Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (flimkien mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Jannar – Frar 2026

27 ta’ Frar 2026

Komunikazzjoni esterna

Dikjarazzjoni b’appoġġ għall-President tar-Riżerva Federali, Jerome H. Powell

Fit-13 ta’ Jannar 2026, il-BĊE ppubblika dikjarazzjoni ffirmata minn bankiera ċentrali minn madwar id-dinja, inkluż mill-President tal-BĊE, Christine Lagarde, f’isem il-Kunsill Governattiv, li tesprimi s-solidarjetà sħiħa tagħhom mal-Federal Reserve System u mal-President tagħha, Jerome H. Powell, u tenfasizza l-importanza tal-indipendenza tal-bank ċentrali bħala pedament tal-istabbiltà tal-prezzijiet, tal-istabbiltà finanzjarja u tal-istabbiltà ekonomika.

Pjan għall-klima u n-natura wara l-2025

Fis-16 ta’ Jannar 2026, il-BĊE ppubblika stqarrija għall-istampa li tispjega li kompla jinkorpora r-riskji relatati mal-klima u man-natura fil-ħidma ewlenija tiegħu, billi kkonkluda l-pjan tiegħu dwar il-klima u n-natura 2024-2025. Il-BĊE tenna l-impenn sod tiegħu li jiżgura r-reżiljenza billi jintegra l-klima u n-natura fil-ħidma tiegħu, u spjega li se jkompli jintensifika l-ħidma fi tliet oqsma ta’ prijorità: it-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika; l-indirizzar tal-impatti fiżiċi dejjem jikbru tat-tibdil fil-klima fuq l-ekonomija u s-sistema finanzjarja; u l-impatt tar-riskji relatati man-natura u d-degradazzjoni tal-ekosistema.

Kollaborazzjoni bejn il-BĊE u l-Fondazzjoni ONCE biex jiġi żgurat aċċess universali għall-euro diġitali

Fit-18 ta’ Frar 2026, il-BĊE ppubblika stqarrija għall-istampa li tħabbar ftehim ta’ kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni ONCE għall-Kooperazzjoni u l-Inklużjoni Soċjali ta’ Persuni b’Diżabilità fuq l-app tal-euro diġitali, biex jiġi żgurat li dan ikun aċċessibbli faċilment għal kulħadd, inklużi persuni b’diżabilità jew b’ħiliet diġitali limitati u adulti akbar fl-età. Informazzjoni aktar dettaljata dwar il-proġett tal-euro diġitali hija disponibbli f’taqsima ddedikata tas-sit web tal-BĊE.

Operazzjonijiet tas-suq

Remunerazzjoni ta’ eċċess ta’ riżervi miżmuma f’kontijiet kurrenti ta’ kontropartijiet eliġibbli tal-politika monetarja

F’Diċembru 2025, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jissimplifika r-remunerazzjoni tal-eċċess ta’ riżervi skont l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2019/1743 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2019/31) u ta mandat lill-kumitati rilevanti tal-Eurosistema/tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali biex iħejju l-implimentazzjoni ta’ din id-deċiżjoni sa tmiem l-ewwel nofs tal-2026. Għaldaqstant, l-eċċess ta’ riżervi miżmuma minn istituzzjonijiet li huma eliġibbli bħala kontropartijiet f’operazzjonijiet monetarji tal-Eurosistema skont il-Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/60) se jiġu remunerati bir-rata tal-faċilità ta’ depożitu f’kull ħin, jiġifieri mhux biss meta din ir-rata tkun negattiva. Id-data tal-applikazzjoni għar-remunerazzjoni simplifikata tal-eċċess ta’ riżervi se tiġi kkonfermata flimkien mal-pubblikazzjoni tal-atti legali emendati li jimplimentaw id-deċiżjoni.

Emendi għall-atti legali dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema

Fit-22 ta’ Jannar 2026, il-Kunsill Governattiv adotta emendi għall-atti legali li jimplimentaw il-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema. L-atti legali emendatorji huma l-Linja Gwida BĊE/2026/1 li temenda l-Linja Gwida (UE) 2015/510 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema; il-Linja Gwida BĊE/2026/2 li temenda l-Linja Gwida (UE) 2016/65 dwar il-haircuts fil-valutazzjoni applikati fl-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema; il-Linja Gwida BĊE/2026/3 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2014/31 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral; u d-Deċiżjoni BĊE/2026/4 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2024/3129 dwar il-ġestjoni ta’ kollateral f’operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema.

L-emendi introdotti se japplikaw mit-30 ta’ Marzu 2026 u jinkludu l-bidliet dettaljati fi stqarrija għall-istampa relatata disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE. Tieni stqarrija għall-istampa tħabbar l-aċċettazzjoni ta’ assi negozjabbli maħruġa f’depożitorji ċentrali tat-titoli bl-użu tat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit (DLT, distributed ledger technology) bħala kollateral f’operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema mit-30 ta’ Marzu 2026, u tiddeskrivi ulterjorment ħidma esplorattiva biex tespandi l-eliġibbiltà għal assi maħruġa u saldati kompletament fuq in-networks tad-DLT. Dan ġie approvat ukoll mill-Kunsill Governattiv fil-kuntest tal-aġġornament annwali tal-atti legali li jimplimentaw il-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema.

Reviżjoni annwali tal-lista ta’ swieq mhux regolati aċċettabbli u l-lista ta’ aġenziji rikonoxxuti aċċettati fil-qafas tal-kollateral tal-Eurosistema

Fit-22 ta’ Jannar 2026, il-Kunsill Governattiv iddeċieda, wara reviżjoni annwali, li ma jagħmel l-ebda bidla fil-lista ta’ swieq mhux regolati aċċettata mill-BĊE. Huwa ddeċieda wkoll li jżid emittent wieħed, Finnish Fund for Industrial Cooperation Ltd (Finnfund), mal-lista ta’ emittenti rikonoxxuti mill-BĊE bħala aġenziji eliġibbli għall-parteċipazzjoni fil-qafas kollaterali tal-Eurosistema. Il-listi attwali huma disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE.

Faċilità repo mtejba tal-BĊE għall-banek ċentrali

Fl-14 ta’ Frar 2026, il-BĊE ħabbar li l-Kunsill Governattiv kien iddeċieda li jsaħħaħ il-faċilità repo tal-Eurosistema għall-banek ċentrali (EUREP) biex jintroduċi aċċess permanenti, ikabbar il-firxa ġeografika u jagħmel il-faċilità aktar flessibbli u effettiva fl-appoġġ tat-trażmissjoni bla xkiel tal-politika monetarja fiż-żona tal-euro f’każ ta’ nuqqas ta’ likwidità tal-euro barra mill-pajjiż. Taħt l-EUREP, l-Eurosistema tipprovdi likwidità tal-euro ta’ garanzija ta’ kontinġenza lil banek ċentrali li mhumiex fiż-żona tal-euro kontra kollateral ta’ kwalità għolja denominat f’euro, b’mitiganti tar-riskju xierqa. EUREP tikkomplementa l-linji swap tal-BĊE, li jibqgħu l-istess. Stqarrija għall-istampa relatata u paġna tal-FAQ huma disponibbli fis-sit web tal-BĊE. Aktar informazzjoni ġiet ipprovduta wkoll mill-President tal-BĊE f’diskors li sar fil-Konferenza tas-Sigurtà ta’ Munich fl-14 ta’ Frar 2026.

Politika makroprudenzjali u l-istabbiltà finanzjarja

Rapport konġunt tal-BERS/BĊE dwar ir-riskji għall-istabbiltà finanzjarja mill-frammentazzjoni ġeoekonomika

Fl-20 ta’ Jannar 2026, il-Kunsill Governattiv ħa nota ta’ rapport konġunt imħejji mill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) u mill-BĊE dwar ir-riskji għall-istabbiltà finanzjarja mill-frammentazzjoni ġeoekonomika. Ir-rapport, li jeżamina kif riskji politiċi li qegħdin jiżdiedu u inċertezza akbar jistgħu jaffettwaw l-istabbiltà finanzjarja fiż-żona tal- euro u madwar l-UE u jidentifika kanali ta’ trasmissjoni ewlenin li permezz tagħhom, xokkijiet ġeopolitiċi jistgħu jippropogaw għas-sistema finanzjarja, huwa disponibbli fuq is-siti web tal-BERS u tal-BĊE flimkien ma’ stqarrija għall-istampa relatata.

Rapport konġunt tal-BERS/BĊE dwar ir-riskji għall-istabbiltà finanzjarja mir-rabtiet bejn il-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji mhux bankarji 

Fis-6 ta’ Frar 2026, il-Kunsill Governattiv ħa nota ta’ rapport konġunt imħejji mill-BERS u mill-BĊE dwar ir-riskji għall-istabbiltà finanzjarja mir-rabtiet bejn il-banek u s-settur tal-intermedjazzjoni finanzjarja mhux bankarja. Ir-rapport, li jistabbilixxi r-rwoli ewlenin li l-banek għandhom fl-interazzjoni ma’ tali istituzzjonijiet u l-mekkaniżmi li permezz tagħhom dawn l-attivitajiet jistgħu jwasslu għall-materjalizzazzjoni tar-riskji sistemiċi, huwa disponibbli fuq is-siti web tas-SERB u tal-BĊE, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa relatata.

Infrastrutturi tas-suq u pagamenti

Kontropartijiet ċentrali taż-żona tal-euro (CCPs) eliġibbli għall-faċilità ta’ kreditu tas-CCP

Fid-19 ta’ Diċembru 2025, il-Kunsill Governattiv approva l-lista ta’ CCPs eleġibbli għall-faċilità ta’ kreditu tas-CCP, li sussegwentement ġiet ippubblikata fuq is-sit web tal-BĊE. Sabiex jiġu approvati bħala eliġibbli għall-faċilità ta’ kreditu, is-CCPs iridu jissodisfaw ir-rekwiżiti speċifiċi stabbiliti fl-Anness I, il-Parti II, l-Artikolu 10(5) tal-Linja Gwida tat-TARGET.

Mandat emendat tal-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq u l-bidu tat-tiġdid tas-sħubija tiegħu

Fid-19 ta’ Diċembru 2025, il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2025/43 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2019/166 dwar il-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq (BĊE/2019/3). Id-Deċiżjoni emendatorja tintroduċi diversi aġġornamenti għar-Regoli ta’ Proċedura tal-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq fid-dawl tal-esperjenza miksuba mill-aħħar emenda tad-Deċiżjoni, kif ukoll aġġornamenti għall-Kodiċi ta’ Kondotta għall-membri tiegħu. Tirrifletti wkoll il-go-live tas-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Kollateral tal-Eurosistema f’Ġunju 2025. Il-Kunsill Governattiv iddeċieda wkoll li jibda s-sejħa għas-sħubija l-ġdida tal-Bord għall-Infrastruttura tas-Suq (jiġifieri d-disa’ membri li jirrappreżentaw il-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema u l-membri minn banek ċentrali nazzjonali mhux taż-żona tal-euro, kif ukoll żewġ membri mhux tal-bank ċentrali) għall-mandat li jmiss, mill-1 ta’ Ġunju 2026 sal-31 ta’ Mejju 2029.

Parir dwar il-leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar żieda fit-taxxa imposta fuq istituzzjonijiet ta’ kreditu

Fid-19 ta’ Diċembru 2025, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2025/45 wara talba tal-Viċi Prim Ministru u tal-Ministru Belġjan għall-Finanzi u l-Pensjonijiet, inkarigat mil-Lotterija Nazzjonali u mill-Istituzzjonijiet Kulturali Federali.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-indipendenza superviżorja ta’ Latvijas Banka, il-prevenzjoni ta’ kunflitti ta’ interess, u r-riżoluzzjoni tal-assigurazzjoni u kompiti dwar statistika ta’ Latvijas Banka

Fit-8 ta’ Jannar 2026, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2026/1 wara talba tal-Ministeru għall-Finanzi tal-Latvja.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-indipendenza superviżorja tal-Banque nationale de Belgique/Nationale Bank van België, il-prevenzjoni ta’ kunflitti ta’ interess tal-membri tal-persunal u korpi governattivi, diretturi indipendenti u deċiżjonijiet strateġiċi ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu tiegħu

Fid-19 ta’ Jannar 2026, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2026/2 wara talba mill-Ministru għall-Finanzi tal-Belġju.

Opinjoni tal-BĊE dwar limitazzjonijiet fuq ħlasijiet fi flus kontanti

Fit-22 ta’ Jannar 2026, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2026/3 wara talba mill-Ministru għall-Finanzi Olandiż.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-proporzjon tar-riżerva meħtieġ tal-Magyar Nemzeti Bank

Fis-27 ta’ Jannar 2026, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2026/4 fuq talba tal-Magyar Nemzeti Bank.

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-rwol makrorpudenzjali ta’ Sveriges Riksbank u dwar ċerti miżuri makroprudenzjali

Fis-6 ta’ Frar 2026, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2026/5 wara talba tal-Ministeru għall-Finanzi tal-Iżvezja.

Governanza korporattiva

Rakkomandazzjoni tal-BĊE dwar l-awdituri esterni ta’ Banka Slovenije

Fid-19 ta’ Diċembru 2025, il-Kunsill Governattiv adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2025/42 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni ta’ Banka Slovenije.

Emendi għall-Kundizzjonijiet tal-Impjieg għall-persunal tal-BĊE

Fid-19 ta’ Diċembru 2025, il-Kunsill Governattiv adotta żewġ Deċiżjonijiet li jemendaw il-Kondizzjonijiet tal-Impjieg għall-Persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg għal Żmien Qasir. L-ewwel Deċiżjoni emendatorja, fir-rigward tal-fajls personali u mediċi u l-benefiċċji tal-inkapaċità, ittejjeb il-protezzjoni tad-data fir-rigward tal-ipproċessar tad-data medika tal-persunal tal-BĊE u tiżgura ċ-ċarezza u l-allinjament mal-qafas legali tal-UE u l-ispirtu tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, fejn it-terminu attwali “benefiċċju għad-diżabilità” huwa sostitwit b’“benefiċċju għall-inkapaċità”. It-tieni Deċiżjoni emendatorja ssaħħaħ ir-regoli u l-proċessi tal-BĊE dwar ir-rappurtar, l-investigazzjoni u s-segwitu dixxiplinari fir-rigward tal-ksur tad-dmirijiet professjonali, b’enfasi partikolari fuq l-indirizzar effettiv ta’ kwistjonijiet ta’ mġiba fuq il-post tax-xogħol. L-aktar verżjoni reċenti tal-Kundizzjonijiet tal-Impjiegi għall-Persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew hija disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE.

Kontijiet Annwali 2025 tal-BĊE

Fil-25 ta’ Frar 2026, il-Kunsill Governattiv approva r-rendikonti finanzjarji verifikati tal-BĊE għas-sena finanzjarja 2025. Il-Kontijiet Annwali, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa, jinsabu fuq is-sit web tal-BĊE.

Opinjoni tal-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew dwar rakkomandazzjoni mill-Kunsill dwar il-ħatra tal-Viċi-President tal-Bank Ċentrali Ewropew

Fil-25 ta’ Frar 2026, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2026/6 wara talba tal-President tal-Kunsill Ewropew. Stqarrija għall-istampa relatata tinsab ukoll fis-sit web tal-BĊE.

Ħatra ta’ Aġent Segretarju għall-Politika Monetarja fil-Kunsill Governattiv

Fil-25 ta’ Frar 2026, il-Kunsill Governattiv ħatar lil Christophe Kamps, Viċi Direttur Ġenerali fid-Direttorat Ġenerali għall-Politika Monetarja tal-BĊE, bħala Aġent Segretarju għall-politika monetarja b’effett mill-1 ta’ Marzu 2026, sakemm jinħatar Direttur Ġenerali ġdid għall-Politika Monetarja biex jieħu post Massimo Rostagno, li se jirtira fl-aħħar ta’ Frar 2026. Il-Kunsill Governattiv esprima l-gratitudni tiegħu lis-Sur Rostagno għad-dedikazzjoni u għall-kontribuzzjoni rikka tiegħu għall-politika monetarja tal-BĊE matul il-ħafna snin ta’ servizz tiegħu.

Statistika

Rapport annwali 2024 dwar il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni statistika individwali miġbura mill-BĊE, assistit mill-banek ċentrali nazzjonali

Fit-30 ta’ Diċembru 2025, il-Kunsill Governattiv, bil-benefiċċju ta’ osservazzjonijiet mill-membri tal-Kunsill Ġenerali, approva r-rapport tal-2024 bit-titolu “Statistical confidentiality protection in the European System of Central Banks (ESCB)” u awtorizza l-pubblikazzjoni tiegħu. Ir-rapport huwa disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE u fuq is-siti web tal-BĊN li għażlu li jippubblikawh huma wkoll.

Kooperazzjoni internazzjonali u Ewropea

Prijoritajiet tal-Kunsill Governattiv għall-politiki strutturali Ewropej

Fil-5 ta’ Frar 2026, il-membri tal-Kunsill Governattiv skambjaw fehmiet fuq liema oqsma ta’ prijorità l-Ewropa għandha tiffoka biex tagħmel l-ekonomija tagħha aktar produttiva, kompetittiva u reżiljenti. Il-Kunsill Governattiv qabel fuq il-lista ta’ prijoritajiet li ġejja: (i) unjoni tat-tfaddil u l-investimenti; (ii) l-euro diġitali u l-flus tal-bank ċentrali bl-ingrossa tokenizzati; (iii) approfondiment tas-Suq Uniku tal-UE; (iv) trawwim tal-innovazzjoni u tal-protezzjoni tal-awtonomija strateġika miftuħa; u (v) simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni u t-tisħiħ tal-qafas istituzzjonali ewlieni. Il-lista ntbagħtet lill-President tal-Kummissjoni Ewropea, lill-President tal-Kunsill Ewropew u lill-mexxejja tal-UE qabel l-irtirar informali tagħhom fit-12 ta’ Frar 2026.

Superviżjoni Bankarja tal-BĊE

Delega tas-setgħa ta’ adozzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar fużjonijiet, diviżjonijiet u akkwiżizzjonijiet ta’ parteċipazzjonijiet materjali

Fit-13 ta’ Frar 2026, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju biex jadotta d-Deċiżjoni BĊE/2026/5 dwar id-delega tas-setgħa li jiġu adottati deċiżjonijiet rigward fużjonijiet, diviżjonijiet u akkwiżizzjonijiet ta’ parteċipazzjonijiet materjali. Id-Deċiżjoni se tiġi ppubblikata meta jasal il-waqt fuq EUR-Lex.

Ħlasijiet perjodiċi ta’ penali imposti fuq bank wieħed taż-żona tal-euro

Fit-13 ta’ Frar 2026, il-BĊE ħabbar li kien impona pagamenti perjodiċi ta’ penali ta’ €7,551,050 fuq Crédit Agricole, S.A. għal nuqqas ta’ konformità ma’ wieħed mir-rekwiżiti tad-deċiżjoni tal-BĊE tat-8 ta’ Frar 2024 li, fost affarijiet oħra, stabbilixxa r-rekwiżit li l-bank iwettaq valutazzjoni tal-materjalità tar-riskji tiegħu relatati mal-klima u mal-ambjent. Stqarrija għall-istampa relatata hija disponibbli fis-sit elettroniku tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

Penali amministrattivi imposti fuq bank wieħed taż-żona tal-euro

Fid-19 ta’ Frar 2026, il-BĊE ħabbar li kien impona żewġ penali amministrattivi li jammontaw għal €12,180,000 fuq J.P. Morgan SE talli rrapportat assi ponderati għar-riskju kkalkulati ħażin. Stqarrija għall-istampa relatata hija disponibbli fis-sit elettroniku tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja