Mafkar fis-sit tal-Grossmarkthalle

Is-snin bejn l-1941 u l-1945 isawru kapitlu mudlam ferm fl-istorja tal-Grossmarkthalle, billi l-kantina tal-bini tal-ġenb li jħares lejn il-lvant kienet tintuża bħala post fejn jinġabru persuni Lhud qabel ma jiġu ddeportati. F’dan il-post, aktar minn 10,000 membru tal-popolazzjoni Lhudija ta’ Frankfurt rikbu l-ferroviji li ħaduhom lejn il-kampijiet tal-konċentrament.Ritratti

Fl-2001 il-BĊE u l-Komunità Lhudija ta’ Frankfurt diġà kienu ħadu d-deċiżjoni li jniedu konkors internazzjonali għad-disinn ta’ mafkar. Il-konkors imbagħad ġie organizzat mill-Belt ta’ Frankfurt am Main bejn l-2009 u l-2011 bil-kooperazzjoni mill-qrib tal-Komunità Lhudija ta’ Frankfurt u l-BĊE. Id-disinn rebbieħ, żviluppat mill-arkitetti KatzKaiser, jirnexxilu jidentifika s-siltiet disponibbli tal-istorja filwaqt li joħloq ġrajja li tissimbolizza l-kumplessità tad-deportazzjonijiet bla ma jwarrab l-attenzjoni mis-sit attwali. Dan jgħodd kemm għall-proċess burokratiku li wassal għar-reat kif ukoll għar-reat innifsu, jiġifieri, id-deportazzjoni.

Mogħdija, kabina tal-kontroll u linji tal-ferrovija fuq art pubblika

Il-parti tal-mafkar li tintlaħaq mill-pubbliku tinsab fil-medda ta’ art lejn il-lvant tal-Grossmarkthalle, fejn saret mogħdija għan-nies u ċ-ċiklisti bejn id-distrett ta’ Ostend u x-Xmara Main. Din il-mogħdija pubblika ġdida, flimkien mal-linji l-qodma tal-ferrovija u kabina tal-kontroll li tinsab fil-qrib, isservi ta’ tifkira tad-deportazzjoni ta’ nisa, irġiel u tfal Lhud. Ġie kkonservat ukoll pont dejjaq bit-taraġ. Minn fuqu, in-nies kienu jsellmu lill-maħbubin tagħhom jew jiġu jħarsu biex jaraw x’inhu għaddej.

Rampa u kmamar fil-kantina fis-sit tal-BĊE

Mit-tarf tal-lvant tas-sit hemm rampa tal-konkos li twassal sal-kmamar fil-kantina tal-Grossmarkthalle. Ir-rampa, li tinsab bejn żewġ ħitan tal-konkos, timmarka l-limiti tad-daħla l-qadima għall-kantina u toħloq qasma fil-pajsaġġ. Fil-limiti tas-sit hemm ħġieġa li minnha n-nies jistgħu jħarsu ’l isfel lejn id-daħla tal-kantina u jittawlu “fil-profondità tal-istorja”. Il-kamra fil-kantina fejn kienu jinżammu n-nies qabel ma jiġu ddeportati tħalliet kif kienet fl-antik fil-biċċa l-kbira tagħha u hija l-parti awtentika tal-mafkar. Sabiex il-viżitaturi u n-nies ikollhom ħjiel tad-deportazzjonijiet minn firxa ta’ perspettivi, f’diversi partijiet tal-mafkar hemm minquxa x-xhieda tal-vittmi u ta’ min għadda minn dawk il-ġrajjiet. L-għan huwa li n-nies li joħorġu jimxu fil-ġonna tal-inħawi jiltaqgħu għal għarrieda ma’ dan it-tagħrif, mingħajr ma jkollhom il-ħsieb li jżuru l-mafkar.