- STQARRIJA INTRODUTTORJA
KONFERENZA STAMPA
Mario Draghi, President tal-BĊE,
Luis de Guindos, Viċi President tal-BĊE,
Vilnius, 6 ta' Ġunju 2019
Sinjuri, hu pjaċir kbir tal-Viċi President u tiegħi nilqgħukom għal din il-konferenza stampa. Nixtieq nirringrazzja lill-President tal-Bord Vasiliauskas għall-ospitalità ġentili tiegħu u nesprimi l-gratitudni speċjali tagħna lejn l-istaff tiegħu għall-organizzazzjoni eċċellenti tal-laqgħa tal-lum tal-Kunsill Governattiv. Issa se ngħidilkom x’ħareġ mil-laqgħa tagħna.
Fuq il-bażi tal-analiżijiet ekonomiċi u monetarji regolari tagħna, għamilna valutazzjoni bir-reqqa tal-prospetti ekonomiċi u tal-inflazzjoni, filwaqt li qisna wkoll l-aħħar tbassir makroekonomiku tal-istaff għaż-żona tal-euro. Għalhekk, il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjonijiet li ġejjin sabiex jilħaq l-għan tiegħu ta’ stabbiltà fil-prezzijiet.
L-ewwel nett, iddeċidejna li nħallu r-rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE kif kienu. Issa nistennew li dawn se jibqgħu fil-livelli preżenti tagħhom għall-inqas sal-ewwel nofs tal-2020, u fi kwalunkwe każ, sakemm ikun meħtieġ biex niżguraw konverġenza kontinwa u sostnuta tal-inflazzjoni ma’ livelli li jkunu taħt, imma qrib it-2% fuq żmien medju.
It-tieni nett, fiħsiebna nkomplu ninvestu mill-ġdid, kollha kemm huma, il-pagamenti ewlenin minn titoli li jimmaturaw u li jkunu nxtraw taħt il-programm tax-xiri ta’ assi għal perijodu estiż ta’ żmien wara d-data meta nibdew ngħollu r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE, u fi kwalunkwe każ sakemm ikun meħtieġ biex jinżammu kundizzjonijiet ta’ likwidità favorevoli u grad wiesa’ ta’ akkomodament monetarju.
It-tielet nett, rigward il-modalitajiet tas-sensiela l-ġdida ta’ operazzjonijiet immirati ta’ rifinanzjament trimestrali fuq perijodi ta’ żmien itwal (TLTRO III), iddeċidejna li r-rata tal-imgħax f'kull operazzjoni se tkun stabbilita f'livell li huwa 10 punti bażi ʼil fuq mir-rata medja applikata fl-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema matul il-ħajja tat-TLTRO rispettiv. Għall-banek li s-self nett eliġibbli tagħhom jaqbeż il-punt ta’ riferiment, ir-rata applikata għat-TLTRO III tkun iżjed baxxa, u tista’ tkun baxxa daqs ir-rata tal-imgħax eżistenti matul il-ħajja tal-operazzjoni magħduda 10 punti bażi.
Ser tiġi ppubblikata stqarrija għall-istampa b’iktar dettalji tat-termini tat-TLTRO III llum fit-15:30 CET.
Il-Kunsill Governattiv ivvaluta wkoll li, fʼdan il-mument, il-kontribuzzjoni pożittiva ta’ rati ta' imgħax negattivi għall-politika monetarja akkomodattiva u għall-konverġenza sostnuta tal-inflazzjoni mhix imminata minn effetti sekondarji possibbli fuq intermedjazzjoni bbażata fuq il-banek. Madankollu, ser inkomplu nimmoniterjaw b’attenzjoni l-kanal ta’ trażmissjoni tal-politika monetarja u l-każ għal miżuri ta’ mitigazzjoni.
Id-deċiżjonijiet tal-politika monetarja tal-lum ttieħdu biex jipprovdu l-akkomodament monetarju meħtieġ biex l-inflazzjoni tibqa’ fit-triq sostnuta lejn livelli li huma taħt, imma viċin, it-2% fuq żmien medju. Minkejja d-dejta kemxejn aħjar milli mistennija għall-ewwel trimestru, l-aktar informazzjoni riċenti tindika li l-ostakoli globali jibqgħu joħolqu piż fuq il-prospetti taż-żona tal-euro. Il-preżenza fit-tul ta’ inċertezzi, relatati ma’ fatturi ġeopolitiċi, it-theddida dejjem tikber tal-protezzjoniżmu u l-vulnerabbiltajiet fis-swieq emerġenti, qed tħalli sinjali fuq is-sentiment ekonomiku.
Fl-istess ħin, aktar kisbiet fl-impjiegi u pagi li qed jiżdiedu jkomplu jsostnu r-reżiljenza tal-ekonomija taż-żona tal-euro u ż-żieda gradwali tal-inflazzjoni. Il-miżuri tal-politika tal-lum jiżguraw li l-kundizzjonijiet finanzjarji jibqgħu favorevoli ħafna, jappoġġjaw l-espansjoni taż-żona tal-euro, iż-żieda kontinwa tal-pressjonijiet tal-prezzijiet domestiċi, u b’hekk l-iżviluppi tal-inflazzjoni ġenerali fuq żmien medju. B’ħarsa ʼil quddiem, il-Kunsill Governattiv huwa ddeterminat li jaġixxi fil-każ ta’ kontinġenzi negattivi u huwa lest ukoll li jaġġusta l-istrumenti kollha tiegħu, kif xieraq, biex jiżgura li l-inflazzjoni tibqa’ miexja lejn l-għan tal-Kunsill Governattiv għall-inflazzjoni b’mod sostnut.
Issa se nispjega l-valutazzjoni tagħna b’iżjed reqqa, u nibda bl-analiżi ekonomika. Il-PDG reali taż-żona tal-euro żdied b’0.4% fuq bażi trimestrali fl-ewwel trimestru tal-2019, wara żieda ta 0.2% fir-raba’ trimestru tal-2018. Madankollu, id-dejta ekonomika li qed tidħol u l-informazzjoni dwar l-istħarriġ jindikaw tkabbir kemxejn aktar dgħajjef fit-tieni u t-tielet trimestri ta’ din is-sena. Dan jirrifletti d-dgħufija li hemm bħalissa fil-kummerċ internazzjonali f'ambjent ta’ inċertezzi globali fit-tul, li qed ikunu ta’ piż, bʼmod partikolari, fuq is-settur tal-manifattura taż-żona tal-euro. Fl-istess ħin, is-servizzi u s-setturi tal-kostruzzjoni taż-żona tal-euro qed juru reżiljenza u s-suq tax-xogħol qed ikompli jitjieb. Bʼħarsa ʼl quddiem, l-espansjoni taż-żona tal-euro ser tkompli tkun appoġġata minn kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli, il-pożizzjoni fiskali li qed tespandi kemxejn taż-żona tal-euro, gwadanji ikbar fl-impjiegi u pagi li qed jogħlew, u t-tkabbir kontinwu – għalkemm xi ftit aktar kajman – fl-attività globali.
Din il-valutazzjoni hi ġeneralment riflessa fit-tbassir makroekonomiku tal-esperti tal-Eurosistema ta' Ġunju 2019 għaż-żona tal-euro. Dan it-tbassir jipprevedi żieda annwali tal-PDG reali ta' 1.2% fl-2019, 1.4% fl-2020 u 1.4% fl-2021. Meta mqabbel mat-tbassir makroekonomiku tal-istaff tal-BĊE ta’ Marzu 2019, il-prospetti għal tkabbir reali tal-PDG ġew riveduti ʼl fuq bʼ1.1 punti perċentwali għall-2019 u ġew riveduti ʼl isfel b’0.2 punti perċentwali għall-2020 u b’0.1 punti perċentwali għall-2021.
Ir-riskji madwar il-prospetti tat-tkabbir taż-żona tal-euro jibqgħu inklinati għan-negattiv, minħabba l-persistenza fit-tul ta’ inċertezzi, relatati ma’ fatturi ġeopolitiċi, it-theddida li qed tikber tal-protezzjoniżmu u l-vulnerabbiltajiet fis-swieq emerġenti.
Skont il-kalkolu preliminari tal-Eurostat, l-inflazzjoni annwali fiż-żona tal-euro mkejla bl-Indiċi armonizzat tal-prezzijiet għall-konsumatur (Harmonised Index of Consumer Prices – HICP) kienet ta’ 1.2% f’Mejju 2019, wara 1.7% f’April, li tirrifletti l-iktar inflazzjoni fil-prezzijiet iktar baxxa tal-enerġija u s-servizzi. Fuq il-bażi tal-prezzijiet attwali tal-kuntratti future taż-żejt, l-inflazzjoni ġenerali x’aktarx li tonqos fix-xhur li ġejjin, qabel ma terġa’ togħla lejn l-aħħar tas-sena. Meta wieħed iħares lejn il-volatilità riċenti minħabba fatturi temporanji, il-miżuri ta’ inflazzjoni sottostanti ġeneralment jibqgħu żgħar, imma pressjonijiet fuq l-ispejjeż tax-xogħol jibqgħu jissaħħew u jitwessgħu fost livelli għolja ta’ utilizzazzjoni tal-kapaċità u l-issikkar tas-swieq tax-xogħol. Ħarsa ’l quddiem turi li l-inflazzjoni sottostanti mistennija tiżdied matul żmien medju, bis-sostenn tal-miżuri tagħna għall-politika monetarja, l-espansjoni ekonomika kontinwa u l-pagi iktar qawwija.
Din il-valutazzjoni hija riflessa wkoll b’mod ġenerali fit-tbassir makroekonomiku ta’ Ġunju 2019 għaż-żona tal-euro li sar mill-istaff tal-Eurosistema, li jipprevedi inflazzjoni annwali mkejla bl-HICP ta’ 1.3% fl-2019, 1.4% fl-2020 u 1.6% fl-2021. Imqabbla mat-tbassir makroekonomiku tal-istaff tal-BĊE ta’ Marzu 2019 tal-Eurosistema, il-prospetti għat-tkabbir tal-PDG reali ġew riveduti b’żieda ta’ 0.1 punti perċentwali għall-2019 u tnaqqis ta’ 0.1 punti perċentwali għall-2020.
Dwar l-analiżi monetarja: it-tkabbir monetarju wiesa’ (M3) kien ta’ 4.7% f’April 2019, wara li f’Marzu kien ta’ 4.6%. Rati ta’ tkabbir sostnut tal-aggregat monetarju jirriflettu ħolqien ta’ kreditu bankarju kontinwu għas-settur privat u spejjeż ta’ opportunità baxxi taż-żamma M3. L-aggregat monetarju ristrett M1 jibqa’ l-kontributur ewlieni għat-tkabbir monetarju wiesa’ fuq in-naħa tal-komponenti.
Ir-rata tat-tkabbir annwali ta’ self lil korporazzjonijiet mhux finanzjarji kibret b’3.9% f’April 2019, żieda minn 3.6% f’Marzu. Jekk inħarsu lil hinn mill-volatilità fuq żmien qasir, ir-rata tat-tkabbir annwali tas-self lil korporazzjonijiet mhux finanzjarji mmoderat xi ftit f’dawn l-aħħar xhur, u tirrifletti r-reazzjoni tipika li baqgħet lura għat-tnaqqis fit-tkabbir ekonomiku osservat matul l-2018. Ir-rata tat-tkabbir annwali tas-self lill-individwi kienet ta’ 3.4% f'April, meta mqabbla maʼ 3.3% f'Marzu, u kompliet it-titjib gradwali tagħha.
Il-miżuri tal-politika monetarja meħudin llum, inkluż it-TLTRO III, se jgħinu biex jissalvagwardjaw il-kundizzjonijiet favorevoli ta’ self bankarju u se jkomplu jappoġġaw l-aċċess għall-finanzjament, partikolarment għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju.
Fil-qosor, kontroverifika tal-eżitu tal-analiżi ekonomika mal-indikazzjonijiet li joħorġu mill-analiżi monetarja kkonfermat li għadu meħtieġ livell abbondanti ta’ akkomodament monetarju għall-konverġenza kontinwa u sostnuta tal-inflazzjoni ma’ livelli li huma taħt, imma qrib it-2% fuq żmien medju.
Biex jitgawdew il-benefiċċji kollha li jirriżultaw mill-miżuri tal-politika monetarja li ħadna, oqsma oħra ta’ politika għandhom jikkontribwixxu b’mod deċiżiv biex isaħħu l-potenzjal ta’ tkabbir fuq żmien twil u jnaqqsu l-vulnerabbiltajiet. L-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali fil-pajjiżi taż-żona tal-euro jeħtieġ li titħaffef b’mod sostanzjali biex tiżdied il-kapaċità ta’ rkupru mill-iskossi, jonqos il-qgħad strutturali u tingħata spinta lill-produttività u l-potenzjal ta’ tkabbir taż-żona tal-euro. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi għall-2019 għandhom iservu bħala s-sinjal rilevanti. Rigward il-politiki fiskali, il-qagħda fiskali fiż-żona tal-euro kemxejn espansiva qed tipprovdi appoġġ għall-attività ekonomika. Fl-istess ħin, pajjiżi fejn id-dejn tal-gvern huwa għoli jeħtieġ li jkomplu jibnu mill-ġdid il-bafers fiskali. Il-pajjiżi kollha għandhom isaħħu l-isforzi tagħhom biex jiksbu kompożizzjoni aktar favorevoli għat-tkabbir tal-finanzi pubbliċi. Bl-istess mod, l-implimentazzjoni trasparenti u konsistenti tal-qafas ta’ governanza fiskali u ekonomika tal-Unjoni Ewropea tul iż-żmien u fil-pajjiżi kollha tibqa’ essenzjali biex issaħħaħ ir-reżiljenza tal-ekonomija taż-żona tal-euro. It-tisħiħ tal-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja għadu prijorità. Il-Kunsill Governattiv jilqa’ x-xogħol li għadu għaddej u jħeġġeġ passi speċifiċi u deċiżivi biex titlesta l-unjoni bankarja u l-unjoni tas-swieq tal-kapital.
Issa ninsabu lesti biex inwieġbu l-mistoqsijiet tagħkom.
Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja