Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

L-aspettattivi tal-Eurosistema dwar il-futur tas-SEPA

27 ta' Marzu 2009

L-Eurosistema li hi magħmula mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u 16-il bank ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro, illum qed tippubblika sensiela ta’ aspettattivi għall-gruppi diversi li għandhom interess fir-rigward tal-progress futur tal-proġett taż-Żona Unika Ewropea ta’ Pagamenti (SEPA). L-aspettattivi, żviluppati bħala tweġiba għar-rikjesti ta’ gwida li waslu tul l-2008, jipprovdu sostenn għall-komunitajiet bankarji u għall-istituzzjonijiet tal-pagament. Għandhom jipprovdu wkoll gwida għall-utenti dwar l-aġġustament tal-attivitajiet tagħhom fir-rigward tal-pagamenti u dwar x’jistgħu jistennew mill-bank jew l-istituzzjoni tal-pagament tagħhom. Madankollu, l-aspettattivi tal-Eurosistema mhumiex maħsuba bħala rekwiżiti formali jew li jorbtu legalment.

Iżjed progress tas-SEPA għadu prijorità ewlenija għall-Eurosistema, ukoll f’dawn iż-żminijiet ta’ taqlib. Għalhekk “mini-SEPA”, jiġifieri SEPA għall-pagamenti trans-konfini biss, mhix aċċettabbli. It-taqlib finanzjarju ta’ bħalissa qed iġiegħel iżjed banek jerġgħu jiffokaw fuq in-negozju mal-individwi, u s-servizzi tal-pagament huma l-qofol ta’ dan il-kummerċ. Issa migrazzjoni sħiħa lejn is-SEPA hi iżjed importanti billi s-SEPA hi s-sies tan-negozju Ewropew futur għall-pagamenti individwali.

L-Eurosistema tistenna li dawk li joffru s-servizzi tas-SEPA (banek u istituzzjonijiet tal-pagament):

  • jiżguraw il-kapaċità operazzjonali tagħhom biex jibagħtu u jirċievu pagamenti bis-SEPA. Banek u istituzzjonijiet tal-pagament, li joffru servizzi għat-trasferiment tal-kreditu u/jew ta’ debitar dirett f’euro, għandhom joffru l-istrumenti rispettivi tas-SEPA wkoll. Il-kodiċijiet kollha rilevanti tal-identità tal-banek (BICs) għandhom jiġu elenkati f’direttorju ta’ mill-inqas infrastruttura waħda li hi mifruxa fis-SEPA kollha. Il-proċessi tan-negozju u l-applikazzjonijiet tas-softwer għandhom jiġu adattati għar-rekwiżiti tas-SEPA, u għandhom jiġu introdotti standards tas-SEPA għall-komunikazzjoni mal-klijenti. Jekk sad-data tal-għeluq għall-migrazzjoni tiġi offruta konverżjoni tal-formats il-ġodda tas-SEPA għall-formats tradizzjonali jew nazzjonali, u vice versa, għandu jiġi żgurat li ma tintilef ebda dejta; u
  • għandhom jiġu offruti lill-utenti strumenti tas-SEPA li jixbħu lil strumenti oħra offruti ma’ strumenti tradizzjonali tal-pagament bl-euro, kemm meta wieħed jibgħat kif ukoll meta jirċievi pagamenti domestiċi jew trans-konfini fi ħdan is-SEPA. L-użu attiv tal-istrumenti tas-SEPA mill-klijenti jista’ jitħeġġeġ billi l-istrumenti tas-SEPA jsiru attraenti għall-klijenti għall-inqas daqs l-istrumenti tradizzjonali attwali, u dan billi l-klijenti jiġu mgħarrfa dwarhom u billi jiġu osservati l-aspettattivi u l-politika tal-Eurosistema dwar is-SEPA.

Fir-rigward tal-utenti tas-SEPA, l-Eurosistema tistenna li:

  • il-kumpaniji u l-amministrazzjonijiet pubbliċi, inklużi l-banek kummerċjali u l-banek ċentrali, jinkludu referenza għall-kriterji tal-Kunsill Ewropew għall-Pagamenti (EPC) għas-SEPA u l-aspettattivi tal-Eurosistema fil-kuntest tal-proċeduri tagħhom għas-sejħiet għall-offerti, u li jużaw ukoll entità li toffri servizzi tal-pagament li tosserva r-regoli u l-aspettattivi tas-SEPA. Il-kumpaniji u l-amministrazzjonijiet pubbliċi għandhom isostnu s-SEPA billi, fuq il-kontijiet u dokumenti oħra, jipprovdu lill-klijenti tagħhom in-numri internazzjonali tal-kontijiet bankarji (IBANs) u l-BICs, billi jqiegħduhom f’post iżjed prominenti mid-dettalji tradizzjonali tal-identifikazzjoni tal-kontijiet bankarji. Il-banek kummerċjali u l-banek ċentrali, kif ukoll l-istituzzjonijiet tal-pagament, għandhom jużaw l-istrumenti tas-SEPA u – fil-każ li ma jagħmlux pagamenti b’mod awtonomu – jagħżlu entità li tipprovdi servizzi tal-pagament li tosserva r-regoli u l-aspettattivi tas-SEPA. Jekk il-kontijiet bankarji rispettivi jkunu fl-istess istituzzjoni, il-banek għandhom jużaw l-IBAN minflok id-dettalji tradizzjonali għall-identifikazzjoni tal-kontijiet bankarji biex iħallsu lill-fornituri tagħhom u biex iħallsu s-salarji;
  • il-bejjiegħa bl-imnut – meta jaċċettaw pagamenti bil-kards mingħand il-klijenti tagħhom – iqisu jekk l-iskemi tal-kards u l-akkwirenti li magħhom għandhom kuntratt humiex isegwu l-qafas tas-SEPA għall-kards u humiex josservaw it-Termini ta’ Referenza (ToR) għall-iskemi tal-kards (meta dawn ikunu disponibbli). Għandhom jittrasferixxu għal terminali biċ-“chip u l-PIN” (li huma ċċertifikati mill-EMV) u għal sistemi li jużaw l-istandards tas-SEPA (meta dawn ikunu disponibbli), u għandhom iħeġġu l-użu ta’ skemi tal-kards effiċjenti fil-postijiet fejn isir il-bejgħ. Jekk din id-deċiżjoni tkun kummerċjalment vijabbli, għandhom iqisu l-possibbiltà li jaċċettaw skema(i) Ewropea(j) oħra tal-kards meta din tkun/dawn ikunu disponibbli; u
  • il-klijenti jitolbu tagħrif dwar l-IBANs tal-kontijiet bankarji u l-BICs korrispondenti tal-banek tagħhom. Barra dan, ikun ta’ benefiċċju għall-adozzjoni tas-SEPA jekk jużaw il-BIC u l-IBAN biex jagħmlu pagamenti (preferibbilment bl-istrumenti tal-pagament tas-SEPA) kull meta dawn ikunu indikati fuq il-kontijiet. Meta jqisu s-servizzi bankarji, il-klijenti għandhom iqabblu l-offerti tal-banek tad-diversi pajjjiżi tas-SEPA. Meta jsir pagament fil-post fejn isir il-bejgħ, għal transazzjonijiet nazzjonali kif ukoll għal dawk fiż-żona kollha tas-SEPA, għandhom isiru pagamenti bil-kards, minflok b’mezzi ta’ pagament inqas effiċjenti.

Il-verżjoni bl-Ingliż tal-aspettattivi tal-Eurosistema dwar is-SEPA jistgħu jitniżżlu mill-websajt tal-BĊE. Verżjonijiet b’lingwi oħra se jkunu disponibbli aktar ’il quddiem.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja