- STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA
Il-BĊE jiżvela d-disinji preselezzjonati għall-karti tal-flus ġodda u jniedi stħarriġ pubbliku
23 ta' Lulju 2026
- Il-BĊE jiżvela għaxar proposti ta' disinn preselezzjonati għas-serje li jmiss tal-karti tal-flus tal-euro
- L-Ewropej huma mistiedna jsemmgħu leħinhom fl-istħarriġ online sal-21 ta’ Settembru
- Il-Kunsill Governattiv mistenni jagħżel proposta ta' disinn waħda għall-ħabta tal-aħħar tas-sena
Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) illum żvela l-proposti tad-disinn preselezzjonati għas-serje li jmiss tal-karti tal-flus tal-euro u nieda stħarriġ pubbliku li jistieden lin-nies madwar l-Ewropa biex jipprovdu l-feedback tagħhom. Dawn il-proposti ta’ disinn huma bbażati fuq żewġ temi differenti – “Kultura Ewropea” u “Xmajjar u għasafar” – u fuq il-motifi assoċjati magħżula biex jesprimuhom.
“Il-karti tal-flus tal-euro huma aktar minn mezz ta’ ħlas – huma waħda mill-aktar espressjonijiet tanġibbli tal-Ewropa,” qalet Christine Lagarde, il-President tal-BĊE. “Permezz ta’ disinji li jikkombinaw is-sbuħija u t-tifsira, dawn se jsaħħu l-identità kondiviża tagħna.”
Il-proposti magħżula huma r-riżultat ta’ konkors tad-disinn li sar madwar l-Unjoni Ewropea kollha. Intbagħtu aktar minn 1,200 applikazzjoni minn disinjaturi grafiċi, li 25 minnhom ġew mistiedna joħolqu proposti ta’ disinn għal tema waħda jew għat-tnejn li huma. Ġurija indipendenti magħmula minn 21 espert f'oqsma differenti, bħad-disinn grafiku, il-komunikazzjoni, in-newroxjenza u l-istorja, b’kull espert jiġi nnominat minn bank ċentrali taż-żona tal-euro, imbagħad għamlet preselezzjoni ta’ għaxar proposti ta' disinn.
Issa, kulħadd fl-Ewropa huwa mistieden jgħid tiegħu, wara d-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE li jmexxi stħarriġ online dwar dawn l-għaxar proposti ta’ disinn. L-istħarriġ pubbliku se jibqa’ miftuħ sal-21 ta’ Settembru 2026. Se jsir stħarriġ separat bl-istess mistoqsijiet b'mod parallel minn kumpanija ta' riċerka indipendenti fost kampjun rappreżentattiv ta' ċittadini taż-żona tal-euro.
Il-BĊE se jippubblika rapport dwar ir-riżultati taż-żewġ stħarriġiet ladarba jintgħażel il-kunċett tad-disinn finali. Il-feedback tal-pubbliku huwa element ewlieni tal-approċċ inklużiv tal-Eurosistema, li jiżgura li jitqiesu l-fehmiet taċ-ċittadini madwar l-Ewropa kollha.
Il-Kunsill Governattiv huwa mistenni jieħu d-deċiżjoni finali dwar id-disinn il-ġdid tal-karti tal-flus għall-ħabta tal-aħħar tas-sena. Se jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq taħlita ta’ inputs, inklużi l-konklużjonijiet tal-Ġurija tal-Konkors tad-Disinn, valutazzjoni teknika u r-riżultati taż-żewġ stħarriġiet.
Id-disinn magħżul imbagħad jgħaddi żvilupp u ttestjar ulterjuri qabel ma jidħol fil-fażi tal-produzzjoni. Il-karti tal-flus mis-serje l-ġdida huma mistennija li jidħlu fiċ-ċirkolazzjoni fis-snin ta' wara. Il-karti tal-flus tal-euro mis-serje preċedenti se jżommu l-valur tagħhom u jkomplu jiċċirkolaw flimkien mas-serje l-ġdida. Dan se jkun l-ewwel disinn mill-ġdid sħiħ tal-karti tal-flus tal-euro sa mill-ħruġ tagħhom fl-2002.
“Id-disinn mill-ġdid tal-karti tal-flus tal-euro huwa parti minn sforz fit-tul tal-Eurosistema biex tiżgura li l-flus kontanti jibqgħu mezz ta’ ħlas sigur, effiċjenti u relatabbli, li jippreserva l-aċċess taċ-ċittadini għall-flus pubbliċi u l-libertà tagħhom li jagħżlu kif iħallsu,” qal il-membru tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE Piero Cipollone.
Il-ħruġ perjodiku ta’ serje ġdida ta’ karti tal-flus jagħmilha possibbli li jittieħed vantaġġ mill-avvanzi fit-teknoloġija biex wieħed jibqa’ pass ’il quddiem mill-iffalsifikar. Il-karti tal-flus il-ġodda se jinkorporaw karatteristiċi ta’ sigurtà ġodda u mtejba biex itejbu l-faċilità tal-awtentikazzjoni u l-aċċessibbiltà, anke għall-persuni b’vista batuta.
Il-BĊE qed jimmira wkoll li jnaqqas l-impronta ambjentali tal-karti tal-flus billi jtejjeb id-durabbiltà tagħhom u juża materjali u proċessi ta' produzzjoni aktar sostenibbli.
Għal stampi u filmati tal-proposti magħżula, il-proċess tal-għażla, u materjal viżiv ieħor, ara l-paġna ddedikata tagħna.
Jekk inti membru tal-pubbliku u għandek mistoqsija, jekk jogħġbok agħti ħarsa lejn l-FAQs tagħna qabel ma tissottometti talba permezz tal-formola web tagħna.
Għal mistoqsijiet min-naħa tal-media, jekk jogħġobkom ikkuntattjaw lil Alessandro Speciale, tel.: +49 69 172 1670791; Benoit Deeg, +49 69 1344 95686.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja