolu 127(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 3 u 22 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew).

L-Eurosistema taqdi d-dmirijiet tagħha kif ġej:

  • Tipprovdi faċilitajiet ta’ pagament u saldu ta’ titoli billi topera sistema ta’ pagament ta’ ammonti kbar bl-euro (TARGET2), kif ukoll mekkaniżmu li jippermetti l-użu transkonfinali tal-garanziji (CCBM). Barra dan, l-Eurosistema se twaqqaf ukoll servizz pan-Ewropew (T2S) li jippermetti lil depożitorji ċentrali ta’ titoli jikkonkludu tranżazzjonijiet ta’ titoli bl-użu ta’ flus tal-banek ċentrali.
  • Tistabbilixxi politika ta’ sorveljanza u standards korrispondenti fir-rigward tas-sistemi ta’ pagament ta’ ammonti kbar, is-sistemi ta’ pagament bl-imnut u l-istrumenti ta’ pagament, is-sistemi ta’ kklerjar, is-sistemi ta’ saldu ta’ titoli u ċerti fornituri esterni ta’ servizzi. Tmexxi wkoll attivitajiet ta’ sorveljanza għal dawn l-infrastrutturi billi tevalwa l-konformità tagħhom ma’ din il-politika u ma’ dawn l-istandards u, fejn ikun meħtieġ, tħeġġeġ biex isir tibdil.
  • Tistabbilixxi rekwiżiti biex l-infrastrutturi tas-suq jibqgħu jaħdmu u tikkoordina l-ħidma marbuta mal-implimentazzjoni tagħhom.
  • Tissorvelja u, fejn ikun meħtieġ, tiżviluppa orjentament għall-iżviluppi tas-suq u l-inizjattivi legali li jolqtu s-sorveljanza tal-infrastrutturi u d-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-pagamenti, l-ikklerjar u s-saldu ta’ titoli.
  • Taġixxi bħala aġent għall-bidla, billi tħeġġeġ l-effiċjenza fis-sistemi ta’ pagament u, fil-qasam tal-pagamenti bl-imnut, il-migrazzjoni lejn iż-Żona Unika għall-Pagamenti bl-Euro (SEPA). Taħdem ukoll favur suq effiċjenti tat-titoli billi ssaħħaħ l-armonizzazzjoni tal-istandards tas-suq u billi tħeġġeġ it-tneħħija tal-ostakli għall-integrazzjoni.