X’inhi r-rata tal-faċilità ta' self marġinali?

13 ta' Settembru 2018

X’inhi r-rata tal-faċilità ta' self marġinali?

Ir-rata tal-faċilità ta' self marġinali hija r-rata tal-imgħax li jħallsu l-banek meta jisselfu mill-BĊE overnight. Meta jagħmlu dan, ikollhom jipprovdu kollateral, pereżempju titoli, biex jiggarantixxu li l-flus jitħallsu lura.

Ir-rata tal-faċilità ta' self marġinali hija waħda mit-tliet rati tal-imgħax li jistabbilixxi l-BĊE kull sitt ġimgħat bħala parti mix-xogħol tiegħu biex iżomm il-prezzijiet stabbli fiż-żona tal-euro.

Iż-żewġ rati l-oħra huma r-rata għall-operazzjonijiet ewlenin tagħna ta' rifinanzjament, li hija r-rata li biha l-banek jistgħu jisselfu mill-BĊE għal ġimgħa (dan jiswihom inqas milli jekk jisselfu overnight), u r-rata fuq il-faċilità tad-depożitu, li tiddefinixxi l-imgħax li l-banek jirċievu – jew li jkollhom iħallsu fi żminijiet ta' rati ta' imgħax negattivi – biex jiddepożitaw flus fil-BĊE overnight.