Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (flimkien mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Ottubru 2025

31 ta’ Ottubru 2025

Operazzjonijiet tas-suq

Deċiżjoni tal-BĊE li timplimenta l-qafas interim tal-mira għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għal parteċipazzjonijiet ta’ bonds korporattivi taħt il-programm ta’ xiri ta’ assi (APP) u taħt il-programm temporanju ta’ xiri ta’ emerġenza fil-każ ta’ pandemija (PEPP)

Fl-1 ta’ Ottubru 2025, il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2025/30 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2016/948 dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta’ xiri mis-settur korporattiv (BĊE/2016/16). Id-Deċiżjoni timplimenta legalment il-qafas interim tal-mira għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-parteċipazzjonijiet ta’ bonds korporattivi tal-APP u tal-PEPP. Il-BĊE pprovda informazzjoni aktar dettaljata fir-rapport tiegħu ta’ Ġunju 2025 intitolat “Climate-related financial disclosures of Eurosystem assets held for monetary policy purposes and of the ECB’s foreign reserves”.

Deċiżjoni tal-BĊE dwar dispożizzjonijiet tranżitorji għall-applikazzjoni ta’ riżervi minimi mill-Bank Ċentrali Ewropew wara l-introduzzjoni tal-euro fil-Bulgarija

Fit-13 ta’ Ottubru 2025, il-BĊE ħabbar l-adozzjoni tad-Deċiżjoni BĊE/2025/33 dwar dispożizzjonijiet tranżitorji għall-applikazzjoni ta’ rekwiżiti ta’ riżervi minimi mill-Bank Ċentrali Ewropew wara l-introduzzjoni tal-euro fil-Bulgarija. Mill-1 ta’ Jannar 2026, istituzzjonijiet ta’ kreditu u fergħat ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu li jinsabu fil-Bulgarija se jkunu soġġetti għar-rekwiżiti ta’ riżervi minimi tal-Eurosistema. Minħabba li l-perjodu regolari ta’ żamma tar-riżervi huwa mit-23 ta’ Diċembru 2025 sal-10 ta’ Frar 2026, huma meħtieġa dispożizzjonijiet tranżizzjonali biex jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu rilevanti jiġu integrati bla xkiel fis-sistema ta’ riżerva minima tal-Eurosistema mingħajr ma jitqiegħed piż sproporzjonat fuqhom. F’konformità mal-prattika preċedenti rigward il-pajjiżi li jadottaw l-euro, id-Deċiżjoni tipprevedi perjodu tranżitorju ta’ manteniment għall-impożizzjoni ta’ rekwiżiti ta’ riżerva minima fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jinsabu fil-Bulgarija li jestendi mill-1 ta’ Jannar sal-10 ta’ Frar 2026. Stqarrija għall-istampa relatata hija disponibbli fis-sit web tal-BĊE.

Infrastrutturi tas-suq u pagamenti

Fażi ta’ esplorazzjoni għal interkonnessjoni potenzjali bejn is-servizz ta’ Saldu ta’ Ħlasijiet Istantanji ta’ TARGET (TIPS) tal-Eurosistema u s-sistema ta’ Ħlasijiet Istantanji ta’ Klerjar Interbankarju Żvizzeru (SIC IP)

Fis-26 ta’ Settembru 2025, il-Kunsill Governattiv approva l-bidu ta’ esplorazzjoni tal-istabbiliment potenzjali ta’ rabta bilaterali bejn is-servizz TIPS tal-Eurosistema u s-sistema SIC IP. Il-fażi ta’ esplorazzjoni, li se tinvolvi l-valutazzjoni tal-fattibbiltà teknika, legali u ekonomika tal-proġett, se titwettaq f’kollaborazzjoni mal-Bank Nazzjonali Żvizzeru u se topera matul l-2026. Iżjed tagħrif dettaljat huwa disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Aġġornamenti tal-2025 għall-ftehimiet T2S

Fit-2 ta’ Ottubru 2025, il-Kunsill Governattiv approva aġġornamenti tekniċi għad-dokumentazzjoni legali relatata mat-T2S, inkluż il-Ftehim Qafas dwar it-T2S (T2S FA) u l-Ftehim dwar il-Parteċipazzjoni tal-Munita tat-T2S (T2S CPA). Dawn l-aġġornamenti jsegwu valutazzjoni mill-Bord għall-Infrastruttura tas-Suq (MIB, Market Infrastructure Board) li, fuq bażi annwali, jevalwa l-ħtieġa għal aġġornamenti għal atti legali relatati mat-TARGET. L-emendi ta’ din is-sena huma kollha meqjusin bħala mhux materjali u primarjament ta’ natura teknika jew operazzjonali. Wara t-tlestija tal-proċess tal-iffirmar, it-T2S FA u t-T2S CPA aġġornati se jiġu ppubblikati fuq is-sit elettroniku tal-BĊE.

Memorandum ta’ Qbil dwar il-kondiviżjoni tal-informazzjoni b’appoġġ għall-aċċess minn fornituri ta’ servizzi ta’ pagament mhux bankarji għal sistemi ta’ pagament operati minn bank ċentrali

Fis-17 ta’ Ottubru 2025, il-Kunsill Governattiv, bil-benefiċċju tal-osservazzjonijiet mill-Kunsill Ġenerali, approva Memorandum ta’ Qbil (MtQ) li joperazzjonalizza l-qafas għall-kooperazzjoni u għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali (NSAs) u l-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi) b’appoġġ għall-aċċess ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ pagament mhux bankarji (NB-PSPs) għal sistemi ta’ pagament operati minn bank ċentrali. Il-MtQ se jappoġġa lill-BĊN fil-valutazzjoni tagħhom tal-konformità tal-NB-PSPs mar-rekwiżiti għall-għoti ta’ aċċess għal sistemi ta’ pagament operati mill-bank ċentrali, inklużi r-rekwiżiti rilevanti stabbiliti fir-Regolament dwar il-Pagamenti Istantanji u d-Direttiva (UE) 2015/2366 li l-istituzzjonijiet ta’ pagament u l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi (kollettivament l-NB-PSPs) iridu jissodisfaw qabel ma jitolbu l-parteċipazzjoni fis-sistemi ta’ pagament deżinjati skont id-Direttiva dwar il-Finalità tas-Saldu. Il-MtQ, li se jiġi rieżaminat sena wara l-iffirmar tiegħu, jew aktar kmieni jekk ikun iġġustifikat, se jiġi ppubblikat fi żmien debitu fuq is-siti web tal-BĊE u tal-Awtorità Bankarja Ewropea.

Il-fażi li jmiss tal-proġett tal-euro diġitali

Fid-29 ta’ Ottubru 2025, il-Kunsill Governattiv ħa nota tat-tlestija b’suċċess tal-fażi ta’ tħejjija għall-euro diġitali, imnedija mill-Eurosistema f’Novembru 2023, u ddeċieda li jgħaddi għall-fażi li jmiss tal-proġett. Il-fażi l-ġdida, li se tibda fl-1 ta’ Novembru 2025, għandha l-għan li tħejji lill-Eurosistema għall-ewwel ħruġ potenzjali tal-euro diġitali matul l-2029. Dan huwa bbażat fuq is-suppożizzjoni li l-koleġiżlaturi Ewropej se jadottaw ir-Regolament dwar l-istabbiliment tal-euro diġitali fl-2026. Tagħrif iżjed dettaljat huwa pprovdut fi stqarrija għall-istampa relatata li tinsab fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Parir dwar il-leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar l-aċċetazzjoni mandatorja ta’ ħlasijiet mingħajr flus kontanti minn bejjiegħa

Fis-26 ta’ Settembru 2025, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2025/30 wara talba mill-Ministru għall-Finanzi tar-Repubblika Slovakka.

Opinjoni tal-BĊE dwar miżuri makroprudenzali nazzjonali relatati mas-self ipotekarju

Fis-6 ta’ Ottubru 2025, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2025/31 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tal-Finlandja.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-indipendenza superviżorja ta’ Národná banka Slovenska u l-prevenzjoni ta’ kunflitti ta’ interess

Fl-20 ta’ Ottubru 2025, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2025/32 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tar-Repubblika Slovakka.

Governanza korporattiva

Rakkomandazzjoni lill-Kunsill tal-UE dwar l-awdituri esterni tas-Suomen Pankki

Fis-7 ta’ Ottubru 2025, il-Kunsill Governattiv adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2025/35 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni ta’ Suomen Pankki.

Statistika

Linja Gwida tal-BĊE li temenda l-Linja Gwida (UE) 2021/833 dwar tagħrif statistiku li għandu jiġi rrapportat dwar data bankarja kkonsolidata (BĊE/2021/14)

Fit-2 ta’ Ottubru 2025, il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida BĊE/2025/34 li temenda l-Linja Gwida (UE) 2021/833 dwar tagħrif statistiku li għandu jiġi rrapportat dwar data bankarja kkonsolidata (BĊE/2021/14). L-emendi huma maħsuba primarjament biex jallinjaw l-istatistika konsolidata tad-data bankarja mal-qafas ta’ rapportar 4.0 tal-Awtorità Bankarja Ewropea li aġġorna r-rekwiżiti ta’ rapportar għall-banek biex jikkonformaw mar-Regolament (UE) 2024/1623 (komunement imsejjaħ CRR3). Il-Linja gwida emendatorja se tiġi ppubblikata fuq EUR-Lex fiż-żmien dovut.

Kooperazzjoni internazzjonali u Ewropea

Rieżami tal-arranġamenti ta’ ħidma tad-Dar tal-Euro wara sentejn ta’ operat

Fis-16 ta’ Ottubru 2025, il-Kunsill Governattiv ħa nota tal-eżitu ta’ rieżami tal-arranġamenti ta’ stabbiliment u ta’ ħidma tad-Dar tal-Euro wara sentejn ta’ operat, b’mod partikolari li ma kienet ġustifikata l-ebda bidla fl-arranġamenti attwali. Id-Dar tal-Euro ġiet inawgurata fi Brussell f’Novembru 2023 u stabbiliet ruħha bħala rappreżentazzjoni vibranti tal-Eurosistema fi Brussell, fost l-oħrajn, bl-organizzazzjoni ta’ madwar 50 avveniment b’madwar 4,000 parteċipant irreġistrat ospitati fil-bini. Id-Dar tal-Euro tlaqqa’ flimkien lill-banek ċentrali interessati tal-Eurosistema – bħalissa l-BĊE, il-Banca d’Italia, il-Banco de España, il-Banque de France, il-Banka Slovenije, is-Central Bank of Ireland, il-Bank Ċentrali ta’ Malta u d-Deutsche Bundesbank – bi preżenza unifikata fi Brussell.

Karti tal-flus

Deċiżjoni tal-BĊE li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2010/14 dwar il-verifika tal-awtentiċità u l-kundizzjoni u r-riċirkulazzjoni tal-karti tal-flus tal-euro

Fis-16 ta’ Ottubru 2025, il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2025/36 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2010/14 dwar il-verifika tal-awtentiċità u l-kundizzjoni u r-riċirkulazzjoni tal-karti tal-flus tal-euro. Id-Deċiżjoni emendatorja tintroduċi bidliet immirati lejn it-titjib tal-effiċjenza tar-riċirkolazzjoni tal-flus kontanti u ċ-ċarezza tad-Deċiżjoni.

Superviżjoni Bankarja tal-BĊE

Memoranda ta’ Qbil bejn il-BĊE u l-Banco Central de la República Argentina u bejn il-BĊE u l-Kummissjoni tas-Servizzi Finanzjarji/Servizz Superviżorju Finanzjarju tar-Repubblika tal-Korea

Fid-29 ta’ Settembru 2025, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex japprova Memorandum ta’ Qbil bejn il-BĊE u l-Banco Central de la República Argentina u Memorandum ta’ Qbil bejn il-BĊE u l-Kummissjoni tas-Servizzi Finanzjarji/Servizz Superviżorju Finanzjarju tar-Repubblika tal-Korea. Skont il-prattika standard, il-Memorandum ta’ Qbil, ladarba jiġi ffirmat mill-partijiet kollha, jiġi ppubblikat fuq is-sit elettroniku tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

Lista ta’ istituzzjonijiet inqas sinifikanti (LSIs, less significant institutions) ta’ impatt kbir għall-2026

Fit-2 ta’ Ottubru 2025, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju li jippubblika l-lista ta’ LSIs ta’ impatt kbir għall-2026. Id-deżinjazzjoni ta’ “impatt kbir”, li hija bbażata fuq kriterji mfassla biex iqisu l-“impatt potenzjali fuq is-sistema finanzjarja domestika” ta’ kull LSI, kif stabbilit fl-Artikolu 97(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU, tinvolvi għadd ta’ rekwiżiti ta’ notifika ex ante u tinfluwenza l-frekwenza u l-intensità tal-attivitajiet superviżorji bħall-ispezzjonijiet fuq il-post. L-entitajiet iddeżinjati bħala LSIs b’impatt kbir se jiġu riflessi fil-lista ta’ entitajiet taħt superviżjoni, li tiġi aġġornata regolarment u hija disponibbli fuq is-sit web tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

Metodoloġija riveduta tal-Proċess ta’ Reviżjoni u Evalwazzjoni Superviżorji (SREP) għall-valutazzjoni tal-adegwatezza kapitali

Fil-15 ta’ Ottubru 2025, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord ta’ Sorveljanza li jippubblika metodoloġija riveduta tal-SREP għall-valutazzjoni tal-adegwatezza tal-kapital. Il-metodoloġija riveduta tipprovdi informazzjoni dwar l-istruttura l-ġdida tal-Element 3 (adegwatezza kapitali), l-elementi ewlenin tal-valutazzjoni tal-adegwatezza kapitali kwantitattiva u l-piramida l-ġdida tal-proċess ta’ valutazzjoni tal-adegwatezza kapitali interna (ICAAP) li tikkonsisti f’erba’ moduli soġġetti għal approċċ pluriennali. Il-metodoloġija ġiet imsaħħa biex tipprovdi trasparenza addizzjonali dwar kif it-Timijiet Superviżorji Konġunti jwettqu l-valutazzjoni tal-Element 3 (adegwatezza kapitali). Il-pubblikazzjoni hija skedata għat-18 ta’ Novembru 2025 fuq is-sit web tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

Konformità mal-Linji Gwida tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) dwar skoperturi għall-akkwiżizzjoni, l-iżvilupp u l-kostruzzjoni (ADC) għal proprjetà residenzjali skont l-Artikolu 126a tar-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital (CRR)

Fl-20 ta’ Ottubru 2025, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jinnotifika lill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) li, għall-istituzzjonijiet sinifikanti taħt is-superviżjoni diretta tiegħu, il-BĊE jikkonforma diġà mal-Linji Gwida dwar l-iskoperturi tal-ADC għal proprjetà residenzjali skont l-Artikolu 126a tar-Regolament (UE) 575/2013 (EBA/GL/2025/03). Dawn il-Linji Gwida tal-EBA jispeċifikaw il-kriterji fl-Artikolu 126a(2) tas-CRR għat-tnaqqis tal-ponderazzjoni tar-riskji għall-iskoperturi tal-ADC minn 150 % għal 100 %.

[Riżultati tal-SREP għall-2025

Fit-28 ta’ Ottubru 2025, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju li jippubblika r-riżultati tas-SREP tiegħu għall-2025. Stqarrija għall-istampa u r-rapport relatat se jiġu ppubblikati fuq is-sit web tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE nhar it-Tlieta, 18 ta’ Novembru 2025.]

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja