Għażliet għat-Tiftix
Home Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika monetarja L-euro Pagamenti u swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
  • STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Deċiżjonijiet tal-politika monetarja

22 ta’ Lulju 2021

Fir-reviżjoni reċenti tal-istrateġija tiegħu, il-Kunsill Governattiv qabel dwar mira ta’ inflazzjoni simetrika ta’ tnejn fil-mija fuq medda ta’ żmien medju. Ir-rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE ilhom viċin il-limitu l-iktar baxx tagħhom għal xi żmien u l-prospetti fi żmien medju għall-inflazzjoni għadhom taħt sew il-mira tal-Kunsill Governattiv. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Kunsill Governattiv illum irreveda l-gwida bil-quddiem tiegħu fuq ir-rati tal-imgħax. Huwa għamel hekk biex jenfasizza l-impenn tiegħu li jżomm pożizzjoni ta’ politika monetarja persistentement akkomodanti biex jilħaq il-mira tiegħu tal-inflazzjoni.

B’appoġġ għall-mira simetrika tiegħu ta’ inflazzjoni ta’ tnejn fil-mija u f’konformità mal-istrateġija tal-politika monetarja tiegħu, il-Kunsill Governattiv jistenna li r-rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE jibqgħu fil-livelli preżenti jew aktar baxxi tagħhom sakemm jara l-inflazzjoni tilħaq it-tnejn fil-mija ferm qabel it-tmiem l-orizzont tal-projezzjoni tiegħu u b'mod durevoli għall-bqija tal-orizzont tal-projezzjoni, u jiġġudika li l-progress imwettaq fl-inflazzjoni sottostanti huwa avvanzat biżżejjed biex ikun konsistenti mal-inflazzjoni li tistabbilizza fi tnejn fil-mija fuq medda ta’ żmien medju. Dan jista’ jimplika wkoll perjodu tranżitorju li fih l-inflazzjoni tkun moderatament ogħla mill-mira.

Wara li kkonferma l-valutazzjoni tiegħu ta’ Ġunju tal-kundizzjonijiet ta’ finanzjament u l-prospetti tal-inflazzjoni, il-Kunsill Governattiv ikompli jistenna li x-xiri taħt il-programm ta’ xiri tal-emerġenza pandemika (PEPP) matul it-trimestru kurrenti jsir b’pass ferm ogħla minn dak tal-ewwel xhur tas-sena.

Il-Kunsill Governattiv ikkonferma wkoll il-miżuri l-oħra tiegħu biex isostni l-mandat tiegħu ta’ stabbiltà fil-prezzijiet, jiġifieri l-livell tar-rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE, ix-xiri tiegħu taħt il-programm ta’ xiri ta’ assi (APP), il-politiki tiegħu ta’ investiment mill-ġdid u l-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tiegħu fuq żmien itwal. B’mod speċifiku

Ir-rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE

Ir-rata tal-imgħax fuq l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament u r-rati tal-imgħax fuq il-faċilità ta’ self marġinali u l-faċilità ta’ depożitu se jibqgħu l-istess f’0.00%, 0.25% u -0.50% rispettivament.

B’appoġġ għall-mira simetrika tiegħu ta’ inflazzjoni ta’ tnejn fil-mija u f’konformità mal-istrateġija tal-politika monetarja tiegħu, il-Kunsill Governattiv jistenna li r-rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE jibqgħu fil-livelli preżenti jew aktar baxxi tagħhom sakemm jara l-inflazzjoni tilħaq it-tnejn fil-mija ferm qabel it-tmiem l-orizzont tal-projezzjoni tiegħu u b'mod durevoli għall-bqija tal-orizzont tal-projezzjoni, u jiġġudika li l-progress imwettaq fl-inflazzjoni sottostanti huwa avvanzat biżżejjed biex ikun konsistenti mal-inflazzjoni li tistabbilizza fi tnejn fil-mija fuq medda ta’ żmien medju. Dan jista’ jimplika wkoll perjodu tranżitorju li fih l-inflazzjoni tkun moderatament ogħla mill-mira.

Programm ta’ xiri ta’ assi (APP)

Ix-xiri nett taħt l-APP se jkompli b’pass ta’ kull xahar ta’ €20 biljun. Il-Kunsill Governattiv ikompli jistenna li x-xiri ta’ assi netti ta’ kull xahar taħt l-APP jibqa’ għaddej sakemm ikun meħtieġ biex isaħħaħ l-impatt akkomodanti tar-rati tal-politika tiegħu, u jispiċċa ftit qabel ma jibda jgħolli r-rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE.

Il-Kunsill Governattiv għandu l-intenzjoni wkoll li jkompli jinvesti mill-ġdid, b'mod sħiħ, il-pagamenti prinċipali minn titoli li jimmaturaw mixtrija taħt l-APP għal perjodu estiż ta’ żmien wara d-data meta jibda jgħolli r-rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE, u fi kwalunkwe każ sakemm ikun meħtieġ biex iżżomm kundizzjonijiet ta’ likwidità favorevoli u grad abbundanti ta’ akkomodament monetarju.

Programm ta’ xiri tal-emerġenza pandemika (PEPP)

Il-Kunsill Governattiv se jkompli jwettaq xiri ta’ assi netti taħt il-PEPP b’pakkett totali ta’ €1,850 biljun sa mill-inqas l-aħħar ta’ Marzu 2022 u, fi kwalunkwe każ, sakemm jiġġudika li l-fażi tal-kriżi tal-koronavirus spiċċat.

Hekk kif l-informazzjoni li daħlet ikkonfermat il-valutazzjoni konġunta tal-kundizzjonijiet ta’ finanzjament u l-prospetti ta’ inflazzjoni mwettqa fil-laqgħa tal-politika monetarja ta’ Ġunju, il-Kunsill Governattiv ikompli jistenna li x-xiri taħt il-PEPP matul it-trimestru kurrenti jsir b’pass ferm ogħla milli matul l-ewwel xhur tas-sena.

Il-Kunsill Governattiv se jixtri b’mod flessibbli skont il-kundizzjonijiet tas-suq u bil-ħsieb li jipprevjeni issikkar tal-kundizzjonijiet ta’ finanzjament li huwa inkonsistenti mal-ġlieda kontra l-impatt ’l isfel tal-pandemija fuq it-triq proġettata tal-inflazzjoni. Barra minn hekk, il-flessibilità tax-xiri maż-żmien, fost il-klassijiet tal-assi u fost il-ġurisdizzjonijiet se tkompli tappoġġja t-trażmissjoni bla xkiel tal-politika monetarja. Jekk kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli jistgħu jinżammu bi flussi ta’ xiri ta’ assi li ma jeżawrixxux il-pakkett fuq l-orizzont ta’ xiri nett tal-PEPP, il-pakkett m'għandux għalfejn jintuża b'mod sħiħ. Bl-istess mod, il-pakkett jista’ jiġi kkalibrat mill-ġdid jekk meħtieġ biex jinżammu kundizzjonijiet ta' finanzjament favorevoli biex jgħinu fil-ġlieda kontra x-xokk pandemiku negattiv għat-triq tal-inflazzjoni.

Il-Kunsill Governattiv se jkompli jinvesti mill-ġdid il-pagamenti prinċipali minn titoli li jimmaturaw mixtrija taħt il-PEPP sa mill-inqas l-aħħar tal-2023. Fi kwalunkwe każ, l-introduzzjoni futura tal-portafoll tal-PEPP se tkun ġestita biex tevita interferenza mal-pożizzjoni xierqa tal-politika monetarja.

Operazzjonijiet ta’ rifinanzjament

Il-Kunsill Governattiv ser ikompli jipprovdi biżżejjed likwidità permezz tal-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tiegħu. B’mod partikolari, it-tielet sensiela ta’ operazzjonijiet immirati ta’ rifinanzjament fuq żmien itwal (TLTRO III) tibqa’ sors attraenti ta’ finanzjament għall-banek, li tappoġġja self bankarju lill-impriżi u lill-unitajiet domestiċi.

***

Il-Kunsill Governattiv jibqa’ lest biex jaġġusta l-istrumenti kollha tiegħu, kif ikun xieraq, biex jiżgura li l-inflazzjoni tistabilizza fil-mira tiegħu ta’ tnejn fil-mija fuq medda ta’ żmien medju.

Il-President tal-BĊE se tikkummenta dwar il-kunsiderazzjonijiet li wasslu għal dawn id-deċiżjonijiet waqt konferenza stampa li tibda fis-14:30 CET illum.

Għall-kliem eżatt miftieħem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja