European Central Bank - eurosystem
Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Testijiet ta' tagħmir għall-awtentikazzjoni tal-karti tal-flus

Għan

Biex il-manifatturi tat-tagħmir li jidentifika l-karti tal-flus foloz ikomplu fl-isforzi tagħhom li jiżviluppaw u jtejbu l-prodotti tagħhom, il-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema joffru lil dawn il-manifatturi, jew lill-aġenti tagħhom, il-possibbiltà li jittestjaw dan it-tagħmir tagħhom b’għażla wiesgħa ta’ karti tal-flus tal-euro foloz rappreżentattivi. Il-Bank Ċentrali Ewropew jippubblika tagħrif dwar it-tagħmir ittestjat biex min juża l-karti tal-flus ikun jista' jagħżel minn fost it-tagħmir disponibbli.

It-tagħmir li jidentifika l-karti tal-flus foloz jista' jgħin lill-bejjiegħa u lil kull min juża l-karti tal-flus tal-euro jagħrfu l-karti tal-flus foloz, iżda ma jistax jieħu post l-opinjoni meqjusa ta' min juża l-karti tal-flus li tkun ibażata fuq il-karatteristiċi ta' sigurtà tal-karti tal-flus (ara t-tagħrif dwar il-karatteristiċi ta' sigurtà tal-karti tal-flus tal-euro).

Kull tagħmir jiġi ttestjat minn bank ċentrali nazzjonali skont proċedura komuni tal-Eurosistema biex tiġi verifikata l-kapaċità tiegħu biex:

  • jidentifika b’mod korrett il-karti tal-flus tal-euro foloz f'mazz ta' karti tal-flus foloz użat għat-test (it-"test tal-identifikazzjoni tal-karti tal-flus foloz");
  • jidentifika b’mod korrett il-karti tal-flus tal-euro ġenwini f'mazz ta’ karti tal-flus ġenwini użat għat-test (it-"test tal-għarfien").

L-għan tat-testijiet mhuwiex li jiġi stabbilit jekk tagħmir hux faċli biex jintuża, jekk hux bla periklu, jekk idumx iservi, jekk hux faċli fil-manutenzjoni, u l-bqija.

Ambitu

Dawn it-testijiet huma offruti biss għal "tagħmir ta' identifikazzjoni b'mod awtomatiku". It-tagħmir ta' identifikazzjoni b'mod awtomatiku hu dak li jindika, permezz ta’ sinjal viżibbli jew li jinstema’ jew permezz ta’ kliem li jidher fuq skrin, jekk il-karta tal-flus li tkun ġiet verifikata tkunx ġenwina jew le.

It-tipi ta' tagħmir għall-awtentikazzjoni eliġibbli biex jiġu ttestjati jistgħu jinqasmu f'dawn il-kategoriji:

  • tagħmir awtonomu għall-awtentikazzjoni ta' karta waħda tal-flus li jaċċetta l-karti tal-flus waħda waħda (ma jipproċessax mazzi) – Kategorija 1a;
  • acceptor modules tal-karti tal-flus li jaċċettaw il-karti tal-flus waħda waħda (ma jipproċessawx mazzi) li jiġu integrati f'magni bħal dawk tal-bejgħ – Kategorija 1b;
  • tagħmir li jipproċessa mazzi ta' karti tal-flus billi jgħoddhom u jawtentikahom li mhuwiex adattat biex jiġi ttestjat skont id-Deċiżjoni BĊE/2010/14 (i.e. magni li jgħoddu l-karti tal-flus bla ma jisseparaw b'mod awtomatizzat il-karti tal-flus dubjużi minn dawk ġenwini) – Kategorija 2.

Strumenti ta' verifika, bħal lentijiet u lampi UV, li ma jagħtux ir-riżultat tal-verifika tal-awtentiċità b'mod awtomatiku u għalhekk irid ikun min juża l-karti tal-flus li jiddeċiedi jekk il-karta tal-flus verifikata tkunx ġenwina jew le, mhumiex koperti minn dawn it-testijiet. Barra dan, il-magni li jimmaniġġaw il-karti tal-flus ma jidħlux fl-ambitu ta' dawn it-testijiet (ara r-riżultati tat-testijiet tal-magni li jimmaniġġaw il-karti tal-flus).

Proċedura tat-testijiet

It-test li jidentifika l-karti tal-flus foloz isir bl-użu ta’ mazz standardizzat tat-testijiet magħmul minn karti tal-flus tal-euro ġenwini, karti tal-flus tal-euro foloz rappreżentattivi li jkunu nstabu fiċ-ċirkolazzjoni u dokumenti oħra li jkunu ġew manifatturati mill-Eurosistema biex jirriproduċu u jinkludu ċerti karatteristiċi tal-karti tal-flus tal-euro.

Fil-websajt tal-BĊE jixxandru biss it-tipi ta' tagħmir li jirnexxilhom jidentifikaw il-karti tal-flus foloz kollha fil-mazz tat-test. It-tipi ta' tagħmir li ma jgħaddux mit-test ma jixxandrux.

It-test tal-għarfien isir permezz ta' mazz tat-test li jkun fih 20 karta tal-flus tal-euro li jkunu ġenwini u f'kundizzjoni tajba għal kull sensiela u denominazzjoni aċċettati minn dak it-tip ta' tagħmir partikolari. Fil-websajt tal-BĊE jixxandru biss dawk it-tipi ta' tagħmir li jkunu aċċettaw 90% tal-karti tal-flus tal-euro li jkunu ġenwini u f'kundizzjoni tajba fil-mazz tat-test. Il-perċentwali tal-karti tal-flus tal-euro ġenwini li jkunu ġew verifikati bħala awtentiċi jkun indikat.

Perjodu ta’ validità tar-riżultati tat-testijiet

Ir-riżultati tat-testijiet jixxandru fil-websajt fi żmien xahar minn meta jkun tlesta t-test. Minħabba li jitfaċċaw karti tal-flus tal-euro foloz ġodda u l-mazz tal-karti tal-flus foloz użat għat-testijiet jiġi aġġornat regolarment, it-tagħrif dwar tagħmir li jkun ġie ttestjat jitneħħa mill-websajt tal-BĊE 12-il xahar wara tmiem ix-xahar tal-pubblikazzjoni, sakemm it-tagħmir ma jkunx għadda jew minn test annwali jew minn test ġdid li jkun sar ad hoc minn bank ċentrali nazzjonali. Jekk tip ta' tagħmir ma jgħaddix mit-test il-ġdid jew jekk il-manifattur min-naħa tiegħu jirrifjuta li jippreżenta t-tagħmir għal test ġdid, it-tagħrif dwar dak it-tip ta' tagħmir jitneħħa minnufih mil-lista jew listi. Rapporti qosra dwar it-testijiet mogħtija minn bank ċentrali nazzjonali lill-manifattur ta' tagħmir jew lill-aġent maħtur mill-manifattur ikunu validi biss fir-rigward tal-kundizzjonijiet tat-test fid-data tat-test u jibqgħu validi biss tul iż-żmien li r-riżultati tat-test jixxandru f'din il-websajt.

Minħabba li f'kull ħin jistgħu jitfaċċaw karti tal-flus foloz ġodda li jkun fihom karatteristiċi differenti minn dawk tal-karti tal-flus użati fit-test, ta' min jisħaq fuq il-fatt li r-riżultati tat-test tal-identifikazzjoni tal-karti tal-flus foloz u tat-test tal-għarfien imxandrin fil-websajt jirriflettu biss il-kapaċità tat-tagħmir ittestjat biex jidentifika l-karti tal-flus foloz li jkunu fil-mazz użat għat-test fil-jum tat-test (ara r-riżultati tat-testijiet ta' tagħmir għall-awtentikazzjoni tal-karti tal-flus).

Applika biex tittestja l-prodott tiegħek

It-testijiet jgħinu lill-manifatturi fl-isforzi tagħhom biex jiżviluppaw u jtejbu t-tagħmir għall-awtentikazzjoni tal-karti tal-flus. Il-manifatturi tat-tagħmir (jew l-aġenti maħtura minnhom) għandhom jikkuntattjaw bank ċentrali nazzjonali biex (jerġgħu) jittestjaw it-tagħmir, u dan isir bla ħlas (ara l-lista bid-dettalji tal-banek ċentrali nazzjonali).