KONFERENZA STAMPA

Mario Draghi, President tal-BĊE,
Luis de Guindos, Viċi President tal-BĊE,
Frankfurt am Main, 26 ta’ Lulju 2018,

STQARRIJA INTRODUTTORJA

Sinjuri, hu l-pjaċir tal-Viċi President u tiegħi nilqgħukhom għal din il-konferenza stampa. Se nagħtukom rapport fuq il-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-lum tal-Kunsill Governattiv.

Fuq il-bażi tal-analiżijiet regolari tagħna tas-sitwazzjoni ekonomika u monetarja, ħadna d-deċiżjoni li nħallu r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE kif inhuma. Inkomplu nistennew li jibqgħu fil-livelli tagħhom ta' bħalissa tal-inqas sas-sajf tal-2019, u fi kwalunkwe każ kemm ikun hemm bżonn biex tiġi żgurata l-konverġenza sostnuta kontinwata tal-inflazzjoni għal livelli li huma taħt, imma qrib it-2% matul perijodu ta' żmien medju.

Għal dawk li huma miżuri straordinarji tal-politika monetarja, ser inkomplu nagħmlu xiri nett taħt il-programm tax-xiri ta’ assi (APP) bir-ritmu attwali ta’ €30 biljun fix-xahar sal-aħħar ta’ Settembru 2018. Aħna nantiċipaw li, wara Settembru 2018, bil-kundizzjoni li d-dejta li taslilna tikkonferma l-previżjoni tagħna tal-inflazzjoni fuq perijodu ta' żmien medju, ser innaqqsu r-ritmu ta' kull xahar tax-xiri ta' assi nett għal €15-il biljun sal-aħħar ta' Diċembru 2018 imbagħad jintemm ix-xiri nett. Għandna l-intenzjoni li ninvestu mill-ġdid il-pagamenti prinċipali minn titoli li jimmaturaw mixtrija taħt l-APP għal perijodu estiż ta' żmien wara t-tmiem tax-xiri ta' assi nett tagħna, u fi kwalunkwe każ sakemm ikun meħtieġ biex iżomm kundizzjonijiet ta' likwidità favorevoli u grad abbundanti ta' akkomodament monetarju.

Filwaqt li l-inċertezzi, speċjalment relatati mal-ambjent kummerċjali globali, baqgħu prominenti, l-informazzjoni disponibbli mill-aħħar laqgħa tagħna dwar il-politika monetarja tindika li l-ekonomija taż-żona tal-euro għaddejja fi triq ta' tkabbir sod u mifrux. Is-saħħa sottostanti tal-ekonomija tikkonferma l-kunfidenza tagħna li l-konverġenza sostnuta tal-inflazzjoni mal-għan tagħna ser tkompli fil-perijodu li ġej u ser tinżamm anki wara li jkun hemm tnaqqis gradwali biex jintemm ix-xiri tal-assi nett. Minkejja dan, għad hemm bżonn ta' stimolu sinifikanti tal-politika monetarja sabiex ikun hemm sostenn minħabba t-tkabbir ta' pressjonijiet tal-prezzijiet domestiċi u żviluppi tal-inflazzjoni ġenerali matul perijodu ta' żmien medju. Dan lis-sostenn ser ikompli jingħata mix-xiri ta' assi nett sal-aħħar tas-sena, permezz tal-istokk imdaqqas ta' assi mixtrija u l-investimenti mill-ġdid assoċjati, u permezz tal-gwida għall-ġejjieni msaħħa fuq ir-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE. Fi kwalunkwe każ, il-Kunsill Governattiv huwa lest li jaġġusta l-istrumenti kollha tiegħu kif jixraq sabiex jiġi żgurat li l-inflazzjoni tkompli timxi lejn il-mira tal-inflazzjoni tal-Kunsill Governattiv b'mod sostenibbli.

Issa ser nispjega l-valutazzjoni tagħna f'iżjed dettall, u nibda bl-analiżi ekonomika. It-tkabbir trimestrali tal-PDG reali mexxa għal 0.4% fl-ewwel trimestru tal-2018, wara tkabbir ta' 0.7% fit-tliet trimestri ta' qabel. Dan it-tnaqqis jirrifletti waqgħa mill-livelli għoljin ħafna ta' tkabbir fl-2017 u huwa relatat prinċipalment ma' impetu iktar dgħajjef minn kummerċ estern preċedentement qawwi ħafna, ikkumplikat minn żieda fl-inċertezza u ċerti fatturi temporanji u sekondarji tal-provvista kemm fil-livell domestiku kif ukoll fil-livell globali. L-aħħar indikaturi ekonomiċi u r-riżultati tal-istħarriġ stabbilizzaw ruħhom u jkomplu jindikaw tkabbir ekonomiku sod u mifrux, f'konformità mal-previżjonijiet makroekonomiċi tal-persunal tal-Eurosistema ta' Ġunju 2018 għaż-żona tal-euro. Il-miżuri tal-politika monetarja tagħna li ffaċilitaw il-proċess ta' deleveraging għadhom qed jirfdu d-domanda domestika. Il-konsum privat hu sostnut minn żieda kontinwa fl-impjiegi, li min-naħa tagħhom, qed jirriflettu riformi tal-imgħoddi fis-suq tax-xogħol, u mill-ġid tal-individwi li qed jiżdied. L-investiment tan-negozju qed jitrawwem permezz ta' kundizzjonijiet ta' finanzjament favorevoli, żieda fil-profitabilità korporattiva u domanda qawwija. L-investiment fid-djar baqa' robust. Barra minn hekk, l-espansjoni mifruxa fid-domanda globali hija mistennija tkompli, biex b'hekk tipprovdi impetu għall-esportazzjonijiet taż-żona tal-euro.

Ir-riskji għall-perspettiva ta' tkabbir fiż-żona tal-euro għandhom jistgħu jiġu vvalutati bħala ġeneralment ibbilanċjati. Jibqgħu prominenti l-inċertezzi relatati ma' fatturi globali, partikolarment it-theddida tal-protezzjoniżmu. Barra minn hekk, ir-riskju ta' volatilità persistenti għolja fis-suq finanzjarju ikompli jeħtieġ monitoraġġ.

L-inflazzjoni annwali tal-HICP taż-żona tal-euro żdiedet għal 2.0% f'Ġunju 2018, minn 1.9% f'Mejju, li tirrifletti l-iktar inflazzjoni tal-prezzijiet tal-enerġija u tal-ikel ogħla. Fuq il-bażi tal-prezzijiet attwali tal-futures taż-żejt, ir-rati annwali tal-inflazzjoni ġenerali x'aktarx ser jibqgħu fil-livell kurrenti għall-bqija tas-sena. Filwaqt li l-miżuri tal-inflazzjoni sottostanti għadhom ġeneralment siekta, dawn qed jiżdiedu minn livelli baxxi aktar kmieni. Il-pressjonijiet tal-ispiża domestika qed jissaħħu u jitwessgħu f'livelli għolja ta' utilizzazzjoni tal-kapaċità u l-issikkar tas-swieq tax-xogħol. L-inċertezza madwar il-previżjoni tal-inflazzjoni qed tonqos. Meta nħarsu 'l quddiem, l-inflazzjoni bażi mistennija tibqa' togħla lejn l-aħħar tas-sena biex imbagħad tiżdied gradwalment matul perijodu ta' żmien medju, sostnuta mill-miżuri tagħna tal-politika monetarja, l-espansjoni ekonomika kontinwa, l-assorbiment korrispondenti tan-nuqqas ta’ attività ekonomika u t-tkabbir fil-pagi.

Għal dik li hi l-analiżi monetarja, it-tkabbir tal-aggregat monetarju (M3) żdied għal 4.4% f’Ġunju 2018, minn 4.0% f’Mejju. It-tkabbir M3 jkompli jibbenefika mill-impatt tal-miżuri tal-politika monetarja tal-BĊE u l-prezz baxx taż-żamma ta' depożiti l-aktar likwidi. L-aggregat monetarju dejjaq M1 jibqa' l-kontributur ewlieni għat-tkabbir wiesa' tal-flus.

L-irkupru fit-tkabbir tas-self lis-settur privat osservat sa mill-bidu tal-2014 għadu għaddej. Ir-rata annwali tat-tkabbir fis-self lil korporazzjonijiet mhux finanzjarji żdiedet għal 4.1% f'Ġunju 2018, wara 3.7% fix-xahar ta' qabel, waqt li r-rata annwali tat-tkabbir fis-self lill-individwi baqgħat ma nbidlitx fil-livell ta' 2.9%. L-istħarriġ dwar is-self bankarju taż-żona tal-euro għat-tieni trimestru tal-2018 jindika li t-tkabbir tas-self għadu appoġġjat billi jittaffew l-istandards tal-kreditu u tiżdied id-domanda fil-kategoriji kollha tas-self.

It-trażmissjoni tal-miżuri tal-politika monetarja li ħadna minn Ġunju 2014 ’l hawn għadha qed issostni b’mod sinifikanti l-kundizzjonijiet tas-self lill-impriżi u lill-individwi, l-aċċess għall-finanzjament ‒ b'mod partikolari għall-impriżi żgħar u ta' daqs medju ‒ u l-flussi ta’ kreditu fiż-żona tal-euro kollha.

Fil-qosor, kontroverifika tal-eżitu tal-analiżi ekonomika mal-indikazzjonijiet li joħorġu mill-analiżi monetarja kkonfermat li grad suffiċjenti ta' akkomodament monetarju għadu meħtieġ għall-konverġenza sostnuta tal-inflazzjoni għal livelli li huma taħt, iżda qrib, it-2% fuq perjodu ta' żmien medju.

Biex jitgawdew il-benefiċċji kollha li jirriżultaw mill-miżuri tal-politika monetarja li ħadna, oqsma oħra ta’ politika għandhom jikkontribwixxu b’mod iktar deċiżiv biex iżidu l-potenzjal ta' tkabbir fuq żmien twil u jnaqqsu l-vulnerabbiltajiet. L-implimentazzjoni ta' riformi strutturali fil-pajjiżi taż-żona tal-euro jeħtieġ li titħaffef b’mod sostanzjali biex tiżdied ir-reżiljenza, jonqos il-qgħad strutturali u tingħata spinta lill-produttività u l-potenzjal ta' tkabbir taż-żona tal-euro. Dwar il-politika fiskali, l-espansjoni mifruxa kontinwa teħtieġ il-bini mill-ġdid ta' bafers fiskali. Dan hu partikolarment importanti f'pajjiżi fejn id-dejn tal-gvern jibqa' għoli. Il-pajjiżi kollha jistgħu jgawdu minn sforzi intensifikati biex tinkiseb kompożizzjoni tal-finanzi pubbliċi li tiffavorixxi t-tkabbir. Implimentazzjoni sħiħa, trasparenti u konsistenti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u tal-proċedura tal-iżbilanċ makroekonomiku maż-żmien u fil-pajjiżi kollha għadha essenzjali biex issaħħaħ ir-reżiljenza fl-ekonomija taż-żona tal-euro. It-titjib fil-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tibqa' prijorità. il-Kunsill Governattiv iħeġġeġ passi speċifiċi u deċiżivi għat-tlestija tal-unjoni bankarja u l-unjoni tas-swieq tal-kapital.

Issa ninsabu lesti biex inwieġbu l-mistoqsijiet tagħkom.

Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.

Kuntatti midja