Kif tista' t-teknoloġija l-ġdida tittrasforma s-swieq finanzjarji?

19 ta' April 2017

Hemm teknoloġija ġdida li qed tiġbed ħafna attenzjoni fis-swieq finanzjarji. U waqt li l-isem – "distributed ledger technology" (teknoloġija tar-reġistru distribwit), jew DLT – jista' jinstema' bħala terminu tekniku, uħud jgħidu li dan għandu l-potenzjal biex ibiddel għalkollox il-mod kif jiffunzjonaw is-swieq finanzjarji u l-attività bankarja. Mela din it-teknoloġija x'inhi eżattament u għaliex hi importanti għal banek ċentrali bħalma hu l-BĊE?

X'inhi t-teknoloġija tar-reġistru distribwit?

It-teknoloġija tar-reġistru distribwit hi għodda li tirreġistra l-pussess – dan jista' jkun pereżempju, pussess ta' flus jew ta' assi, bħalma hi l-proprjetà. Illum, meta l-banek jagħmlu tranżazzjonijiet – i.e. meta l-pussess ta' flus jew assi finanzjarji jgħaddi minn id għal oħra – jagħmlu dan permezz ta' sistemi ċentralizzati, li spiss jitħaddmu mill-banek ċentrali. Il-banek iżommu kont tat-tranżazzjonijiet tagħhom f'bażijiet tad-dejta lokali, li jiġu aġġornati wara li tkun saret it-tranżazzjoni fis-sistema ċentralizzata.

Min-naħa l-oħra, reġistru distribwit hu bażi ta' dejta ta' tranżazzjonijiet mifruxa fuq netwerk ta' ħafna kompjuters, minflok maħżuna f'post ċentrali. Normalment, il-membri kollha tan-netwerk jistgħu jaqraw l-informazzjoni, u skont il-permessi li jkollhom, iżidu magħha.

L-iżjed tip komuni ta' DLT jissejjaħ "blockchain". L-isem ġej mill-fatt li t-tranżazzjonijiet jiġu raggruppati flimkien biex jiffurmaw blokki, u dawn jinhemżu bejniethom f'ordni kronoloġika biex jiffurmaw katina. Il-katina kollha hi protetta minn algoritmi matematiċi kumplessi maħsuba biex jiżguraw l-integrità u s-sigurtà tad-dejta. Din il-katina tifforma r-rekord komprensiv tat-tranżazzjonijiet kollha inklużi fil-bażi tad-dejta.

X'inhuma l-vantaġġi potenzjali?

Billi l-algoritmi jżommu d-dejta daqshekk sigura, u wkoll billi l-membri tan-netwerk normalment jistgħu jaraw jekk tkunx saret xi bidla fir-rekord, din it-teknoloġija għandha l-potenzjal li tirrendi iżjed diffiċli t-tranżazzjonijiet frodulenti.

Tista' wkoll tipprovdi titjib fl-effiċjenza billi r-rekords jistgħu jinżammu b'mod awtomatiku, biex b'hekk jiġi eliminat l-iżball uman, u jiġu simplifikati l-proċessi li altrimenti jistgħu jkunu kumplessi ħafna.

Hemm min saħansitra jgħid li d-DLT tista' tbiddel fundamentalment il-mod kif jaħdmu s-swieq finanzjarji billi telimina l-intermedjarju. Pereżempju, jista' jkun li ma jibqax meħtieġ li l-pagamenti bejn il-banek jgħaddu permezz ta' intermedjarji u/jew sistemi ta' pagament. U xi wħud jaħsbu li anke l-pagamenti privati tiegħek – li bħalissa jgħaddu kemm mill-bank tiegħek kif ukoll mill-bank tal-persuna li tkun qed tirċievi l-pagament tiegħek – ikunu jistgħu jsiru mingħajr l-involviment tal-bank tiegħek għaliex l-individwi jistgħu jkunu llinkjati direttament mal-bażi tad-dejta kondiviża.

Dan jitqies minn oħrajn bħala każ improbabbli għaliex x'aktarx li dejjem se jkun meħtieġ li l-awtoritajiet ċentrali jwettqu ċerti funzjonijiet, bħal sorveljanza u salvagwardja totali tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja.

Għaliex il-BĊE hu interessat f'din it-teknoloġija?

Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-BĊE hu li jiżgura li t-tranżazzjonijiet ikunu jistgħu jsiru b'mod sigur u effiċjenti fiż-żona kollha tal-euro. Bħala parti minn dan il-għan, aħna nissorveljaw mill-qrib kif isiru l-pagamenti u s-sistemi li jintużaw biex dawn isiru. Il-BĊE jappoġġa l-innovazzjoni jekk l-iżviluppi jkunu siguri u effiċjenti u joffru l-istess opportunitajiet lil kulħadd fl-Ewropa.

Barra minn hekk, il-BĊE nnifsu jħaddem għadd ta' sistemi li jgħinu biex iċaqalqu l-flus u l-assi madwar l-Ewropa. Irridu li dawn is-sistemi jkunu effiċjenti kemm jista' jkun, u għalhekk infittxu dejjem kif nistgħu nagħmlu titjib, waqt li nibqgħu niżguraw l-affidabbiltà waqt li t-teknoloġija tavvanza.

Għal dawn iż-żewġ raġunijiet, dejjem inżommu ruħna aġġornati fir-rigward ta' kull żvilupp teknoloġiku li jista' jkollu impatt fuq il-mod kif isiru t-tranżazzjonijiet.

Madankollu, waqt li d-DLT tippreżenta għadd ta' possibiltajiet interessanti għall-futur, din għadha teknoloġija relattivament ġdida u mhijiex matura biżżejjed biex nikkunsidraw l-użu tagħha fis-sistemi tagħna, li jiffurmaw is-sinsla tas-settur finanzjarju tal-Ewropa. U waqt li s-settur privat jesperimenta b'din it-teknoloġija, aħna rridu nkunu żguri li ebda servizz u prodott ġdid ibbażat fuq id-DLT ma jikkomprometti l-fluss sigur tat-tranżazzjonijiet – biex b'hekk inti tkun żgur li flusek u l-assi finanzjarji tiegħek huma sikuri u mhux soġġetti għal perikli waqt li jiċċaqalqu minn post għal ieħor.