Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Dehra ġenerali tax-xogħol preparatorju li sar mill-IME

L-Artikolu 117 (ex Artikolu 109f) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (it-“Trattat”) ħtieġ illi l-Istitut Monetarju Ewropew (IME) jispeċifika l-qafas loġistiku neċessarju għas-sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ), magħmula mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u mill-banek ċentrali nazzjonali (BĊN) ta’ l-Istati Membri ta’ l-UE, biex iwettaq id-dmirjiet tiegħu tat-Tielet Fażi ta’ l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) u biex jissottometti din l-istruttura lill-BĊE fid-data tat-twaqqif tagħha biex tittieħed deċiżjoni dwarha. Wieħed mid-dmirijiet ewlenin ta’ l-IME kien għalhekk illi jipprepara l-bażi biex is-SEBĊ tkun f’pożizzjoni illi tmexxi xogħolha sa mill-bidu tat-Tielet Fażi.

Direttament skond il-mandat tiegħu tat-Trattat, l-IME intrabat b’mod partikolari:

  • illi jħejji sensiela ta’ strumenti u proċeduri għat-tmexxija tal-politika monetarja unika fiż-żona ta’ l-euro futura u li janalizza linji politiċi monetarji potenzjali;
  • illi jippromwovi l-armonizzazzjoni tal-ġbir, il-kompilazzjoni u d-distribuzzjoni ta’ statistiċi artikolati kif dovut taż-żona ta’ l-euro fir-rigward ta’ flus u operazzjonijiet bankarji, il-bilanċ tal-pagamenti u data finanzjarja oħra;
  • illi jiżviluppa l-qafas għat-tmexxija ta’ operazzjonijiet tal-kambju kif ukoll għaż-żamma u għall-amministrazzjoni tar-riservi uffiċjali tal-kambju ta’ l-Istati Membri li jkunu qiegħdin jipparteċipaw fiż-żona ta’ l-euro;
  • illi jippromwovi l-effiċjenza ta’ pagamenti li jinvolvu aktar minn pajjiż wieħed u ta’ transazzjonijiet ta’ sistemi ta’ ħlas ta’ titoli sabiex tiġi sostnuta l-integrazzjoni tas-suq tal-flus ta’ l-euro, b’mod partikolari billi tiġi żviluppata l-infrastruttura teknika (is-sistema TARGET) sabiex l-ipproċessar ta’ pagamenti li jinvolvu aktar minn pajjiż wieħed f’euro jkun effiċjenti daqs dak tal-pagamenti domestiċi; u
  • illi jipprepara l-flus tal-karti ta’ l-euro, inkluż id-disinin u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tagħhom.


Bil-għan illi jsiru iżjed preparamenti biex tiġi stabbilta s-SEBĊ, u kif imsemmi wukoll fl-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (l-“Istatut”), li huwa anness mat-Trattat, l-IME intrabat ukoll illi:

  • jelabora r-regoli u standards armonizzati tal-kontabilità biex ikun possibbli illi tiġi mibnija karta tal-bilanċ konsolidata tas-SEBĊ għall-iskopijiet ta’ rapportar kemm intern kif ukoll estern;
  • jpoġġi l-informazzjoni neċessarja u l-appoġġ tas-sistemi ta’ komunikazzjoni f’posthom sabiex il-funzjonijiet ta’ tħaddim u tal-politika jkunu jistgħu jiddaħħlu fis-seħħ fi ħdan is-sistema tas-SEBĊ; u
  • jidentifika l-modi possibbli li fihom is-SEBĊ tikkontribwixxi għall-politika mħaddna mill-awtoritajiet kompetenti ta’ sorveljanza sabiex tikber l-istabbiltà ta’ l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tas-sistema finanzjarja.


L-IME għen ukoll fit-tħejjija tal-leġislazzjoni nazzjonali u tal-Komunità dwar it-transizzjoni għat-Tielet Fażi, b’mod partikolari fir-rigward tal-leġislazzjoni monetarja u finanzjarja, inklużi l-istatuti tal-BĊN.


Barra minn hekk, l-IME kkoopera ma’ korpi oħra ta’ l-UE fit-tħejjija għat-Tielet Fażi. B’mod partikolari, jew bi qbil ma’ ħtieġa tat-Trattat jew f’risposta għal stedina mill-Kunsill Ewropew, huwa ssottometta rapporti dwar:

  • is-sitwazzjoni fil-futur għall-bidla għall-munita unika;
  • ko-operazzjoni fil-politika monetarja u tar-rata ta’ kambju bejn il-pajjiżi taż-żona ta’ l-euro u l-pajjiżi l-oħra ta’ l-UE; u
  • il-progress magħmul mill-Istati Membri f’li jissodisfaw l-obbligi tagħhom dwar is-sodisfament tal-kundizzjonijiet neċessarji għall-parteċipazzjoni fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja (konverġenza ekonomika u legali).


Bi qbil mal-ħtiġijiet statutorji tiegħu, l-IME rrapporta b’mod regolari l-progress li huwa għamel fix-xogħol preparatorju tiegħu, b’mod partikolari fl-erba’ Rapporti Annwali tiegħu li jkopru s-snin 1994 sa 1997. Barra minn hekk, f’Jannar 1997, l-IME ppubblika rapport li jiddeskrivi l-ispeċifikazzjoni ta’ l-istruttura operazzjonali tas-SEBĊ għat-tmexxija ta’ politika monetarja unika, skond il-ħtieġa tat-Trattat li din l-istruttura tiġi speċifikata sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1996. Fi tliet okkażjonijiet, ġew ippubblikati rapporti separati dwar il-progress lejn il-konverġenza. Numru ta’ pubblikazzjonijiet aktar speċjalizzati koprew suġġetti fl-oqsma tal-politika monetarja, politika tal-kambju, sistemi ta’ ħlas ta’ pagamenti u ta’ titoli, statistiċi, karti tal-flus u l-bidla għall-euro. Għal-lista ta’ dokumenti ppubblikati mill-IME jekk jogħġbok irreferi għat-taqsima " Arkivji ta’ l-IME - Pubblikazzjonijiet".

Flimkien mad-dokumenti interni kollha dwar ix-xogħol preparatorju mwettaq mill-IME bl-għajnuna tal-BĊN, u approvat mill-Kunsill ta’ l-IME fil-45 laqgħa tiegħu li saret fi Frankfurt am Main fuq il-perijodu mill-1994 sa l-1998, ġie ppreżentat ammont estensiv ta’ xogħol kunċettwali, ta’ tfassil dettaljat u ta’ implimentazzjoni lill-BĊE.