European Central Bank - eurosystem
Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Definizzjoni

Trasparenza tfisser illi l-Bank Ċentrali jipprovdi lill-pubbliku in ġenerali u lis-swieq bl-informazzjoni kollha relevanti dwar l-istrateġija, l-istimi u d-deċiżjonijiet politiċi tiegħu kif ukoll bil-proċeduri tiegħu b’mod miftuħ, ċar u f’waqtu.

Illum, il-parti l-kbira tal-banek ċentrali, inkluż il-BĊE, jikkunsidraw it-trasparenza bħala element kruċjali. Dan huwa minnu b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-istruttura tal-politika monetarja tagħhom. Il-BĊE jagħti prijorità għolja lill-komunikazzjoni b’mod effettiv mal-pubbliku.

It-trasparenza tal-politika monetarja tal-BĊE

It-trasparenza tgħin lill-pubbliku biex jifhem il-politika monetarja tal-BĊE. Il-kapaċità tal-pubbliku illi jifhem aħjar tagħmel il-politika iżjed kredibbli u effettiva. It-trasparenza tfisser illi l-BĊE jispjega kif jinterpreta l-mandat tiegħu u li huwa jkun lest li jagħti informazzjoni dwar il-miri tal-politika tiegħu.

Kredibiltà

Il-BĊE jinkoraġġixxi l-kredibiltà billi jkun ċar dwar il-mandat tiegħu u dwar kif iwettaq id-dmirijiet tiegħu. Meta l-BĊE jitqies li huwa kapaċi u lest jilħaq il-mandat tal-politika tiegħu , l-aspettattivi dwar il-prezzijiet ikunu ankrati sew. Huwa partikolarment utli illi l-istima tal-bank ċentrali dwar il-qagħda ekonomika tiġi kkomunikata b’mod regolari. Hija wkoll ta’ għajnuna għall-banek ċentrali illi jkunu trasparenti u realistiċi dwar x’tista’ tagħmel il-politika monetarja u, fuq kollox, dwar dak li ma tistax tagħmel.

Dixxiplina personali

Impenn serju sabiex tiġi żgurata t-trasparenza jimponi dixxiplina personali fuq min jifformula l-politika. Din tiżgura illi deċiżjonijiet politiċi u l-ispjegazzjonijiet tagħhom jibqgħu konsistenti maż-żmien. Meta jiġi ffaċilitat l-iskrutinju pubbliku ta’ l-azzjonijiet tal-politika monetarja, l-inċentivi biex il-korpi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet jwettqu l-mandati tagħhom fl-aħjar mod possibbli jiġu mtejjba.

Prevedibilità

Il-BĊE iħabbar pubblikament l-istrateġija tal-politika monterja tiegħu u jikkomunika l-istima regolari tiegħu ta’ l-iżviluppi ekonomiċi. Dan jgħin biex is-swieq jifhmu s-sekwenza sistematika tar-rispons tal-politika monetarja għal żviluppi u skossi ekonomiċi. B’hekk il-mossi politiċi jsiru aktar prevedibbli għas-swieq fuq perijodu ta’ żmien medju. L-istenniji tas-suq jistgħu b’hekk jiġu trasformati b’mod aktar effiċjenti u preċiż.

Jekk l-aġenti tas-suq ikunu jistgħu jantiċipaw tajjeb ir-reazzjonijiet għall-politika, dan jippermetti implimentazzjoni rapida ta’ tibdil fil-politika monetarja f’varjabbli finanzjarji. Dan imbagħad jista’ jqassar il-proċess li bih il-politika monetarja tiġi trasmessa fid-deċiżjonijiet dwar l-investiment u l-konsum. Dan jista’ jaċċellera kwalunkwe aġġustamenti ekonomiċi neċessarji u jista’ jtejjeb ukoll l-effetività tal-politika monetarja.

Il-paġni kollha f’din it-taqsima